MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI – PERSONS OF TRUST 10477. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jressaq lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu, is-servizz tagħhom lid-dekasteru tiegħu?
ONOR. EMANUEL MALLIA:Ninforma lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema perjodu qed tirreferi.
INTRODUZZJONI TAL-MARKA TA’ KWALITÀ 10495. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10342, billi fir-risposta qed jingħad li saru ħames round tables oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ltaqgħu l-istess round tables u x'ħareġ minn dawn ir-round tables? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar meta hu mistenni li jiltaqgħu l-istess round tables?
ONOR. LEO BRINCAT (Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima):Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ir-round tables li nżammu s'issa ltaqgħu fid-dati 2, 3, 9 u 10 ta’ Lulju. Dawn ir-round tables introduċew il-proċess ta' ħidma li jrid jitwettaq sabiex jiġu stabbiliti regoli ta' produzzjoni u standards ta' kwalità għal prodott jew prodotti f'settur, li jkunu jistgħu jsiru eliġibbli għall-marka ta' kwalità fuq bażi volontarja. Kull round table qed titmexxa skont iċ-ċirkostanzi partikolari f'dak is-settur u se jiġu mlaqqgħa skont l-eżiġenzi tal-parteċipanti u l-progress tekniku li jkun qed iseħħ. Waqt dawn ir-round tables ġie spjegat aktar fil-fond kif se tkun qiegħda taħdem l-iskema tal-kwalità u x’se jkun ir-rwol ta’ dawn ir-round tables fl-iżvilupp tal-Marka tal-Kwalità. Waqt dawn il-laqgħat ġie wkoll maqbul kif id-Direttorat se jkun qed jaħdem mar-round tables biex jiġu stabbiliti l-istandards tal-prodotti kkonċernati.
Sensiela ta’ laqgħat qed jiġu ppjanati għall-aħħar ta’ Ottubru.