ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk dawn il-korsijiet humiex fuq bażi volontarja jew inkella hemmx xi metodu kif qegħdin jintgħażlu n-nies? Dawn il-korsijiet huma mmirati lejn xi rank partikolari jew inkella għall-Korp kollu?
MR SPEAKER: Il-Ministru Emanuel Mallia.
ONOR. EMANUEL MALLIA: L-iskop huwa li ovvjament jiġi mmirat kull livell li għandna fil-Korp. Ovvjament il-livell akkademiku tal-membri tal-Korp huwa differenti wkoll. Għalhekk dan it-taħriġ irid ikun immirat biex naraw ir-riżorsi umani li għandna fil-Korp biex imbagħad id-Dipartiment appożitu li għandna fil-Korp tal-Pulizija jagħmel l-eżerċizzju meħtieġ. Irrid ngħid li dan id-Dipartiment għamel dan l-eżerċizzju fuq kull membru tal-Korp biex jara l-kapaċitajiet li għandu kull membru ħalli wieħed ikun jista’ jirristruttura, jagħti t-taħriġ u x-xogħol tal-membri jkun addett għall-postijiet skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet tagħhom.