ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, nixtieq ningħaqad mal-Prim Ministru biex nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-kollega u ħabib tagħna l-Onor. Chris Agius. Xi darba jew oħra lkoll ngħaddu mill-mument fejn irridu nsellmu lil missirijietna.
Is-Sur Victor Agius ma tantx kont nafu personalment però ħafna drabi l-persuna tkun riflessa f’uliedha. L-Onor. Chris Agius nafu bħala persuna dedikata, affabbli u rispettata ħafna minn tant nies. Naf li l-kariga tiegħu jħobbha u jipprova jgħin lil ħaddieħor u, milli smajt, is-Sur Victor Agius kien hekk ukoll. Bil-ħanut tiegħu pprova jagħti servizz u mix-xogħol tiegħu ried jagħti mhux biss lin-nies li jmorru u jinqdew mingħandu. Fil-fatt is-Sur Agius kien maħbub minn ħafna nies tal-lokalità.
Kien persuna li riedet tagħti l-aħjar għall-familja tagħha u l-Onor. Agius irnexxielu jagħmel familja b’sens ta’ valuri u b’sens pożittiv ta’ ħidma. Minkejja li ħafna drabi mhijiex ħaġa faċli li l-ġenituri jagħtu u jimbuttaw lil uliedhom fil-politika, filwaqt li forsi ma kienx faċli għalih li jara lil Chris f’dan l-impenn, m’għandix dubju li tah il-valuri tajbin u l-prinċipji tajbin u li se jkun qiegħed jirrifletti dan kollu fil-ħidma tiegħu f’dan il-Parlament u fis-servizz li qed jagħti fil-Kabinett. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad ukoll mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Jien lis-Sur Victor Agius, Alla jaħfirlu, ilni nafu snin twal. Dejjem kont niltaqa’ miegħu għand “Iż-Żiemel” f’Bormla dak iż-żmien. Kien ikun ma’ Mattie Grima, Alla jaħfirlu wkoll, u t-tnejn ħabbew ħafna dak kollu li kienu jemmnu fih. Nista’ ngħid li kull min kien jaf lil Victor kien jafu bħala persuna maħbuba minn kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.