MR SPEAKER: Il-Ministru Edward Zammit Lewis.
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS (Ministru għat-Turiżmu): Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-għadd ta’ impjegati ġodda full-time u part-time li daħlu mal-kumpanija Air Malta bejn Ottubru 2013 u Settembru 2014 u jekk hux b’kuntratt definit jew indefinit, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11146; u
Tagħrif dwar il-postijiet vakanti fl-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta fid-9 ta’ Ottubru 2014 kif ukoll id-data tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet biex jimtlew l-istess vakanzi, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 11149.
KUMITATI PERMANENTI MR SPEAKER: Ninforma lill-Kamra li skont paragrafu (4) tal-artikolu 120B tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, fil-laqgħa tal-lum it-Tnejn, 13 ta’ Ottubru 2014, tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, l-Onor. Anthony Agius Decelis se jkun qed jissostitwixxi lill-Onor. Deborah Schembri.
Ninforma wkoll lill-Kamra li skont l-istess paragrafu tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra fil-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Ottubru 2014, tal-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi, l-Onor. Owen Bonnici u l-Onor. Edward Zammit Lewis se jkunu qed jissostitwixxu lill-Onor. Carmelo Abela u lill-Onor. Deborah Schembri.
L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA:Sur President, bħala President ad hoc tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozz ta’ Liġi nixtieq ninforma lill-Kamra li l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali – Abbozz Numru 54 – li ġie diskuss fid-29 ta’ Lulju, 2014 għadda mill-istess Kumitat b’emendi. Nirringrazzjak.