Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,86 Mb.
səhifə53/212
tarix10.01.2022
ölçüsü0,86 Mb.
#100919
1   ...   49   50   51   52   53   54   55   56   ...   212
part-time job iżda ma sabx u allura l-pjan finanzjarju li kien qed jagħmel - qed nitkellmu fuq livell ta’ familja hawnhekk - marlu żmerċ u meta ġie għandi biex ngħinu jsib xogħol staqsieni x’suppost jagħmel. Qalli li mat-tfal ma jistax imur lura minn kelmtu u li l-familja tiegħu ħaqqha tmur vaganza jekk mhux cruise. Illum din il-familja waslet f’sitwazzjoni li la tista’ taffordja ħaġa u lanqas oħra. Meta bdejt niddiskuti miegħu x’inhuma l-għażliet li għandu, l-ewwel ħaġa li għedtlu, għalkemm ma naħsibx li hija xi ħaġa daqshekk faċli, kienet li jdur fuq il-membri tal-familja u jgħidilhom il-verità, ċjoè li xtaq li jagħmlu dawn l-affarijiet flimkien bħala familja però mhux se jirnexxilhom u li jiddispjaċih ħafna għal dan. Meta għedtlu hekk dan ir-raġel qalli: Imbagħad ma nidhirx qisni raġel bla stoffa, bla sinsla jew loser? Staqsejtu x’għażliet oħra għandu u qalli li ħaseb biex forsi jissellef xi flus. Jien mill-ewwel tajtu parir biex ma jidħolx għal self ta’ flus meta hu diġà għandu dubju jekk hux se jlaħħaq ma’ ċerti affarijiet tal-ħajja. Biex ma niħux fit-tul komplejna niddiskutu u mingħajr ma ridt spiċċajt naħseb fuq din il-familja. Kważi kważi ma nafx jekk huwiex il-każ li nagħmillu appuntament mal-Prim Ministru għax il-Prim Ministru jrid jifhem li din hija realtà u li bħala Prim Ministru jrid imexxi bl-eżempju.
Sur President, il-Prim Ministru wiegħed lill-poplu li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u żamm ma’ dik il-wegħda imma biex għamel dan wiegħed li se jibni power station ġdida tal-gass. Minkejja li kulħadd qallu biex ma jagħmilx dan il-proġett webbes rasu u għamel fattih. Imma dik il-wegħda kellha t-tieni parti tagħha li eventwalment jorħsu wkoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma industrijali. Ilkoll nafu li l-industrija ma tirċevix kontijiet tad-dawl bħalma tirċievi familja ta’ erbgħa min-nies imma tirċievi kontijiet kbar ħafna. Ngħid jien, mhux kulħadd jieħu pjaċir jara li jekk inti tista’ traħħas, traħħas? Imma jekk dik il-wegħda li traħħas kienet marbuta ma’ proġett ieħor trid tistaqsi ġenwinament min se jagħmel tajjeb għar-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-industrija u għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-familji li diġà raħsu. Kieku hawn il-Prim Ministru quddiemi naħseb li jdur lejja u jgħidli li ffrankaw mill-power station tal-BWSC. Mela issa l-power station tal-BWSC hija tajba u nistgħu niffrankaw minnha?! Din hija kontradizzjoni kbira għal dak li kien jgħidilna qabel l-elezzjoni li għaddiet. Pereżempju sirna nafu li nhar l-Erbgħa l-Onor. Konrad Mizzi se jkun qiegħed jispjega lil din il-Kamra dwar dan u nhar it-Tnejn se nkunu qed niddibattu dan is-suġġett. Mela le, il-poplu għandu dritt ikun jaf dwar il-wegħda li ma setax iżomm.
Sur President, ftit tal-ħin ilu fuq facebook rajt messaġġ ta’ industrijalist kbir fejn pubblikament qal li jekk ma noqogħdux attenti u l-Gvern ma jżommx mal-wegħdiet popolisti tiegħu se jniżżel lill-pajjiż għarkoupptejh. Jien m’iniex esperta fil-finanzi imma bħal ħafna nisa tad-dar dawn ir-realtajiet irrid niffaċċjahom kuljum. Min qed jismagħna jaf li meta tiġih il-paga d-dar, speċjalment jekk tkun paga waħda li fil-parti l-kbira tal-familji hija l-paga tar-raġel, irid iqassam dik il-paga b’għaqal u mhux għax fettillu jwiegħed xi ħaġa lil xi ħadd se jagħmilha. Dik la tagħmel sens ekonomiku u lanqas sens loġiku. Bl-Ingliż ngħidu living beyond your means. Mhux kulħadd jieħu pjaċir isuq karozza lussuża, jgħix ġo villa bil-pool, idur id-dinja u jagħmel l-affarijiet kollha li wieħed forsi joħlom li jagħmel?! Altru tkun tista’ tagħmilhom dawk l-affarijiet u altru ma tkunx tista’.
Fl-aħħar ftit ħin li baqagħli għad-dispożizzjoni tiegħi se nerġa’ mmur lura għal dak li bdejt bih dwar is-sitwazzjoni li għandna f’idejna bħalissa, speċjalment fejn jidħol id-dekasteru tal-Onor. Joe Mizzi. Paprata waħda f’waħda! Dan saħansitra wegħedna li jaf fejn hu ż-żejt. Lanqas irrid immiss ma’ dan is-suġġett għax il-wegħdiet tant huma fiergħa li tibda tistaqsi jekk dawn humiex biċ-ċajt jew bis-serjetà? Dawn l-affarijiet huma assurdi. Aktar minn hekk, Alla jbierek għandu soluzzjonijiet għal kollox. M’ilux rajtu waqt dibattitu mal-kollega tiegħi l-Onor. Toni Bezzina u xi nies oħrajn u meta bdew jistaqsuh: Tikkonsidra li jsir underground biex insolvu l-problema tat-traffiku? Tikkonsidra li jsir bridge? It-tweġiba tiegħu dejjem kienet: Iva, nikkonsidraw. Iva kollox? Fejn hu l-pjan? Fejn hija l-istrateġija? Fejn hu l-għaqal? Kieku m’aħniex nitkellmu fuq nies li għandhom ċerta esperjenza fil-ħajja nifhimha. L-Ingliżi jgħidu: Fool me once shame on you, fool me twice shame on me. Bil-Malti tfisser li jekk tidħak bija darba inti tkun dħakt bija imma jekk inħallik tidħak bija darba, darbtejn, tlieta, allura jien inkun belha. In-nies li qegħdin jisimgħuna mhumiex boloh. Tiskanta bl-affarijiet li smajna din il-ġimgħa għax issa kważi kważi l-Prim Ministru se jibda jwaħħal fl-Onor. Konrad Mizzi.
Sur President, biex inkun onesta rrid ngħid li naf li hemm strateġija tajba fit-team iż-żgħir tal-Prim Ministru li s’issa dejjem ħadmet. Wieħed għandu jinnota li kull meta jkun hemm xi ħaġa taħraq li ma jkunux iriduna niddiskutuha jdawru d-diskors. Din tal-lum klassika. Għax jafu li mhumiex jieħdu raġun fuq il-kwestjoni tal-power station, illum ġew jgħidulna li se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Dawn b’min ħasbu li qed jitmejlu? L-ewwel nett, li nagħmlu l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali mhuwiex kapriċċ jew privileġġ imma huwa dritt demokratiku u jekk għandu jsir xi tibdil għandna npoġġu bilqiegħda madwar mejda u niddiskutu. Fil-passat diġà ġraw dawn l-affarijiet. Imma le, qagħdu jżommu l-karrotta mdendla u issa meta raw li qed jitilfu waħda wara l-oħra qalu li se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u magħhom se jsir ir-referendum tal-kaċċa. In-nies mhumiex boloh. Ma tistax tibqa’ titmejjel bin-nies day in day out.
Ejja nkunu onesti, f’Marzu tal-2013 in-nies kienu xebgħu mill-Gvern Nazzjonalista. Wara 25 sena naħseb li anke min ikun ilu miżżewweġ daqshekk jibda jiġih id-dubju jekk xebax jew le,imma ejja ngħidu li l-politika mhijiex il-ħajja miżżewġa. Fil-ħajja miżżewġa trid tagħmel is-sagrifiċċji u it’s all give and take imma fil-politika mhux hekk. In-nies kienu xebgħu u allura kellhom id-dritt sagrosant li jibdlu imma kull bidla li tagħmel f’ħajtek tagħmilha għall-aħjar. Aħna lil uliedna mhux talli nixtequlhom il-ġid talli nixtiquhom ikunu aħjar minna. Però b’dak li qed naraw madwarna żgur li qed jinbtu dubji serji f’moħħ kulħadd.
Sur President, jien nixtieq nawgura aktar bonsens u aktar għaqal. Għadni ġejja minn żewġ laqgħat wara xulxin fejn kien hemm diskussjoni ħafna aktar kawta u kalma milli naħseb li kien hemm fil-House Business Committee. Kellna l-privileġġ li għal dawn il-laqgħat attenda l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg u qgħadt insegwi d-diskussjoni sana li kellna, fosthom fil-working group tad-dijabete. Il-Kummissarju Ewropew issorprenda ruħu anke kif rana bilqiegħda, għax mhux ta’ naħa qagħdu naħa u ta’ naħa oħra qagħdu n-naħa l-oħra imma tħallatna bejnietna biex naqsmu l-ideat. Hemm oqsma li żgur li fuqhom m’aħniex se niddibattu kontra xulxin imma għandna nsibu għaqda u kunsens għall-ġid ta’ pajjiżna.
Nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi ngħid li huwa importanti li dan il-Gvern jieqaf jidħak bin-nies. Għandu jibda jiggverna serjament u ma jirredikolax id-demokrazija tagħna. Nirringrazzjak.



Yüklə 0,86 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   49   50   51   52   53   54   55   56   ...   212




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin