Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-affarijiet soċjali



Yüklə 154,17 Kb.
səhifə1/3
tarix17.11.2018
ölçüsü154,17 Kb.
#84091
  1   2   3



MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI


KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)


Il-ĦDAX-IL PARLAMENT

Laqgħa Nru. 72
L-Erbgħa, 26 ta' Mejju, 2010


Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta

Prezz €2.50
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

Laqgħa Nru. 72

L-Erbgħa, 26 ta' Mejju, 2010

Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-7.10 p.m.


Talba


MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru. 71 li saret nhar it-Tlieta 25 ta’ Mejju 2010 ġew konfermati.
Nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Familji tagħhom. Diskussjoni mal-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità.
THE CHAIRMAN (Onor. Edwin Vassallo): It-tieni item fuq l-aġenda ta' dan il-kumitat hija kontinwazzjoni tal-laqgħat li diġa' bdejna fejn qegħdin nindirizzaw il-bżonnijiet ta' persuni b'diżabilitá u l-familja tagħhom. Illum ngħaddu għad-diskussjoni mal-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta' Persuni b'Diżabilitá.
Nixtieq infakkar li dan il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali qiegħed jiddiskuti diversi issues li jolqtu lill-familja minn aspetti differenti rigward persuni b'diżabilità. S’issa tkellimna ma' diversi aġenziji u support groups li jittrattaw persuni b'diżabilità, pero' ridna proprju nagħlqu dawn is-sessions billi nerġgħu nitkellmu magħkom, bħala l-ġenituri ta' persuni b'diżabilità. Biex anke mill-punto di vista tal-presentation li se tagħmlulna u l-informazzjoni u l-proposti li se tagħtuna, imbagħad eventwalment is-sena li ġejja - kalendarjament - inkunu ppubblikajna r-rapport fejn inkunu ġbarna l-proposti u s-suġġerimenti tagħkom u nressquhom iktar 'il quddiem, kemm fis-soċjeta' kif ukoll għall-istat.
Nixtieq infakkar li din is-seduta qed tiġi streamed live fuq il-website tal-Parlament. Jiġifieri kelma ladarba tingħad ma tistax treġġagħha lura. Allura bħalissa mhux biss tkunu qed titkellmu magħna li qegħdin hawn quddiemkom, imma anke mas-soċjeta'. Għalkemm ġurnalisti ma jkunx hawn, imma jkunu qegħdin jisimgħuna u allura sta għalihom li l-kummenti li jisimgħu, ikunu jistgħu jirrapportaw dwarhom. Pero' effettivament - u dik hija x-xewqa tagħna - li kif tkunu qegħdin titkellmu magħna tkunu qegħdin titkellmu ukoll mal-eżekuttiv tal-gvern u kif diġa' għedtilkom, allura dmirna hu li dawk il-proposti tagħkom inkunu nistgħu nressquhom għalikom iktar 'il quddiem.
Nistgħu nibdew. Għaldaqstant nitlobkom tintroduċu lilkom infuskom u anke minn liema organizzazzjoni ġejjin għall-uffiċjalità u anke għall-iscript writers.
IS-SA MARQUITA MANGIAFICO (President): L-ewwel nett nirringrazzjakom ta' din l-istedina. Nisperaw li l-preżentazzjoni tagħna tkun ta' interess għalikom, u wkoll, bħalma għedtilna, inkunu nistgħu għallinqas immexxu anke s-suġġerimenti tagħna 'l quddiem.
Jien President tal-Għaqda Ġenituri ta' Persuni b'Diżabilità. Ħdejja hawn is-Sur Ronald Calleja li huwa s-Segretarju Informazzjoni. U hawn ukoll is-Sa Jutta Gauci min-naħa tas-segretarjat.
Aħna kollha ġenituri, u kollha għandna t-tfal tagħna bażikament b’xi diżabilità. Jien għandi t-tifel tiegħi ta' 23 sena, Jutta għandha tifel għandu 7 snin u s-Sur Calleja għandu tifel, Jean Luca, li għandu 13-il sena. Jiġifieri qegħdin ukoll nirrappreżentaw ages differenti.
Nista' nibda bil-preżentazzjoni li jisimha 'Nindirizzaw il-problemi tal-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom'.
L-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità ilha mwaqqfa mill-1976. L-għan tal-għaqda hu li toffri support lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Bħalissa għandna 150 familja li huma membru. L-għaqda taħdem bħala pressure group biex tressaq l-issues tal-familji tal-persuni b’diżabilità lill-awtoritajiet konċernati. U tippromwovi l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità dejjem u kullimkien.
L-għaqda ilha reġistrata mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji mill-bidu tal-2009. L-għaqda temmen fl-opportunitajiet indaqs u hija kontra qualsiasi diskriminazzjoni. Għalhekk tikkonsidra l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-persuni b’diżabilità bħala prijorità. L-għaqda tagħmel dan billi timmoniterja dak kollu li jkun għaddej fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom u fejn hemm bżonn tieħu l-passi meħtieġa. Barra minn hekk l-għaqda kienet instrumentali biex għoxrin sena ilu daħlet il-kunċett tar-respite u b’hekk infetħet Dar il-Kaptan. Kienet ukoll ta' support tal-għaqda taż-żgħażagħ LAND- Living Ability Not Disability u tal-Autism Focus Group. Lil dawn iż-żewg gruppi aħna tajnihom l-għajnuna meħtieġa sakemm ġew stabbiliti u ħadu l-indipendenza tagħhom. Fuq kollox dak hu wieħed mir-rwol tal-ġenituri.
L-għaqda torganizza wkoll attivitajiet għall-membri tagħha. Għalkemm kif semmejt qabel, l-għaqda temmen fl-inklużjoni, inħossu li għandna d-dmir li norganizzaw attivitajiet għalina għaliex ħafna drabi inħossu li għandna bżonn inkunu flimkien ma' grupp li jista' jifhimna mingħajr ma rridu nagħtu ħafna spjegazzjonijiet.
Kif tistgħu taraw minn din l-islide, hemm ħafna persuni pereżempju l-edukaturi, is-service providers, il-Knisja, il-gvern, il-professjonisti, l-employers, il-leġislaturi u s-soċjeta' flimkien mal-familja, li għandhom interess fil-persuna b’diżabilità. Dan l-interess jista' jkun finanzjarju bħalma hu tas-service providers, iżda l-importanti hu li wieħed jifhem li l-għan principali ta’ kull qasam hu li jiżguraw li titjieb dejjem il-kwalita' tal-ħajja tat-tfal tagħna b’diżabilità.
Uħud mill-issues li nixtiequ nsemmu illum f’din l-okkażjoni se jittrattaw fuq il-bżonnijiet immedjati tal-familji, li jinkludu s-servizz tas-sapport, respite u djar residenzjali, l-edukazzjoni, l-aċċessibilità u infurzar tal-liġijiet, il-qasam tax-xogħol u l-qasam leġislattiv - fejn il-liġi għandha tinbidel - u l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-ħin dedikat għalina huwa ftit ħafna, għalhekk se nipprova nagħmel minn kollox biex nieħu mill-anqas ħin possibbli.
Nibda billi nsemmi l-bżonnijiet immedjati tal-familja u dawn jibdew mat-twelid tat-tarbija li għandha diżabilità. Sal-lum għad m’hawnx moniteraġġ u sistema fejn il-ġenituri li għadhom kemm kellhom tarbija jingħataw l-għajnuna immedjata. X’irrid infisser b’dan? Meta l-ġenituri jingħataw l-aħbar li t-tarbija tagħhom għandha diżabilità, dawn jitħallew jaqdfu għal rashom. F’dan l-istadju hemm bżonn immedjat ta' sapport. Jekk nista' nġib eżempju personali. Meta jien ingħatajt l-aħbar li se jkolli tarbija b’diżabilità, kont ġewwa sptar l-Ingilterra. U biċ-ċert nista' ngħid, li qiegħda hawn illum għaliex ingħatajt it-tama mingħand psikologa li t-tifel tiegħi jista' jgħix ħajja ta' kwalita' tajba anke jekk se jkollna niffaċċjaw ħafna diffikultajiet. Din il-psikologa, baqgħet miegħi għal ħafna ħin biex jekk kelli xi mistoqsijiet tkun tista’ tipprova tagħtini risposta għalihom. Indunajt li żammewni xi jiem oħra żejda l-isptar sakemm ġie aċċertat li jien stajt nikkopja bis-sitwazzjoni ġdida li sibt ruħi fiha.
Ir-rwol tas-social workers u tas-support workers huwa kruċjali f’dan il-perjodu minħabba li l-ġenituri jkollhom bżonn l-għajnuna kollha meħtieġa biex japplikaw għas-servizzi u l-benefiċċji li jkunu ntitolati għalihom. Bħal pereżempju jsir kuntatt mill-ewwel mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u anke magħna bħala għaqda biex inkunu nistgħu nagħtu s-sapport.
Meta tilħaq il-problema mill-bidu nett, tinduna li hemm futur u l-ġenituri jindunaw li mhux waħedhom jew li kollox mitluf. Pajjiżi barranin għandhom support workers li juru kif il-ġenituri għandhom jieħdu ħsieb it-tarbija. Hawn Malta għandna l-visits tal-midwife li tara li t-tarbija u l-omm huma b’saħħithom. Fejn jidħlu trabi b’diżabilità dan is-servizz irid ikun aktar speċjalizzat.
Il-family friendly measures għal ġenituri ta' persuni b’diżabilità għandhom jinkludu l-bżonnijiet ta' dawn il-ġenituri. Pereżempju nafu li fl-Italja l-ġenituri ta' tfal b’diżabilità huma ntitolati għal xi sigħat leave bi ħlas biex ikunu jistgħu jieħdu lit-tfal tagħhom għand it-tabib jew għat-terapiji. B’hekk jitnaqqas l-istress għal dawn il-ġenituri. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu implimentati fil-kumpaniji privati ukoll.
Il-ġenituri għandhom jiġu pprovduti miżuri fejn fuq il-post tax-xogħol ikollhom ċerta flessibilità biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom tax-xogħol u tat-tfal tagħhom b’diżabilità. Biex isir dan, għandu jkun hemm protezzjoni bil-liġi biex ma jiġux diskriminati u ma jsirux abbużi.
Għandna nibqgħu nippromwovu l-mudell soċjali u mhux mediku li jfisser li l-persuna tiġi l-ewwel u mbagħad tiġi d-diżabilità. Min-naħa tal-aspett mediku hija ħaġa komuni li xi ftit tobba għadhom jaraw id-diżabilità l-ewwel u jekk din tistax tissewwa jew le. Imbagħad jekk jifdal il-ħin naraw il-persuna u l-familja tagħha.
Nagħti eżempju ta' good practice. Darba mort għand orthopeadic surgeon li meta dħalt għandu l-ewwel darba, jiena daħħalt it-tifel bil-wheelchair u tfajtu wiċċu mal-ħajt għaliex il-kamra kienet żgħira u ma kelliex aptit noqgħod inċaqlaq is-siġġijiet biex inkun nista' ndawwar lit-tifel. Jien poġġejt bilqiegħda quddiem il-professur u se nibda nitkellem. Qabel ma ħallieni ngħid kelma, il-professur qam, ressaq is-siġġijiet u dawwar lit-tifel biex ġabu quddiemna li jkun jista' jħares lejna meta qed nitkellmu. M’hemmx għalfejn ngħid, li b’dak il-ġest jiena bqajt imbellha u dan il-professur seta' kien l-agħar li hawn, imma mingħandi tul ħajti kollha se jkollu dejjem ir-rispett tiegħi. Għax is-sabiħa hi li għallem lili.
Eżempju ieħor huwa tat-tabib tiegħi ġewwa l-isptar. Biex isir assessment tajjeb tat-tifel tiegħi, dan it-tabib għamel appuntament mal-istaff tal-iskola u mar josserva lit-tifel tiegħi fl-ambjent tiegħu, matul il-ħin tal-iskola. B’dan irrid ngħid, li b’hekk it-tabib, ħa stampa ċara ta' min hu t-tifel tiegħi u ma qagħadx biss fuq dak li għedtlu jien jew x’jgħidu t-teoriji fil-kotba.
Għandu jiġi żgurat li d-disability issues jkunu parti integrali mill-korsijiet tal-mediċina. Dan għandu japplika wkoll għall-korsijiet ta’ professjonisti li jistgħu jkunu nvoluti direttament jew indirettament ma’ persuni b’diżabilità jew il-familjari tagħhom, pereżempju, in-nutara, l-qassini u l-periti.
Kif nafu, bħalissa l-Unjoni Ewropja hija magħquda flimkien biex tiġġieled il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Tistgħu timmaġinaw li l-maġġoranza tal-persuni b’diżabilità u l-familji li jieħdu ħsiebhom, qegħdin f’riskju aktar li jiġu esklużi mis-soċjeta' u jaqgħu fil-povertà.
Issa ser insemmi ftit eżempji tal-piżijiet finanzjarji addizzjonali u straordinarji li aħna bħala ġenituri ta' persuni b’diżabilità rridu nagħmlu tajjeb għalihom. Se naqra l-eżempji li hemm f’din l-islide:
Spejjeż kontinwi minħabba konsultazzjonijiet mediċi u terapiji u ħlasijiet biex it-tfal tagħna jkunu jistgħu jattendu jew jieħdu s-servizzi speċjalizzati għalihom. Għalkemm ħafna servizzi huma b’xejn għat-tfal tagħna, mhux l-istess jista' jingħad għal min ikun qed jakkumpanjahom. Servizzi ta’ respite huma kollha bi ħlas, trid tħallas il-miżati biex tuża pereżempju servizzi ta' heated indoor pool u ħlas addizzjonali jekk trid tieħu sehem f’xi attivitajiet.
Irridu inħallsu aktar biex ikollna mezzi ta' trasport aċċessibbli, dan minħabba il-modifikazzjonijiet li jridu jsiru fil-vetturi speċjalizzati. Ħafna drabi jkun hemm bżonn ta’ equipment speċjali pereżempju computer software u hardware.
Problemi finanzjarji biex isiru l-modifikazzjonijiet ġod-dar, anke jekk xi spejjeż jiġu koperti mill-iSkema 7 tal-Awtorità tad-Djar. L-ispejjeż koperti għandhom limitu u għalhekk mhux dejjem jistgħu jsiru l-modifikazzjonijiet meħtieġa, iżda jsiru skont kemm tiflaħ toħroġ aktar flus mill-but. Għal spejjeż ta’ manutenzjoni ta’ apparat, bħal pereżempju għal-lifts, ma tingħata l-ebda għajnuna. Hemm spejjeż oħra straordinarji minħabba trasport speċjalizzat li jieħdu l-wheelchair.
Ħafna drabi jkun hemm spejjeż oħra ta' safar minħabba kura medika fejn il-persuna li tkun qed takkumpanja lill-persuna b’diżabilità trid tħallas. Problema kbira oħra hi meta ma jkunx possibbli li ż-żewg ġenituri joħorġu jaħdmu minħabba li xi ħadd ikollu jibqa' d-dar biex jieħu ħsieb it-tfal b’diżabilità.
Kif nistgħu nindirizzaw din il-problema? L-ewwel nett il-pensjoni tal-persuni b’diżabilità għandha tiżdied biex tagħmel tajjeb biex wieħed jgħix ħajja diċenti. Minn statistika ppubblikata f’Diċembru mill-KNPD turi li l-pensjoni tilħaq biss taħt is-60% tal-paga minima. Dan ifisser li persuna b'diżabilità li qatt ma tista' taħdem, trid jew ma tridx, ikollha tiddependi mill-familjari tagħha.
Kif semmejt qabel, hija possibilità kbira li ż-żewġ ġenituri ma jistgħux joħorġu jaħdmu t-tnejn, għalhekk xi ħadd jrid joqgħod id-dar. Hemm bżonn li l-ġenitur li jkollu joqgħod d-dar biex jieħu ħsieb lit-tfal, jkun rikonoxxut u jingħata l-carers’ pension bħalma jingħata lil dawk il-persuni li jieħdu ħsieb lill-ġenituri anzjani tagħhom u li dawn jikkwalifikaw għal din il-pensjoni.
Għall-ispejjeż straordinarji għandha tiġi ntrodotta d-direct payment scheme biex b’hekk kulħadd ikun moqdi skont il-ħteġijiet tiegħu u persuna b’diżabilità tista' tagħżel is-servizz hi.
Għandu jingħata tnaqqis fit-taxxa għal dawk l-ispejjeż straordinarji li jintnefqu minħabba d-diżabilità. Bħala eżempji nsemmi kemm-il darba jkollna nsewwu wheelchairs, pushchairs u apparat ieħor. Xi kultant minħabba l-imġieba vjolenti tat-tfal stess li jkunu jbatu minn diżabilità mentali apparti li jkun hemm ħsarat fid-dar ukoll.
Eżenzjoni tal-liċenzji tal-vetturi modifikati. Kif forsi tafu, sal-31 ta' Diċembru 2008 il-persuni b’diżabilità u l-familji kienu jikkwalifikaw għal eżenzjoni tat-taxxa tat-triq u dawn ma kenux iħallsu l-liċenzja tat-triq. Mill-bidu tal-2009 ġiet emendata l-liġi li meta familja tikkwalifika għal vettura modifikata trid tibda tħallas 50% tal-liċenzja tat-triq wara ħames snin. Dan l-aħħar, wara pressjoni mill-għaqda tagħna u mill-KNPD, il-Ministru tal-Finanzi ħareġ ministerial order fejn waħda mill-emendi tinkludi li l-50% jibdew jitħallsu wara l-ħames snin li tiġi rreġistrata l-vettura u mhux mis-sena ta' manifattura, kif kienet fil-bidu.
Aħna xorta waħda nħossuna ddiskriminati għaliex jekk xi ħadd jiddeċiedi li ma jibdilx il-vettura tiegħu, dan jibqa' ma jħallas qatt għaliex ikun jaqa' taħt il-liġi antika. Għalhekk nistaqsi: x’inhu l-iskop? Għandi nagħti parir lill-ġenituri biex iżommu l-vetturi goffi u antiki tagħhom, anke jekk mhumiex fl-aħjar kondizzjoni, u li jħammġu l-ambjent? Għaliex jekk tibdel il-vettura, tiġi ppenalizzat wara ħames snin. Inħossu li qegħda tinħoloq diskriminazzjoni bejnietna. Il-karozzi tagħna bilfors iridu jkunu kbar għaliex iridu jieħdu wheelchair u barra minn hekk, ħadd ma jagħmel tajjeb għall-ispejjeż biex immantnu l-lifters.
Niftakru ukoll li jekk irridu nibdlu jew nbiegħu l-karozza, mhux kulħadd ikun interessat li jixtriha għaliex tkun bil-modifikazzjonijiet. Ma rridx ninsa nsemmi wkoll il-problemi li jiffaċċaw dawk il-ġenituri li għandhom aktar minn tifel jew tifla waħda b’diżabilità. Insemmi wkoll li benefiċċju jingħata biss fuq vettura waħda għal kull familja. Jista' jagħti l-każ li l-ġenituri jisseparaw jew anke jekk ikunu flimkien u jkunu jridu jaqsmu l-kura u l-kustodja bejniethom, imma vettura aċċessibbli waħda biss ikollhom.

Għandu jkun hemm ukoll skema fejn tingħata l-VAT lura fuq servizzi ta' manutenzjoni fuq modifikazzjonijiet ġewwa d-dar.


Is-servizzi tal-aġenzija Sapport. Hawn ġenituri li qegħdin jirċievu s-servizzi tal-aġenzija 'Sapport'. Sfortunatament is-sigħat li qegħdin jieħdu dawn il-familji mhumiex biżżejjed biex jaqdu l-ħteġijiet tagħhom. Nafu ukoll li hawn ħafna li qegħdin fuq il-waiting list. Naf nies li ilhom aktar minn tliet snin jistennew biex jieħdu ftit sigħat fil-ġimgħa u oħrajn li jieħdu biss xi sagħtejn fil-ġimgħa. Dan mhux sew, l-aġenzija għandha tingħata s-sapport finanzjarju meħtieġ biex tkun tista' taqdi lil dawk kollha li għandhom bżonn u skont il-ħteġijiet.
Illum, il-persuni b’diżabilità qed jgħixu lifespan normali minħabba l-avvanzi fil-mediċina. Dan ifisser li jasal iż-żmien meta l-ġenituri jsiru anzjani bil-probabbiltà li t-tfal b’diżabilità jissoppravivu lill-ġenituri tagħhom. Illum, il-ġenituri ma jistgħux jiddependu aktar fuq l-ulied l-oħra jew membri oħra tal-familja biex jieħdu ħsiebhom minħabba l-kwalità tal-ħajja moderna li ngħixu. Il-ġenituri qed jiffaċċaw problema inkwetanti ħafna. Min se jieħu ħsieb lit-tfal tagħna b’diżabilità meta aħna ma nifilħux aktar? Aħna nħossu li m’hawnx serħan tal-moħħ minħabba li din il-problema mhux qed tiġi ndirizzata bl-urġenza meħtieġa. Il-ftit djar residenzjali li jeżistu, huma kollha mimlija.

Nafu li barra minn Malta l-gvern għandu sistema li jibgħat għal dawk il-persuni b’diżabilità li jixtiequ jidħlu ġewwa djar residenzjali. Għalhekk, min jixtieq li t-tfal tiegħu ma jibqax id-dar minħabba raġunijiet validi - u xi kultant ovvji għaliex ma jistgħux jieħdu ħsiebhom aktar - għandhom il-possibbilità li jagħmlu dan, mingħajr ma jħossuhom guilty jew iridu jittalbu biex xi darba jkun hemm post għat-tfal tagħhom.


Dawn l-aħħar snin bdew jinfetħu djar residenzjali, iżda dawn mhux biżżejjed biex jaqdu d-domanda u għad m’hawnx djar li jikkejterjaw għal persuni with multiple complex needs.
Hemm bżonn immedjat ta’ social workers u carers biex jagħtu s-sapport meħtieġ u jgħinu lill-familji. Is-social workers li jkunu qegħdin jaħdmu mal-familji ma jistgħux isegwu b’mod regolari dak li jkun għaddej, minħabba li mgħobbijin bix-xogħol u ma jistgħux ilaħħqu.
Ir-respite homes u s-servizzi residenzjali. Kif semmejt l-ewwel, hawn Dar il-Kaptan f’Malta u Dar l-Arka f'Għawdex. Mill-esperjenza personali tiegħi, u ta' ħafna min-nies li naf jien u li jagħmlu użu mir-respite, kollha nafu kemm hu importanti. Ir-respite qiegħed hemm biex jagħti serħan lill-familji tal-persuni b'diżabilità biex jiċċarġjaw il-batteries tagħhom. Naħsbu li wasal iż-żmien li jiżdiedu r-respite homes.
Hemm bżonn ta’ aktar djar residenzjali fil-komunità. Naħsbu li wasal ukoll iż-żmien li l-Kunsilli Lokali jieħdu aktar interess tan-nies fil-komunità tagħhom. Aħna qegħdin nissuġġerixxu li jinfetħu djar residenzjali żgħar f’kull lokalità. B’hekk biss nistgħu niżguraw l-inklużjoni soċjali tat-tfal tagħna, dik li jibqgħu jgħixu fil-komunità li trabbew fiha. Il-Kunsilli Lokali jistgħu jixtru s-servizzi meħtieġa biex ikunu jistgħu imexxu dawn id-djar fil-komunità mingħand, pereżempju, l-aġenzija SAPPORT.
Xi ġenituri qegħdin jikkonsidraw biex jistabbilixxu djar privati. Il-manutenzjoni, is-salarji tal-istaff u l-ispejjeż amministrattivi huma ħafna, li dawn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħhom. Kif tista' tingħata l-għajnuna?

Skema ta’ Public/Private Partnership. Jingħataw inċentivi lill-kuntratturi privati biex jipprovdu djar residenzjali bħalma jsir fil-każ tal-anzjani. Il-liġi għandha tinbidel biex d-drittijiet tal-pensjoni, ma jintilfux biex b’hekk jiġu koperti l-ispejjeż.



L-edukazzjoni. Irridu nkomplu naħdmu biex jiġi żgurat li tibqa' tingħata l-edukazzjoni li twassal għas-suċċess tal-istudenti b’diżabilità. Skont l-istatistika li ppubblikat dan l-aħħar il-KNPD, 80% mill-istudenti b’diżabilità li qegħdin jispiċċaw mill-iskola mainstream qegħdin jispiċċaw mingħajr kwalifikazzjonijiet.
Fejn jidħlu studenti b’diżabilità intelletwali dawn jammontaw għal 94%. Nafu li qegħda ssir ir-riforma fl-iskejjel speċjali u anke fl-iskejjel mainstream biex kull student jingħata l-għajnuna meħtieġa individwalizzata biex jilħaq il-potenzjal tiegħu. Irridu nieħdu ħsieb lill-istudenti b’diżabilità intellettwali biex ikunu aktar inklużi speċjalment meta jilħqu l-livell sekondarju. Huwa diffiċli ħafna li dawn l-istudenti jlaħħqu mas-suġġetti akkademiċi u għalhekk għandu jinħoloq programm individwalizzat għalihom.
L-Individual Education Plan (IEP) hija għodda li suppost sservi għal dan l-iskop. Sfortunatament mhux lil kulħadd isirlu dan il-programm individwalizzat. Il-qafas nazzjonali tal-kwalifiki hija għodda ta' sistema kreditorja li tista' tkun addattata għal persuni b’diżabilità li ma jilħqux il-livell meħtieġ fi żmien preskritt. Aħna nixtiequ li tiġi ntrodotta Entry Level Qualification biex numru akbar ta' student b’diżabilità jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal ċertifikat rikonoxxut.
Ċentri ta' Matul il-Jum għal Adulti u Persuni b’Diżabilità. Nafu li dawn iċ-ċentri kienu dejjem bil-problemi. L-ewwel problema li għadha ma ssolvitx hija dik tal-waiting list. Wasalna fl-aħħar tas-sena skolastika u nafu li hemm ħafna studenti b’diżabilità li suppost se jimxu għaċ-ċentri, iżda m’hemmx post għalihom. Aħna ma nixtiequx li ż-żgħażagħ tagħna jmorru x’imkien li ma jkunx addattat għalihom imma nixtiequ li jkunu mogħtija ċ-ċans biex jimxu lejn il-ħajja adulta. Nafu li hemm overcrowding fiċ-ċentri u li l-bżonnijiet mhux qed jiġu indirizzati skont il-bżonn tal-individwu. Aħna qegħdin nissuġġerixxu li dawk il-persuni li għalqu s-60 sena għandhom jimxu lejn iċ-Ċentri tal-Anzjani bħalma jagħmlu anzjani oħra.
Iċ-Ċentri tal-Adulti għandhom jipprovdu ambjent ta' stimolu u ta' edukazzjoni kontinwa biex iż-żgħażagħ u adulti b’diżabilità jitgħallmu jkunu parti mis-soċjetà ta' madwarhom. Biex nilħqu dan l-għan, għandna bżonn ta' aktar nies professjonisti u kwalifikati bħal pereżempju occupational therapists u għalliema li jistgħu jkomplu jagħtu taħriġ edukattiv kemm akkademiku kif ukoll biex iressqu persuni b’diżabilità lejn id-dinja tax-xogħol. Il-politika nazzjonali dwar l-impjieg tgħid li dawk il-persuni li jistgħu jidħlu jew tal-anqas jersqu lejn id-dinja tax-xogħol, għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan. Iċ-Ċentri għall-Adulti għandhom jintużaw minn persuni li ma jkunux jistgħu jaħdmu full-time.
Nagħmlu suġġeriment ieħor biex jerġgħu jiġu ntrodotti l-ħarġiet ta’ filgħaxija għal dawk il-persuni li jattendu iċ-ċentri. Hija ħaġa sabiħa li ż-żgħażagħ b’diżabilità jkollhom l-opportunità li joħorġu jieħdu xi pizza ma' sħabhom bħaż-żgħażagħ l-oħra. Għandha tinħadem sistema aktar ta' flessibbiltà ta' kif jaħdmu s-support workers biex jiġi żgurat li l-bżonnijiet partikolari tal-persuna b’diżabilità jiġu mħarsa dejjem. Iċ-Ċentri tal-Adulti jridu jibqgħu jitbiegħdu mill-idea li dawn qegħdin hemm biss biex joffru respite.

Nixtiequ naqsmu magħkom ftit ideat ta' kif nistgħu niżguraw li l-persuni b’diżabilità jerqsu lejn id-dinja tax-xogħol. Nafu li l-liġi li hawn tgħid li għal kull mitt persuna mpjegata, tnejn minnhom iridu jkunu persuna b’diżabilità. Il-liġi f’dan ir-rigward għandha tiġi mħarsa u jekk kumpanija ma taċċettax dan, għandu jkun hemm il-multi. Il-persuni b’diżabilità ma jridux ikunu ta' problema fuq is-soċjetà u dawk li jistgħu jaħdmu, imma għandhom jingħataw kull għajnuna meħtieġa biex il-potenzjal tagħhom jiġi sfruttat għall-aħjar. Programmi bħal ME2 li huwa parti ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed tmexxi l-Aġenzija SAPPORT flimkien mal-ETC u l-KNPD għandhom ikunu ta’ eżempju tajjeb ta' kif nistgħu nressqu lill-persuni b’diżabilità lejn id-dinja tax-xogħol. Għandha tiġi ntrodotta sistema tal-mentoring u sheltered employment ko-ordinata mill-ETC.


Nitkellmu ukoll fuq l-aċċessibilitá. L-aċċessibilitá f’kull sens. Jiġifieri mhux biss dik fiżika iżda ukoll f’affarijiet oħra bħal aċċessibilitá għall-informazzjoni li hi essenzjali u dritt kemm għall-persuni b’diżabilità kif ukoll għall-familjari u l-ħbieb. Mingħajr aċċessibilitá wieħed hu ristrett u ma jistax jipparteċipa fil-ħajja ta’ kuljum bħal persuni oħra.
Minkejja li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltá ilha li ħarġet l-Access for All Design Guidelines mis-sena 2000, l-aċċessibilitá fiżika għadha problema kbira peress li ħafna mill-postijiet pubbliċi mhumiex aċċessibbli speċjalment għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti. Ta' min isemmi, li s-siġġu tar-roti tal-elettriku ma jsolvix il-problemi, anzi xi kultant jista' jkun agħar għax peress li huwa tqil, ma jitlax bankina.
Għandna informazzjoni li mhux il-permessi kollha tal-MEPA jintbagħtu għand il-KNPD biex jiġu vvettjati jekk il-binja u l-post tal-madwar humiex aċċessibbli jew le. Ċerti xogħlijiet lanqas biss imorru għand il-KNPD. Għalhekk, sakemm jibqgħu l-affarijiet kif inhuma, se nibqgħu bil-problemi.
Illum qegħdin fis-sena 2010 u wara għaxar snin, għad għandna problemi kbar ta’ aċċessibilità f’postijiet bħall-bajjiet, ristoranti, swali taċ-ċinema, teatri u ħwienet. Li biex tidħol fihom trid titla' t-taraġ, ħafna drabi kważi sular, b’nuqqas ukoll ta’ handrails u spazju adegwat fejn joqgħod siġġu tar-roti. Apparti hekk, parti sostanzjali tal-bankini fit-toroq mhumiex aċċessibli għall-persuni b’nuqqas ta’ mobilità, kemm Maltin kif ukoll għat-turisti li jżuruna.
Hemm problema kbira fil-buses tat-trasport pubbliku. Għax ftit huma parzjalment aċċessibbli u diffiċli biex tużahom. M’hawnx taxis jew karozzi tal-kiri li jistgħu jitilgħu persuni fis-siġġu tar-roti. Il-vannijiet il-blu li jieħdu l-lifters huma diskriminatorji għax mhux inklussivi u jeħtieġ jingħataw dehra bħal minibuses normali. Dawn huma problemi mhux tagħna biss, iżda anke għat-turist li jixtieq jiġi Malta għall-btala.
Jekk verament irridu l-inklużjoni soċjali għall-persuni b’diżabilità rridu nkunu żguri li dawn in-nies jistgħu jmorru fejn jixtiequ kull ħin u kull mument.
Malta hija mdawwra bil-bajjiet sbieħ iżda kemm minnhom huma verament aċċessibbli? Sempliċi passaġġ tal-injam adegwat, issolvi l-problema mingħajr spejjeż enormi.
Għalkemm is-cinemas jidhru li huma aċċessibbli, fil-verità l-postijiet huma limitati u ħafna drabi jekk tixtieq tara film, trid tpoġġi bilfors fuq quddiem nett jew fuq wara nett. Bars u postijiet ta' divertiment bħalma nsibu Paceville m’għandhom l-ebda aċċess għall-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti. In-nies b’diżabilitá u dawk ta’ madwarhom għandhom kull dritt bħal ħaddieħor għar-rikreazzjoni tagħhom.
Insibu li ħafna bankini jkollhom ostakoli bħall-arbli tad-dawl jew tal-festa f’nofshom. Kif ukoll m'hemmx kontinwità ta’ aċċessibilitá, għax titla' minn rampa u hemm ċans li ma ssibx oħra biex tinżel, u jkollok terġa’ lura. Ir-rampi fil-bankini jinstabu f’postijiet jew ġodda jew fejn dawk diġà eżistenti imma li ġew mibdula – dejjem jekk saru. Fil-veritá, il-biċċa l-kbira tal-bankini huma bla rampi u għalhekk min ikun fis-siġġu tar-roti u min qiegħed jimbuttah ikollhom jimxu fit-triq mal-karozzi, bir-riskji kollha li jweġġgħu. Nistaqsu: f’każ li jiġri dan min se jkun responsabbli?
Jeżisti nuqqas kbir ta’ parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilita' jew kif forsi huma aktar magħrufa bħala tal-Blue Sticker. Dan minkejja li għal tant numri ta’ vetturi, suppost ikun hemm parkeġġi riservati għal persuni b’diżabilità. Kif jista' persuna b’diżabilità jkun indipendenti jekk imbagħad ma jsibx jipparkja?
Aħna nirrikomandaw li kull post pubbliku għandu jiġi ċċekkjat perjodikament fl-istadji kollha kemm minn meta għadu disinn, sa wara li jitlesta. Il-bankini eżistenti u ż-zebra crossings kollha għandhom jiġu rranġati sat-target date sabiex ikunu totalment aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti u persuni għomja. Kull bini ġdid u kull bini li jsirulu modifikazzjonijiet kbar, għandu jiġi żgurat li dawn ikunu aċċessibbli għal kulħadd mill-entratura prinċipali.

Kull post pubbliku jinħariġlu ċertifikat li jkun aċċessibbli skont l-Access Guidelines for All. Il-guidelines iridu jkunu mandatorji u dan ifisser li jekk ma jkunux konformi, irid isir tibdil fi żmien stabbilit. Għandu jkun hemm sforzi akbar sabiex fil-prattika jiġu infurzati l-Access for All Guidelines. Il-professjonisti, periti u ħaddiema għandhom jiġu edukati aktar dwar il-bżonn tal-aċċessibilità. Il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw direzzjoni u għandhom iżidu l-aċċessibilità. U x-xogħol li jsir, għandu jiġi mkejjel. It-trasport pubbliku kollu għandu jkun aċċessibbli u inklużiv.


Dawn l-affarijiet kollha li semmejt kollha jaqgħu taħt il-liġi eżistenti. Għalhekk qiegħda hawn illum, biex nitkellem għad-drittijiet tal-familji ta' persuni b’diżabilità. Wasal iż-żmien li l-Att Dwar l-Opportunitajiet Indaqs tkun emendata biex tirrifletti verament id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. Hemm bżonn ta' aktar għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet governattivi li bħall-għaqda tagħna, jagħtu s-sehem tagħhom fis-soċjetà. U tgħin lill-awtoritajiet biex ikunu jafu verament b’dak li hu għaddej. Għaqdiet żgħar bħal tagħna konna ningħataw somma żgħira ħafna fi flus biex intaffu ftit mill-ispejjeż amministrattivi, iżda din is-sena ma ngħatajna xejn.
Jiena u sħabi tal-kumitat nagħmlu dan ix-xogħol kollu b’mod volontarju u b’sagrifiċċji kbar. Ġieli anke noħorġu l-flus mill-but. Aħna m’aħniex ingergru, iżda għandna bżonn għajnuna finanzjarja biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż amministrattivi. Jekk din il-problema ma tiġix indirizzata mill-aktar fis possibbli, mhux se jkollna l-mezzi biex inkomplu noperaw.
Fl-aħħar nett nagħlaq billi nsemmi l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Malta kienet minn tal-ewwel li ffirmat din il-Konvenzjoni u b’hekk nafu li l-gvern u l-awtoritajiet għandhom il-ġid tal-persuni b’diżabilità għal qalbhom. Aħna l-Maltin ngħożżu ħafna dak li għandna għal qalbna u l-intenzjonijiet dejjem ikunu tajba, iżda issa wasal iż-żmien li nibdew naħdmu kollha flimkien biex din il-Konvenzjoni tiġi rratifikata mill-aktar fis possibbli biex dak kollu li ġie mwiegħed, jingħata. U aħna niżguraw li kull wieħed u waħda minna, nagħmlu l-parti tagħna biex ngħixu f’soċjeta' inklussiva mingħajr diskriminazzjoni. Grazzi.

Yüklə 154,17 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin