Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-affarijiet soċjali



Yüklə 129,84 Kb.
səhifə2/3
tarix30.07.2018
ölçüsü129,84 Kb.
#64532
1   2   3

ONOR. EVARIST BARTOLO: Waqt li kont qed titkellem indunajt li ma tantx użajt il-kelma "minimu". Forsi allerġiku għal din il-kelma?
PROF. KENNETH WAIN: Naraha redundant.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Forsi ma ddiskutejnihiex biżżejjed, pero' ma nafx għandux ikun hemm il-kelma "minimu" fit-titolu.
PROF. KENNETH WAIN: Ma naħsibx li hemm bżonn nużaw il-kelma "minimu". Jien dejjem argumentajt li dan m'huwiex "national minimum curriculum", imma huwa "national curriculum". M'hemmx "minimu" u "massimu". Jien naħseb li meta nitkellmu fuq national curriculum irridu nkunu ċari dwar dak li qegħdin nagħmlu. Fl-opinjoni tiegħi, meta nagħmlu national curriculum, qegħdin nagħmluh għal żewġ raġunijiet. Waħda minnhom hija dik li semma Carm Borg, jiġifieri biex niggarantixxu d-drittijiet tat-tfal kollha, niggarantixxulhom l-entitlement tagħhom; u l-oħra hija biex inkunu ċerti li l-viżjoni tal-pajjiż u l-istandards ta' l-iskejjel tagħna jkunu dak li jixraq għad-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum. Allura li tgħid "minimum" u "maximum", hija superfluwa. Naħseb li dan huwa l-kurrikulu li għandna bżonn biex inwettqu l-għanijiet li għandna.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Il-bidliet li inti rajt li hemm bżonn fil-livell ta' skejjel, jinkludu wkoll bidla - u din hija bidla aktar diffiċli imma trid issir biex dak li awgurajt inti jitwettaq - fil-financial budgeting ta' l-iskejjel, jiġifieri fl-ischool funding, fil-mod kif l-iskejjel tagħna are funded? Mingħand il-kapijiet ta' l-iskejjel smajna dwar il-problemi li għandhom mil-lat ta' funds, per eżempju, li ma jitħallewx jitrasferixxu flus minn account għall-ieħor. Naf li bidla fil-mod ta' funding trid tkun bidla gradwali u naf li timplika ħafna diffikultajiet, imma m'għandniex naqtgħu qalbna minnha. Naħseb li ħafna mill-bidliet li jridu jsiru ma jsirux jekk ma jkunx hemm bidla fil-formola ta' l-ischool funding u poter aktar lill-heads fil-mod kif iħaddmu l-budgets tagħhom ta' kull skola. Taħseb li dak li tgħallimna mill-esperjenza ta' budgeting għall-iskejjel tal-knisja għandu jservina ta' mudell biex naraw x'jista' jsir fil-każ ta' l-iskejjel ta' l-Istat, anke jekk ma naslux biex nagħmlu bidla radikali mill-ewwel? Jien naħseb li kieku l-iskejjel tal-gvern qegħdin fl-istess punt fejn diġa' waslu l-iskejjel tal-knisja, inkunu għamilna passi kbar 'il quddiem.
PROF. KENNETH WAIN: Ċertament li naqbel miegħek. Naturalment il-kapijiet ta' l-iskejjel jistgħu jitkellmu aktar minni dwar x'inhuma l-problemi li jiltaqgħu magħhom fis-sistema preżenti ta' budgeting għax għandhom l-esperjenza personali tagħhom, pero' jien nemmen li waħda mill-affarijiet li jeħtieġ li nagħmlu u li ma tiswilna xejn, hija li mhux naraw x'għandna bżonn nagħmlu mill-ġdid, imma li naraw kif nirriorganizzaw l-affarijiet li diġa' għandna biex nagħmluhom jaħdmu b'mod aktar effiċjenti. Jien l-ewwel ipprovajt insemmi żewġ affarijiet li jagħmlu s-sistema iktar effiċjenti; li d-deployment isir mill-iskejjel u li l-iskejjel ikollhom dritt għall-għażla tal-kotba u l-iżvilupp tas-sistemi pedagoġiċi. Naturalment il-budgeting huwa importanti ħafna għaliex jekk il-head of school ikollu idejh marbuta fuq kif jista' jonfoq il-flus, se timpedixxi l-freedom of action tiegħu b'mod li l-management ta' l-iskola stess jistaġna. Li rrid ngħid huwa dan; jekk aħna verament irridu nkunu relevanti għad-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum, ma jistax ikun ma jkollniex skejjel li huma dinamiċi u dinamiċi minn kull aspett. Dinamiċi mill-mod kif iħaddmu l-kurrikulu, dinamiċi mill-mod kif jagħmlu deployment ta' l-istaff u staff development u dinamiċi fil-mod kif jiġġeneraw u jonfqu l-finanzi tagħhom. Id-dinamiżmu huwa l-qalba tas-sistema moderna ta' kif jimxu l-iskejjel. Jekk inti ddaħħal ħafna burokraziji u ħafna tfixkil, dak id-dinamiżmu se tnaqqsu u allura dik it-tip ta' effiċjenza li semmejt int iktar kmieni, lanqas tagħmel sens. Saret ħafna riċerka fuq school efficiency u nistgħu nitkellmu fuq effiċjenza ta' l-iskejjel, iżda jrid ikollok sitwazzjoni li tippermetti li din l-effiċjenza ssir, u ovvjament parti minn dik is-sitwazzjoni hija l-amministrazzjoni tal-fondi ta' l-iskola.
A/CHAIRPERSON: L-Onor. Asciak.
ONOR. MICHAEL ASCIAK: Donnok qrajtli moħħi għaliex ridt nistaqsik fuq x'kontribut taħseb li jistgħu jagħtu l-kunsilli lokali li bil-mod il-mod se jkollhom jassorbu f'idejhom iktar poteri f'dan ir-rwol ta' diċentralizzazzjoni. Qed ngħid hekk b'ċertu esperjenza għaliex jien kont sindku ta' Birkirkara u dak iż-żmien konna ħadna l-inkarigu li nippubblikaw ktieb għat-tfal ta' l-iskejjel primarji, ktieb li kien interattiv u li kien jittratta l-istorja ta' Birkirkara u ta' l-ambjent ta' madwaru u li kien imur lura għaż-żmien il-Puniċi. Kien informattiv ħafna għan-nies tal-lokal u konna ppubblikajnih f'booklet form u qassamnih b'xejn lill-iskejjel primarji kollha ta' Birkirkara, kemm dawk tal-gvern u kemm dawk privati. Sfortunatament din l-inizjattiva tal-kunsill, li ttieħdet anke minn teachers li kienu kunsilliera fil-kunsill, waqgħet fuq art mhux fertili. Aħna ma ridniex nieħdu nofs is-sillabu ta' l-istorja, jew tas-civics, imma nonostante l-isforzi li l-kunsill kien qed jagħmel biex il-ktieb li qassamna b'xejn - għamilna xi 3,000 kopja - jiġi nkorporat fis-syllabus tat-tfal, kien hemm reżistenza kbira minn għalliema fl-iskejjel tal-gvern. Tawna numru ta' raġunijiet għala ma kellhomx jużaw il-ktieb li tajnihom, fosthom għax it-teachers ma kenux imkissra fuq il-ktieb u għax ma kellhomx il-ħin joqogħdu jdaħħlu materjal lokali fis-syllabus. Insomma, nista' ngħidlek li tawna mitt raġuni għaliex dan il-ktieb ma setax jintuża. Hija ħasra li ma ntużax għaliex bażikament dan kien fuq l-istorja lokali, local Maltese history iffokata fuq l-istorja tar-raħal fejn joqogħdu t-tfal li kienu se jistudjawh. Jien personalment inħoss, ma nafx taqbilx miegħi, li l-kunsilli lokali għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom f'din it-tip ta' diċentralizzazzjoni. Għandhom jiffunzjonaw bħala community centres. Xi ħadd irid jintegra dik il-funzjoni u naħseb li par excellence, l-istruttura, l-istituzzjoni li tista' tintegra dik it-tip ta' attivita' jekk ma rridux li jkollna ċentralizzazzjoni, huwa l-kunsill lokali li huwa awtorita' eletta. Ma nafx jekk fis-syllabus nistgħux indaħħlu xi rwol li jista' jaqdi l-kunsill lokali għaliex inħoss li ħafna mill-potenzjal tal-kunsilli lokali qed jintilef.
PROF. KENNETH WAIN: Meta qed nitkellmu fuq skejjel, qed nirriferu għall-iskejjel tal-lokal, jiġifieri l-iskejjel primarji. Jien nemmen li l-iskejjel primarji għandhom ikunu meqjusa bħala parti integrali tal-komunita' u huma parti mir-responsabbilta' tal-komunita'. Ċertament nemmen li jrid isir studju kif il-kunsilli lokali jistgħu jgħinu biex l-iskejjel jiżviluppaw b'dan il-mod. Mhux sempliċement billi jiġi studjat kif ir-riżorsi ta' l-iskejjel jistgħu jiġu wżati mill-komunita', imma anke kif ir-riżorsi tal-komunita', li jistgħu jkunu kemm umani u kemm finanzjarji, ikunu jistgħu jintużaw mill-iskola. Forsi ċerti kunsilli jkunu preparati li jinvestu flus, kif għamiltu intom, fl-iskejjel tal-lokal tagħhom. Li qed ngħid hu li r-riżorsi tal-komunita', anke dawk umani, jistgħu jkunu wkoll riżorsi ta' l-iskola.
Bħala reazzjoni għal dak li għedt dwar il-ktieb li kontu ppubblikajtu, nixtieq niġi lura għal dak li jien semmejt qabel, meta wżajt il-kelma "deskilling". Ma nafx jekk ftehemtx tajjeb x'ridt ngħid, imma b'"deskilling" ridt infisser li jekk xi ħaġa li suppost hija parti mill-għodda tiegħek, hija skill tiegħek, ma tantx tużaha, finalment titlifha. L-iskill li jkollok ma tibqagħlekx hemmhekk. Naħseb li waħda mill-problemi kienet proprju din il-problema ta' "deskilling". L-għalliema tagħna tant m'humiex imdorrijin li jieħdu deċiżjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam ma' kotba, textbooks, sistemi ta' tagħlim, software, eċċ. li ħafna drabi jispiċċaw li jitilfu, l-iskill li jevalwaw, jitilfu l-motiv. Importanti ħafna li l-għalliema jaqraw il-letterattura professjonali, li jaqraw il-journals tat-teachers li jirrakkmandaw kotba u sistemi ta' tagħlim differenti, imma jekk l-għalliem m'għandux parti fid-deċiżjoni ta' dawn l-affarijiet, m'għandux motiv li joqgħod ifittex, m'għandux motiv joqgħod jaqra, m'għandux motiv li joqgħod jikkompara sistema ma' oħra, per eżempju, jikkompara skema tas-science jew reading scheme ma' xi skema oħra biex jara liema hi l-aħjar. Allura meta inti tiffaċċja għalliema bi ktieb ġdid, inti se tiltaqa' ma' din it-tip ta' problema. Aħna rridu li dan it-tip ta' xogħol li fil-fatt isir fl-iskejjel privati u indipendenti kollha, ikun parti mill-kultura ta' l-iskola u parti mill-kultura ta' l-għalliema. Fl-iskejjel indipendenti u privati, l-għalliema jiddiskutu u jitkellmu bejniethom, jagħżlu l-kotba, jevalwawhom, ibiddluhom u jissuġġerixxu oħrajn. Jiġifieri dan it-tip ta' xogħol diġa' jsir f'ċertu skejjel. Dan huwa l-proċess dinamiku li kont qed nitkellem fuqu aktar kmieni. Jekk lit-teachers ma tinvolvihomx f'dawn id-deċiżjonijiet, l-iskola se sservi biss bħala l-post li jridu jqattgħu seba' sigħat fiha kuljum. Ma jkollhomx motiv għalfejn jibqgħu wara l-ħin. Dalgħodu, is-Sur Bencini qal li t-teachers jagħmlu ħafna xogħol id-dar u Dr. Carm Borg staqsa għaliex dak ix-xogħol ma jistgħux jagħmluh fl-iskola. Jista' jkun li fl-iskola qegħdin jagħmlu l-affarijiet li qed insemmi, imma jekk lit-teachers ma nittrattawhomx bħala professjonisti, ma nistgħux nippretendu minnhom li jkollhom l-attitudni professjonali. U parti milli tkun professjonist, huwa proprju li jkollok say importanti fl-għodda li trid taħdem biha li f'dan il-każ hu l-kurrikulu. Fil-kurrikulu qegħdin ngħidu li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-kultura ta' l-iskejjel Nafu li din m'hijiex faċli, nafu li tieħu ż-żmien u nafu wkoll li hemm ħafna għalliema li jekk tagħtihom din it-tip ta' responsabbilta' jibżgħu minnha. Nafu li għandna għalliema fl-iskejjel tagħna li ilhom jgħallmu l-istess form, għal ħmistax-il sena jew aktar. Għalija, dik hija policy żbaljata. Kieku jien kont head ta' skola, kull ħames snin inqalleb l-istaff kollu. Jekk xi ħadd ikun ilu jgħallem it-tfal ta' Year 3 għal xi ħames snin, jew anke għal inqas, nara li jibda jgħallem Year 4.
MEMBRU: Jagħmlu mass transfer.
PROF. KENNETH WAIN: Jagħmlu mass transfer jekk nibqgħu bis-sistema ta' transfers. Anke din il-kwestjoni ta' transfers għandha tispiċċa. Jekk ikollok direct deployment ta' l-għalliema mill-iskejjel, il-problema tat-transfers tispiċċa. Jekk teacher tkun tixtieq tmur fi skola oħra, tapplika għal dik l-iskola u jekk tintgħażel, tmur hemmhekk. Imma tkun deċiżjoni tagħha li ċċaqilqet. Għalija, sistema bħal din hija healthy ħafna. Jien nemmen ukoll li dan iwassal biex jitnaqqas ħafna mill-piż li għandha d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni. Jien nemmen li dawn il-problemi kollha, il-problemi ta' deployment, ta' transfers, ta' long term planning, ta' kemm se jkollna bżonn teachers, eċċ., huma problemi li jistgħu jissolvu b'bidla strateġika fil-mod ta' deployment. Forsi qed inkun ottimist imma hekk nemmen.
DR. CARM BORG: Jimporta nirrispondi daqsxejn għall-punt li qajjem l-Onor. Asciak b'riferenza għall-kunsilli lokali? Illum naċċettaw li l-kunsilli lokali huma parti mil-landscape demokratiku tal-pajjiż u f'paġna 28 tal-kurrikulu - Għan 2: Żvilupp ta' Ċittadini u Ambjent Demokratiku - taħt is-section Għerf/Tagħrif, daħħalna għarfien ikbar dwar ir-rwol u l-preżenza tal-kunsilli lokali fil-komunita'. Li hawn interessanti hu li jien u Mr Mizzi, tul dawn l-aħħar tliet snin, ma waqafniex fuq il-livell ta' kontenut, ta' għarfien dwar fatti, imma dħalna wkoll fi skills f'dak li għandu x'jaqsam ma' tisħiħ ta' ambjent demokratiku, u allura tisħiħ tal-kunsilli lokali. Daħħalna issues bħalma huma lobbying, kif tagħmel petizzjoni, kif tmur għand il-kunsill lokali u titlob id-drittijiet tiegħek, eċċ. Jiġifieri mhux biss waqafna fuq livell ta' għarfien, informazzjoni dwar il-kunsilli lokali, imma taħt din il-kategorija daħħalna skills importanti li ovvjament huma kruċjali jekk aħna tassew irridu nsaħħu l-kultura demokratika tal-pajjiż. Ċertament li llum, anke fit-tfassil tal-kurrikulu, aċċettajna l-fatt li l-kunsilli lokali huma parti integrali tal-komunita'.

A/CHAIRPERSON: L-Onor. Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Prof. Wain semma li wieħed irid iħares lejn l-għalliem bħala professjonist. Taħseb li wasal iż-żmien li l-għalliema jkollhom, per eżempju, continuous professional development, jew xi forma ta' creditation, affarijiet li ma jidhirlix li ssemmew f'dawn id-diskussjonijiet? Bla dubju ta' xejn, il-qasam ta' l-edukazzjoni huwa struttura kbira u aħna għandna strutturi, proċessi u outcomes. Ħafna drabi, biex niftiehmu, nitkellmu dwar l-outcome, fis-sens kemm għandna studenti l-Universita', kemm persuni għandhom tertiary education, kemm għandna nies ħerġin mill-iskejjel sekondarji ma jafux jaqraw u jiktbu, pero' l-evaluation m'hijiex just an academic exercise imma hija xi ħaġa li rridu nikkomunikaw dwarha ma' kulħadd u rridu niddiskutu bejnietna biex naraw jekk il-kurrikulu huwiex verament qed iwassalna fejn nixtiequ li naslu. Illum, minkejja li qegħdin bieb u għatba mal-millennju l-ġdid, għad għandna nies ħerġin mill-iskejjel ma jafux jaqraw u jiktbu. That is one thing, u minn dan l-aspett, nixtieq nisma' kelma li hawnhekk mhux żgur smajnieha, l-ekwita'. Ekwita' hija xi ħaġa li nitkellmu fuqha f'ħafna aspetti, imma fl-edukazzjoni x'inhu l-konċett ta' ekwita'? Jekk se nibqgħu b'dawn l-evaluation tools, m'hu se naslu qatt għaliex żgur li mhux kulħadd se jkompli jistudja sal-livell universitarju, pero' żgur li dan m'huwiex l-iskop ta' xi ħadd. Anzi, dak li qed jissemma hawnhekk, huwa ferm aktar wiesa' minn hekk. Hawnhekk insibu valuri li lkoll kemm aħna naqblu li għandna bżonnhom biex ikollna soċjeta' iktar b'saħħitha. Qed tifhimni x'qed nipprova ngħid? Dan li qed ngħid qisu għadu ma joħroġx mid-dokument, pero' nemmen li qiegħed hemm u qiegħed fl-imħuħ tagħna lkoll, imma importanti li kulħadd jifhem fuq xiex qed nitkellmu.
Meta jien għedt li d-dokument qisu dokument mill-esperti għall-esperti, forsi użajt kliem daqsxejn iebsin, imma f'moħħi kelli li meta qed nitkellmu fuq id-demokrazija, kulħadd irid jifhem eżattament x'qegħdin ngħidu. Kulħadd irid jifhem x'jista' joħroġ b'mod konkret minn dawn l-affarijiet għaliex hawn qed nitkellmu fuq firxa wiesgħa ta' nies, fuq tfal żgħar, fuq żgħażagħ, fuq ġenituri u fuq industrijalisti. Bażikament qed nitkellmu fuq kulħadd. Ilqatna lil kulħadd. X'inhuma r-reazzjonijiet tiegħek, b'mod partikolari dwar l-ekwita'? Kif tara li dan id-dokument se jirnexxielu jassigura l-ekwita'?
PROF. KENNETH WAIN: Dalgħodu Dr. Carm Borg tkellem fuq professional development u ma nafx jekk iridx iżid xi ħaġa oħra, pero' jien se nitkellem dwar l-ekwita'. Jien naħseb li l-ekwita' hija fil-qalb ta' dan id-dokument. Aħna, bħalma qed tgħid inti, l-ekwtia' nifhmuha bħala ħaġa li titqies mill-outcome. Niftakar li fis-snin sebgħin, meta konna nitkellmu fuq l-ekwita', konna qegħdin infissru ugwaljanza ta' l-opportunita'. Pero' rridu nagħmlu distinzjoni bejn "ugwaljanza" u "ekwita'". Għalina, l-ugwaljanza li inti tagħti lil kulħadd l-istess ċans, equality of opportunity, m'hijiex l-ekwita' li nemmnu biha aħna. Aħna nemmnu li l-ekwita' tiġi stabbilita meta tħares lejn l-outcome, tħares lejn il-prodott. Aħna nemmnu li l-ekwita' ma tfissirx li l-istudenti kollha joħorġu mis-sistema bl-istess affarijiet, imma tfisser li kull individwu jitħarislu d-dritt tiegħu u li l-potenzjal tiegħu jiġi żviluppat sa l-massimu tiegħu bir-riżorsi li għandu l-pajjiż u li jista' jpoġġi ġo l-iskejjel. Voldieri ċertament li ma nistgħux inqisu s-suċċess ta' sistema edukattiva fuq in-numru ta' nies li jmorru l-Universita' jew li jiggradwaw. Proprjament dak hu li jinkwetana. Tinkwetana dik il-grey area ta' 86% ta' l-istudenti tagħna li ma jiġux l-Universita'. Nemmnu li sistema ta' edukazzjoni li ma tagħtihomx din it-tip ta' ġustizzja, b'xi mod jew ieħor, qed tagħtihom a bad deal. Apparti mill-aspett ta' ekwita', nemmnu wkoll li biex il-pajjiż ikun verament kompetittiv .... Aħna nafu li l-ikbar riżors, forsi anzi l-uniku riżors li għandna, huwa dan uman, allura jekk tħares minn dan il-lat, tifhem li ma jistax ikun li jkollna sistema edukattiva li tħares biss lejn is-suċċess ta' persentaġġ żgħir ta' studenti għaliex aħna għandna bżonn nużaw u niżviluppaw ir-riżorsi kollha li għandna. Per eżempju, din hija proprjament waħda mir-raġunijiet għaliex aħna - naf li mhux qiegħed f'dan id-dokument - noħorġu b'mod daqshekk qawwi kontra l-istreaming u noħorġu b'mod qawwi għaliex nemmnu li l-istreaming jikkonflinġi mal-konċett ta' ġustizzja soċjali. Bi streaming minn żmien bikri, inkunu qed nikkundannaw lit-tfal għal ħajjithom kollha. Imma apparti minn hekk, aħna nemmnu li l-pajjiż tagħna ma jistax jaffordja li jaħli dawk ir-riżorsi umani kollha li qegħdin naħlu bis-sistema preżenti. Din is-sistema hija inġusta u ħalja. Ma nistgħux nibqgħu nżommu din is-sistema u qisu ma ġara xejn. Jien nemmen li f'isem l-ekwita' li qed issemmi inti, f'isem il-ġustizzja soċjali u anke għall-fini biex ikollna pajjiż iktar kompetittiv fuq il-livell ekonomiku u kulturali, fost livelli oħrajn, għandna bżonn li t-tfal tagħna niżviluppawlhom il-potenzjal kollu tagħhom u għandna bżonn niskopru sistemi ta' schooling u sistemi pedagoġiċi li jikkorrispondu ma' dan. Per eżempju, jien kont qiegħed naqra d-dokument ta' l-FOI fejn intqal li jekk ma jkunx hemm streaming ...... Jien naħseb li llum tant hawn letteratura, tant kulħadd fid-dinja kollha qed jaċċetta li t-tagħlim irid ikun mixed ability, li meta tisma' vuċi bħal din tgħid dawn l-affarijiet, taħseb li għadek fi żmien Charles Dickens! Illum kulħadd jitkellem favur il-mixed ability teaching. Jekk inti għandek il-faċilitajiet u d-daqs tal-klassijiet m'huwiex enormi .... F'Malta we are quite blessed minn dan il-lat għaliex anke fl-iskejjel ta' l-Istat, komparati ma' dawk ta' pajjiżi barranin, fil-klassijiet insibu numru żgħir ta' studenti. Kif diġa' ntqal, għandna skejjel fejn il-klassijiet huma verament żgħar. Jien nemmen li l-mixed ability teaching li hija bbażata fuq il-prinċipju li tiżviluppa l-abbiltajiet kollha ta' l-istudenti, hija t-triq li rridu nieħdu.
A/CHAIRPERSON: L-Onor. Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Fil-pjan strateġiku li għad irid isir u fid-dawl ta' ħolqien ta' struttura li inti qed tirriferi għaliha bħala curriculum council, taħseb li pari passu ma' dan kollu hemm bżonn isir studju fuq il-bżonn ta' struttura ġdida għad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Ċertament li dan kollu se jaffettwa lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u naħseb wieħed irid jikkonsidra dan il-punt għaliex inkella se tispiċċa biex ikollok mekkaniżmu ġdid u tajjeb - almenu nittamaw li jaħdem b'mod tajjeb - biex jitħaddem il-kurrikulu u fl-istess waqt se jkollok diviżjoni li mhux se tkun modifikata biex tilqa' għall-bidliet li żgur iridu jseħħu. Naħseb li flimkien ma' dawn l-iżviluppi għandu jkun hemm studju kwar kif id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tista' tiġi aġġornata għall-bżonnijiet tal-lum. X'taħseb li għandha tkun ir-rwol tal-kunsilli skolastiċi? Taħseb li għandhom jibqgħu kif inhuma, jew għandhom ikollhom rwol differenti anke fid-dawl ta' pjan strateġiku li jrid jinvolvi lill-partners kollha, mhux biss lill-ġenituri u lill-għalliema?
Nixtieq nagħmillek żewġ mistoqsijiet oħra biex nara jekk fhimtekx tajjeb jew le. Dwar il-MATSEC board, hemm pjanijiet jew tħejjijiet biex l-eżamijiet jiġu in-line mal-kurrikulu nazzjonali?
L-aħħar mistoqsija hija dwar l-integrazzjoni ta' studenti biex jgħaddu minn passaġġ għall-ieħor. Inti semmejt il-kindergarten, il-primarja u s-sekondarja. Wara s-16-il sena, l-istudent jimxi jew għad-dinja tax-xogħol, jew inkella biex ikompli l-istudji tiegħu. Hemm xi ħaġa li taħseb għal dawn iż-żgħażagħ? Ma nafx jekk inti aċċennajtx għal dan il-punt, pero' jidhirli li semmejt biss il-kindergraten, il primarja u s-sekondarja.
PROF. KENNETH WAIN: Ma kontx qiegħed nitkellem fuq il-livell post-sekondarju. Jien kont qiegħed nitkellem fil-qafas ta' l-iżvilupp ta' tfal ta' bejn it-tlieta u s-16-il sena.
ONOR. CARMELO ABELA: Taħseb li ż-żgħażagħ ta' 16-il sena li se jsibu ruħhom kważi waħedhom biex jaffrontaw il-pass li jmiss għandhom jiġu mħejjija u megħjuna minn ftit ta' żmien qabel sabiex jaffrontaw il-pass li jridu jieħdu, jekk humiex se jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew inkella humiex se jkomplu bl-istudji tagħhom? Veru li l-istadju post-sekondarju ma jaqax fl-ambitu ta' dan id-dokument, pero' naħseb li wara li nkunu għenihom fil-proċess kollu, irridu naraw li fl-aħħar ma nħalluhomx waħedhom.
Kumment li xtaqt nagħmel, mhux biex tirrispondi għalih inti, imma għall-attenzjoni tal-kumitat, huwa li f'dawn il-laqgħat tkellimna ma' bosta kelliema u għedna li l-kurrikulu qed ipoġġi fiċ-ċentru lill-istudent, pero' sfortunatament, minkejja li fuq il-lista ta' mistiedna għandna li kellhom jitkellmu rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, naħseb bħala rappreżentanti ta' l-istudenti, għal xi raġuni jew oħra, ma smajnihomx ...
A/CHAIRPERSON: Ippermettili; milli jidher il-kunsill għadu kif kellu l-elezzjoni u allura l-uffiċjali għadhom m'humiex formalment maħtura fil-kariga tagħhom.
ONOR. CARMELO ABELA: Jien ġbidt l-attenzjoni għal dan il-punt għaliex ma konniex nafu r-raġuni għala ma ġie ħadd mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, pero' naħseb li kien ikun tajjeb li kieku smajna l-ideat - forsi mhux ta' l-uffiċjali peress li kif għadek kif għedt, għadhom m'humiex maħtura - ta' min fl-aħħar mill-aħħar qiegħed fiċ-ċentru.
PROF. KENNETH WAIN: Nibda mill-mistoqsija li għamilt fuq l-education division. Naħseb li l-education division trid tirreaġixxi għan-national curriculum kif inhuwa issa. Naturalment trid tirreaġixxi wkoll għal dak li jrid jiġi deċiż bħala strateġija biex jitwettaq in-national curriculum. Issa naturalment jekk wieħed jimxi fuq dak li għedt jien, jiġifieri li jkun hemm national curriculum council u li jkun hemm tibdil fid-deployment ta' l-għalliema, ifisser li ċerti funzjonijiet li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni qed twettaq bħalissa, ma jibqgħux il-funzjonjiet tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, dak ifisser li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jkollha l-opportunita' - naf li d-diviżjoni ilha tħares lejn l-istrutturi tagħha u diġa' hemm żvilupp qawwi f'dan ir-rigward - li tara kif b'dan il-mod iktar streamlined jistgħu jintlaħqu b'mod aktar effiċjenti l-għanijiet prinċipali tad-diviżjoni, ċioe', l-iskejjel ta' l-Istat u l-improvement tagħhom. Naturalment dik għandha tkun xi ħaġa interna għall-education division. M'huwiex il-każ li jien ngħidilhom x'għandhom jagħmlu. In-nies fid-diviżjoni huma kollha professjonali, kollha għandhom esperjenza twila fl-amministrazzjoni, kollha jafu tajjeb is-sistema edukattiva, jafu x'hemm bżonn u x'm'hemmx bżonn isir u jafu x'inhuma d-demands. Dan it-tip ta' studju jridu jagħmluh huma, pero' ċertament naqbel li jrid ikun hemm ċerta streamlining jekk ir-rakkmandazzjonijiet li għamilt jien jiġu aċċettati and taken on board, u dak it-tip ta' streamlining, iridu jaħsbu huma kif jistgħu jagħmluh.

Għar-rigward tal-kunsilli skolastiċi, jien kont insaħħahom iżjed. Naħseb li hemm bżonn li l-kunsilli skolastiċi jissaħħu iżjed u forsi hemm bżonn ukoll li l-affarijiet li semmejt, fosthom ir-recruitment ta' l-istaff u l-internal monitoring ta' l-iskola, ijkunu wkoll parti mix-xogħol ta' l-ischool council. Iva, nemmen li l-ischool council għandna fejn niżviluppawh u għandna fejn nagħtuh is-saħħa vis-a-vis l-awtonomija ta' l-iskola. Jekk aħna qed inħarsu lejn l-iskola bħala awtonoma fis-sens li semmejt jien, allura l-ischool council għandu jiffunzjona iżjed bħala tip ta' school board li l-inkarigu tiegħu jkun jinkludi wkoll affarijiet bħalma huma r-recruitment ta' għalliema, eċċ. Ċertament nemmen li l-ischool council għandu bżonn jiġi rivedut jekk se jsiru t-tibdiliet strutturali li semmejt.



Għall-mistoqsija tiegħek dwar il-MATSEC, nista' ngħidlek li l-MATSEC board diġa' huwa briefed fuq in-national curriculum, għandu kopja ta' l-abbozz u issa sta għalih biex jara kif l-eżami tas-SEC se jiġi affettwat mill-għanijiet u l-prinċipji li hawn imniżżla f'dan l-abbozz. Jien naf li dan huwa eżerċizzju li l-MATSEC board beħsiebu jagħmel u beħsiebu jieħu bis-serjeta'. Jidhirli li ċ-chairman tal-MATSEC board kellu jibgħat ir-reazzjoni tal-board fuq dan l-abbozz, pero' l-bord iltaqa' nhar it-Tnejn u allura ma nafx jekk ir-rapport wasalx, imma safejn naf jien, suppost li kellu jintbagħat. (Interruzzjonijiet) Jidhirli li kellu jintbagħat lill-Ministru. Il-MATSEC board kellu reazzjonijiet, pero' kienu reazzjonijiet immedjati. Naturalment jien m'iniex qiegħed hawn biex nitkellem f'isem il-MATSEC board; hemm iċ-chairman u tistgħu tibgħatu għalih, pero' ċertament li hemm impenn biex jiġi studjat il-mod kif il-kurrikulu se jaffettwa l-eżami tas-SEC. Kif diġa' għedt, il-prinċipju huwa mifhum. Jekk l-eżami tas-SEC jibqa' kif inhu bħalissa, jiġifieri jibqa' jitlob l-istess skills, il-cramming, studju, storage ta' informazzjoni, u ma nsibux mod kif ... Jien qiegħed nissuġġerixxi li nsibu mod kif anke l-formative assessment jiġi mibni fis-SEC certificate. Jekk ma nagħmlux xi ħaġa fuq dawn il-linji, minn dan kollu li għandna hawnhekk, m'hu se jiġri xejn.
Naqbel mas-suġġeriment li wara li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom sittax-il sena, jingħataw xi tip ta' guidance dwar id-dinja tax-xogħol, xi tip ta' konoxxenza tad-dinja tax-xogħol. Jien nemmen ħafna li dan it-tip ta' kuntatt mad-dinja tax-xogħol irid jibda kmieni fl-iskola, irid jibda mill-primarja u jkompli fis-sekondarja. It-tfal jenħtieġu jiġu esposti lejn ambjenti differenti ta' xogħol. Jien nemmen li l-guidance trid tibda fl-iskola sekondarja biex it-tfal jiġu ppreparati għad-dinja tax-xogħol meta jkun għadhom fis-sekondarja, pero' jien għandi daqsxejn ta' riservi għaliex inħoss li ħafna drabi, tfal ta' sittax-il sena, ma jkun għad għandhom l-ebda ħjiel ta' x'jixtiequ jagħmlu wara li jispiċċaw l-iskola sekondarja. Li nistgħu nagħmlu huwa li nipprovaw nagħmluha iktar faċli għalihom billi nesponuhom iżjed għal dak li qed jistennihom barra l-iskola. U kif semmejt qabel, naħseb li l-inizjattiva trid tiġi wkoll min-naħa tad-dinja tax-xogħol, pero' frankament, ma nafx kemm jista' jsir iżjed minn hekk.
A/CHAIRPERSON: L-Onor. Coleiro.
Yüklə 129,84 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin