SAN PAWL IL-BAĦAR – IMPJEGATI TA’ TRANSPORT MALTA FUQ IL-BUS STOPS W328. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li qed iwettqu diversi persuni li qed ikunu fuq il-bus stops fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar libsin uniformi ta' Transport Malta? X'inhu l-iskop ta' dan ix-xogħol, meta nbeda u għal kemm żmien se jkompli jitwettaq? X'użu se ssir/qed isir mill-informazzjoni li qiegħda tinġabar?
ONOR. JOE MIZZI:Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali ta’ Transport Malta wettqu eżerċizzji ta’ monitoraġġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll taw informazzjoni lill-passiġġiera li kienu qed jistennew fuq il-bus stop “Wileġ” minħabba li riċentement dan il-bus stop ġie rilokat.
L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ isir b’mod regolari fuq diversi rotot madwar Malta u Għawdex bil-għan li jiġi monitorjat l-andament tas-servizz fir-rigward ta’ frekwenza u puntwalità. Barra minn hekk, tkun moniterjata wkoll id-domanda għas-servizz. Permezz ta’ dan l-eżerċizzju, Transport Malta tidentifika problemi li jista’ jkun hemm fuq ir-rotot u jiġu senjalati lill-operatur sabiex jieħu l-azzjoni neċessarja.