ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika mitluba minnu tinżamm mill-Pulizija li għandhom isiru r-rapporti dwar inċidenti tat-traffiku. Mal-proġett ta’ Triq Garibaldi kien sar xi titjib fil-liwja msemmija fis-sens li tjiebet il-qlib tat-triq favur il-liwja u li l-asfalt il-ġdid sar bi żrara iktar b’saħħitha li toffri skid resistance aħjar. Madankollu, bħala liwja baqgħet hemm minħabba li dak il-proġett kien jasal sat-tarf ta’ Triq Garibaldi u allura fl-aħħar ix-xogħol kellu jagħqad mat-triq eżistenti.
Sadanittant, din il-parti tat-triq imsemmija hija inkluża fil-proġett tal-junction tal-Marsa (ta’ ħdejn l-Addolorata) fejn qed jiġi propost li titjieb il-kurva li minn Triq Garibaldi teħdok għal Triq Aldo Moro billi l-vetturi jgħaddu minn quddiem il-fabbriki. Dawn il-pjanti ġew sottomessi lill-MEPA mid-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta permezz ta’ applikazzjoni numru PA 2309/14.