ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari mhu minnu xejn li tneħħew xi ħaddiema li jaħslu l-kaxxi tal-Pitkalija u minflokhom ġew ingaġġati nies oħra. Li sar huwa li bħala parti mill-isforzi biex intejbu l-affarijiet, f’dawn l-aħħar ġimgħat daħħalna reġim iktar serju ta’ kif u meta jinħaslu l-kaxxi billi ma nħallux kaxxi jidħlu u jerġgħu joħorġu mill-Pitkalija mingħajr ma jkunu għaddew mill-proċess ta’ kontroll ta’ ndafa u allura ħasil kif jixraq. Dan qed ngħidu għax kien hemm min kien jidħol bil-kaxxi mimlija u minflok jirritornahom għall-ħasil, jgħabbihom bi prodotti, jew addirittura jżommhom għandu vojta, mingħajr ma jgħaddu għall-ħasla. Dan kien jikkawża nuqqas fil-kaxxi disponibbli għall-Pitkalija u nuqqas ukoll ta’ iġene. B’riżultat tal-miżura li ħadna però, żdied b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ kaxxi li qed ikun hemm bżonn li jinħaslu. Għalhekk bħala miżura ta’ urġenza u sakemm nagħmlu arranġamenti fit-tul, qabbadna kuntrattur sabiex żiedna l-ammont ta’ ħassiela b’ħamsa oħra, ’il fuq mill-għaxra li diġà kien hemm, biex b’hekk it-total disponibbli llum huwa ta’ ħmistax u foreman fuqhom. Ovvjament dan ma jfissirx li dawn kollha jkunu hemm kuljum u dan għal raġunijiet ta’ vacation leave u ta’ sick leave. Nispera li l-Onor. Interpellant jaqbel magħna li dak li għamilna hija xi ħaġa li hija tajba u ta’ ġid kemm għall-bidwi kif ukoll għall-konsumatur.
Sadanittant irrid ngħid li dawn il-ħassiela huma ħaddiema tal-kuntrattur u wara assessment finanzjarju, kien konkluż li jkun ferm irħas jekk il-Gvern jimpjega hu numru ta’ ħaddiema. Bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ tramite l-proċeduri tal-ETC li hija solita f’tali każi. Id-deċiżjoni s’issa hija li jiddaħħlu 10 impjegati iżda jista' jagħti l-każ li dawn jiżdiedu jekk jinħass il-bżonn. Ovvjament kull persuna li tkun tikkwalifika skont il-proċeduri tal-ETC, inkluż jekk ikunu eliġibbli dawk li jaħdmu mal-kuntrattur, tkun trid tgħaddi minn proċess ta’ għażla skont ir-regolamenti applikabbli.