ONOR. GEORGE VELLA (Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, minkejja li dan mhuwiex avveniment sabiħ, nixtieq nirringrazzja lill-Prim Ministru talli f’din l-okkażjoni qed jagħtini l-opportunità li nfakkar il-memorja ta’ persuna li nafha ħafna mill-qrib. Naħseb li f’din il-Kamra ftit għad fadal li jafuh għaliex ovvjament iż-żmien għadda.
Jien trabbejt fir-raħal fejn kien jipprattika bħala tabib tal-familja. Meta kont wasalt biex nagħmel l-O Levels kien diġà ilu sitta jew seba’ snin jaħdem bħala tabib u kien rispettat immens. Meta eventwalment iddeċieda li joħroġ għall-politika kważi kważi xxokkja lil ħafna nies u kif jiġri dejjem, ħafna minn dawk li kienu jħobbuh u jirrispettawh bdew iħarsu lejh b’ċerta ottika. Però rrid ngħid li jien rajtu għal snin twal jaħdem bħala tabib fid-distrett b’ċerta karità, b’ċerta attenzjoni u b’ċerta mħabba lejn il-pazjenti.
Segwejtu wkoll fil-politika fejn ovvjament it-triq ma tibqax daqshekk lixxa. Kien hemm anke żmien meta l-politika kienet tintlagħab kemm kemm b’mod aktar goff milli tintlagħab illum. Kellu żewġ Ministeri li xejn ma kienu ħfief għax għamel żmien responsabbli mill-qasam tas-servizzi soċjali u mbagħad mill-qasam tas-saħħa u wieħed irid jifhem il-kontest ta’ dak iż-żmien fejn il-pajjiż kien għadu qed jirpilja minn wara l-gwerra u fejn kien hemm l-emigrazzjoni li kienet qed tifred il-familji u toħloq ħafna sentimenti.
Matul is-snin bqajt dejjem inżomm kuntatt miegħu, dejjem induru fl-istess ċrieki. Niftakru hawnhekk bħala Ministru u niftakru wkoll bħala Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede u anke għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dak kien żmien fejn kien kuntent immens għaliex kien iħobb dawn iċ-ċerimonji u anke kellu ċerta flair għalihom, jiġifieri kien jieħu gost bihom. Kif diġà stqarrejt meta talabni biex nagħmel il-ftuħ tal-ktieb tal-awtobijografija tiegħu, meta tlajna fil-gvern jien kelli niffaċċja d-dwejjaq li ngħidlu li se nwaqqfu għaliex konna se nagħmlu lil xi ħaddieħor. Madankollu, kellu karattru tajjeb u bqajna ħbieb intimi, bqajna niltaqgħu b’mod regolari, speċjalment fil-każini u fl-okkażjonijiet tal-irħula bħal dawk tal-aħħar tas-sena fejn wieħed jibdel ix-xewqat.
Dr Alexander Cachia Zammit kien bniedem korrett u dejjem jistaqsik kif inhi l-familja, eċċ. Fil-fatt irrid ngħid li minkejja s-snin twal li ma konniex fuq l-istess naħa tal-politika partiġjana, aħna dejjem urejna rispett kbir lil xulxin, dejjem bqajt nammirah għall-mod korrett tiegħu u għal kif kien iġib ruħu u anke għad-dinjità li kien iġorr miegħu meta kien ikun fil-pubbliku.
Ma nistax ma nsemmix xi ħaġa li hija barra mill-politika u li jien ma nistax ngħid li naqsam miegħu għaliex m’iniex daqshekk akkanit bħalma kien hu. Hawn qed nirreferi għall-imħabba enormi li kellu għall-festa ta’ Santa Katerina. Tant kien iffissat li aħna b’ċajta konna ngħidu bħalma konna ngħidu fuq Serafin Zarb: Kieku ma teżistix Santa Katerina jekk imur il-ġenna jivvintawlu waħda ħalli ma jkunx diżappuntat!
Dr Cachia Zammit kien ukoll President tal-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, fejn ġab id-dixxiplina u l-ordni, għal xejn inqas minn 50 sena. Fil-fatt konna ċċelebrajna l-50 sena anniversarju minn mindu sar President wara li kien segwa lil missieru li wkoll kien President ta’ dik l-għaqda. Huwa kien igawdi rispett enormi u ma niskantax li fil-ktejjeb li tqassam illum bħala tifkira tiegħu jinsab proprju liebes ingravata li fuqha għandha l-badge tal-Għaqda Mużikali Beland. Naħseb li kien kburi ħafna ħafna biha.
Il-festa għalih kienet avveniment li anke meta beda jbatti fis-saħħa kien jagħmel minn kollox biex ikun preżenti għaliha. L-aħħar laqgħa li kelli miegħu kienet meta kien f’Casa Antonia. Jien mort nittawwallu, moħħu kien għadu ċar ħafna, u tkellimna fuq ħafna affarijiet u kien ħa pjaċir isemmi meta konna nipprattikaw iż-Żejtun u mbagħad il-politika.
Fi kliem ieħor, huwa wieħed minn dawk l-irġiel li taw ħafna. Ovvjament hemm ħafna valutazzjonijiet x’wieħed jista’ jagħmel bħalma jsir fuq kull bniedem politiku però meta tqis li huwa seta’ liberament jibqa’ fil-ġenb, jaħdem bħala tabib u jgħix ħajja komda mingħajr ma jinvolvi ruħu, hemmhekk jien napprezza u nirringrazzjah tal-impenn tiegħu. Nies bħalu, minflok jibqgħu fil-ġenb jgħixu ħajja kwieta u jgawdu, jimpenjaw ruħhom għall-ħajja politika b’dak kollu li ġġib magħha.
Għaldaqstant f’isem din in-naħa tal-Kamra nirringrazzja lil Dr Cachia Zammit għax-xogħol li għamel għall-pajjiż. Jien grat għall-opportunità li kelli f’ħajti kollha, meta kelli kuntatt miegħu u ddiskutejna u ħdimna flimkien. Minn hawnhekk nixtieq inwassal il-kondoljanzi ta’ din in-naħa lis-Sinjura tiegħu u lit-tfal tiegħu John u Catherine. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear).