ONOR. DAVID AGIUS: Hija sitwazzjoni inkwetanti li f’dan il-pajjiż ikollok sejħa għall-pożizzjoni tant importanti għal pajjiżna u ma jkollokx lanqas kandidat wieħed għal din il-pożizzjoni! Jaħseb il-Ministru li forsi l-kondizzjonijiet offruti għal din il-pożizzjoni għandhom jitjiebu, biex jattiraw l-aħjar nies biex iservu f’pożizzjoni diffiċli bħal din?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: Din hija konsiderazzjoni li wieħed jista’ jieħu. Però naħseb li din mhijiex ir-raġuni għaliex għad hemm dan il-post vakanti.
KORP TAL-PULIZIJA - DIRETTUR JEW AĠENT DIRETTUR 9300. L-ONOR. DAVID AGIUS (f’isem l-Onor. Jason Azzopardi) staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena l-aħħar li kien hemm l-istess persuna li qed tokkupa l-kariga ta' Direttur/Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-istess waqt li jkollha kariga oħra fil-Korp tal-Pulizija?
ONOR. EMANUEL MALLIA:Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bidu tas-snin disgħin kien hemm żewġ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li kienu nħatru Aġent Direttur tal-Ħabs fl-istess waqt li żammew il-kariga li kellhom fil-Korp tal-Pulizija.