ONOR. CHRIS SAID: Is-Segretarju Parlamentari semma t-tliet programmi li essenzjalment ittieħdu l-fondi minnhom. Jista’ jagħtina l-ammont ta’ fondi taħt kull programm u jgħidilna min kienu l-benefiċjarji taħt kull programm? Din kienet il-mistoqsija oriġinali u li s’issa għadha ma ġietx imwieġba.
MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
ONOR. IAN BORG: M’għandi l-ebda problema li nagħti din l-informazzjoni imma parti kbira minnha diġà hija pubblika fuq is-sit elettroniku. Jien qed nagħtih it-totali u għalhekk naħseb li ssodisfajt il-mistoqsija tiegħu. Jekk le, nerġa’ nagħtihomlu, imma bħalissa m’għandix iċ-ċifri miegħi maqsumin programm pragramm.
MR SPEAKER: L-Onor. Chris Said, mistoqsija supplimentari.