MR SPEAKER: Ngħaddu issa għall-kondoljanzi ta’ Dr Alexander Cachia Zammit, eks Membru Parlamentari, Ministru, u Ambaxxatur, li ġie nieqes fit-30 ta’ Lulju, 2014 fl-età ta’ 90 sena. Kif saret konswetudni f’dan il-Parlament, ħriġna ktejjeb għall-okkażjoni li tqassam lill-Membri u lill-familjari tiegħu.
Il-Prim Ministru.
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, bla dubju ta’ xejn illum iż-żewġ naħat tal-Kamra qed jingħaqdu biex juru s-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ Dr Alexander Cachia Zammit. Nistqarr li fil-ftit snin li kont ilni nafu huwa dejjem laqatni bħala bniedem li jipprova jiżra’ l-kompromess, li jipprova jiżra’ d-djalogu u żgur li jista’ jkollna biss kliem ta’ tifħir fil-konfront tiegħu. Min-naħa tagħna se nistieden lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin sabiex jagħmel kelmtejn għax minn esperjenzi aktar personali u bħala konċittadin tiegħu naħseb li jista’ jagħtina apprezzament ferm aħjar.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. George Vella.