MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Claudette Buttigieg.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG:Sur President, ftit indirizzajt lil din il-Kamra u naħseb li bħalek u bħall-Membri kollha ta’ din il-Kamra kont qed nistenna li llum inkunu xi mkien ieħor! Imma ma rridx niftaħ ġrieħi. Naf li għadu kemm kien hemm diskussjoni fil-House Business Committee però dak li qed jiġri bħalissa f’pajjiżna qed jitfgħalna sens ta’ dubju fuq il-kompetenza tal-Gvern li qed imexxi dan il-pajjiż.
Aktar ma jgħaddu ġranet u xhur, aktar qed nirrealizza li huwa ovvju li f’ċerti oqsma hemm inkompetenza serja mill-Gvern li qed imexxina. Fir-rigward tal-Parlamen,t illum naf li sar ċertu diskors waqt il-laqgħa tal-Kumitat li għadha kemm saret. Fl-istess ħin li qed nagħmel dan id-diskors, il-gazzetti qed jgħidu li m’aħniex se nkunu nafu d-data ta’ meta se jitlesta l-proġett tal-Parlament il-ġdid. Però llejla mhux il-proġett tal-Parlament biss għandi x’nikkritika.
Issa se nitkellem ftit dwar it-traffiku. Ma nafx jekk hux tad-daħk jew tal-biki imma l-ġimgħa li għaddiet waqt il-programm News Feed fuq NET Television rappreżentanta tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qalet li t-traffiku huwa perċezzjoni. Għal min ma jafx, hija perċezzjoni meta filgħodu tinqabad fil-karozza għal nofs siegħa fit-traffiku mingħajr ma tiċċaqlaq u allura tkun sejjer tard għax-xogħol, tard għall-appuntament tiegħek l-isptar jew tard biex twassal lit-tfal l-iskola! Skont din il-persuna, jista’ jkun li dan kollu jkun frott tal-immaġinazzjoni tiegħek jew inkella tħoss li domt daqshekk imma fil-fatt ma tkunx domt. Din il-ġimgħa xi ħadd fuq facebook tella’ xi ħaġa verament ħelwa fejn qal:
“Għadni kemm għamilt nofs siegħa fit-traffiku imma fil-fatt kienet il-perċezzjoni tiegħi għax kienu 30 minuta!”
B’rabta mal-problema serja tat-traffiku li għandna f’pajjiżna, imbagħad għandna t-trasport pubbliku. Issa biex inkun onesta - għax irridu nkunu fair ma’ kulħadd - jekk kien hemm xi ħaġa li l-Gvern Nazzjonalista preċedenti qala’ kritika dwarha kienet il-kwestjoni tat-trasport pubbliku. Però wara dak il-baraxx kollu kulħadd kien qed jistenna li l-Gvern preżenti se jagħtina s-soluzzjonijiet. Iżda minflok x’qegħdin naraw? Qegħdin naraw ħafna aktar komplikazzjonijiet u traffic jams ma jispiċċaw qatt. Fid-distretti tal-kostitwenza tiegħi, jekk nieħu biss iż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u l-Mellieħa, kontinwament niltaqa’ ma’ nies li jgħidulek bil-problema kbira ta’ stennija fuq il-bus stops u bil-fatt li ma jistgħux jitilgħu anzjani u persuni b’diżabilità fuq il-mezzi tat-trasport li għandna. Is-sajf li għadda wħud mill-karozzi tal-linja lanqas biss kellhom l-arja kondizzjonata jew l-apparat ma kienx qed jitħaddem, eċċ. Hemm min forsi għadu qed joħlom li dan huwa Gvern li għadu qed jitgħallem kif imexxi dan il-pajjiż. Jekk dan huwa l-każ, mela l-problemi tagħna huma ħafna aktar serji milli wieħed jaħseb. Jien bdejt naqta’ qalbi minn dan il-Gvern. Naħseb li mhuwiex qed jitgħallem kif imexxi għax qed naraw ċertu sens ta’ suppervja min-naħa tiegħu u għandu l-attitudni ta’ Mr know it all. Allura agħar milli għadu qed jitgħallem, ma jridx jitgħallem.
Nixtieq infakkar li l-Gvern li qiegħed in-naħa l-oħra ta’ din il-Kamra kien wegħedna l-famuża road map. Din saret ċajta u l-farsa tas-seklu. Naħseb li jekk illum issemmi r-road map kulħadd jinfaqa’ jidħak. Nixtieq infakkar lill-Membri tal-Kabinett - imma l-b’mod speċjali lill-Prim Ministru għax ir-responsabilità taqa’ fuqu - li pajjiż tmexxih billi toħloq il-ġid u mhux billi tbigħu. Pajjiż tmexxih bil-għaqal mhux billi tagħmel ir-riċevimenti, tieħu r-ritratti u twarrab nies li huma ta’ ċertu kalibru fil-pajjiż u żżomm nies oħrajn u mingħalik li qed toħroġ ta’ eroj meta tagħmel hekk. Pajjiż tmexxih billi xxammar il-kmiem u mhux iddur id-dinja tbigħ lil pajjiżna jew iżżur pajjiżi oħrajn bla heda mal-familja u mal-ħbieb li tagħżel. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li aħna rridu Prim Ministru u mhux salesman. Aħna rridu Prim Ministru u mhux event organiser. Aħna rridu Prim Ministru u mhux tour leader.
Sur President, ta’ spiss qed niltaqgħu ma’ nies li jiġu bi problemi serji marbutin ma’ xogħol. Uħud minnhom ikollhom kwestjonijiet ta’ trasferimenti u oħrajn kwestjonijiet ta’ kondizzjonijiet ta’ xogħol fejn ikunu miftehmin mod u jsir mod ieħor. Riċentement iltqajt ma’ raġel bi problema li naħseb li hija pjuttost serja. Dan ir-raġel, li inċidentalment huwa ħaddiem tal-Enemalta, kien qed jagħmel pjan għal ħajtu u għal ħajja tal-familja tiegħu. Dan kien jaf li ż-żewġ uliedu xtaqu li jkollhom smartphone u qalli li għamel kalkolu li bl-overtime li kien imdorri jaħdem u jekk forsi jsib part-time job ikun jista’ jkopri l-ispiża biex jixtrilhom dak li għal ħafna jidher bħala kapriċċ imma li għal uħud huwa status soċjali. Qalli wkoll li dejjem wiegħed lill-mara tiegħu li bħala familja xi darba jmorru cruise. Ġara li meta xtara ż-żewġ ċellulari lit-tfal tiegħu tneħħielu l-overtime kollu minn mal-Enemalta. Dan ipprova jsib