SAN PAWL IL-BAĦAR – KENNEDY DRIVE – ĠIEBJA/KAMRA ANTIKA W327. L-ONOR. ĊENSU GALEA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlitx xi kundizzjoni partikulari biex il-bini tal-kamra/ġiebja antika li hemm ħdejn Kennedy Drive, San Pawl il-Baħar, fil-parti fejn qed isir xogħol ta' twessigħ tal-istess triq, jiġi b'xi mod protett jew rilokat? Jekk iva, kif se jiġi protett dan il-bini u fejn se jiġi rilokat?
ONOR. JOSEPH MUSCAT:Fir-rapport li tħejja bħala parti mis-sottomissjonijiet tal-Istudju dwar l-Impatti Ambjentali (EIA) għall-applikazzjoni inkwistjoni, il-kamra msemmija ġiet indikata bħala waħda fi stat dilapidat u li għandha titneħħa. Saru konsultazzjonijiet mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u din il-kamra ma kenitx identifikata bħala waħda li għandha tiġi kkonservata.