ONOR. CHRIS SAID: Filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru li wieġeb l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija, nixtieq niġbed l-attenzjoni li t-tliet mistoqsijiet l-oħrajn li hemm fl-istess mistoqsija ma ġewx imwieġba. Hemm xi raġuni partikolari għalfejn dawn il-mistoqsijiet ma ġewx imwieġba?
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda raġuni partikolari. Il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant kienet dwar kemm kien hemm kumpaniji u individwi Għawdxin li bbenefikaw minn fondi Ewropej. Jien tajt l-ammont ta’ benefiċjarji kif ukoll l-ammont ta’ fondi Ewropej li minnhom ibbenefikaw dawn il-benefiċjarji. Jekk għall-mod tal-kelma wieħed se jsemmi l-kumpaniji jew il-benefiċjarji li bbenefikaw mill-Employment Aid Programme, allura n-natura ta’ dawn l-għajnuniet hija relatata ma’ inizjattivi relatati mal-impjegabilità. Jekk wieħed se jmur għat-turiżmu sostenibbli, is-sejħa minna nnifisha kienet tispjega x’tip ta’ intervent se jkun hemm. Allura ma nistax nifhem il-mistoqsija supplimentari tal-Onor. Interpellant.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.