Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-affarijiet soċjali



Yüklə 104,04 Kb.
tarix21.12.2018
ölçüsü104,04 Kb.
#86383

MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI


KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)


Il-ĦDAX-IL PARLAMENT

Laqgħa Nru. 71
It-Tlieta, 25 ta' Mejju, 2010


Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta

Prezz €2.50
IL-ĦDAX-IL PARLAMENT

KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

Laqgħa Nru. 71

It-Tlieta, 25 ta' Mejju, 2010

Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-19.20 p.m.


Talba

MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru. 70 li saret nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010 ġew konfermati.
IL-FAMILJA U L-ANZJANI
(Ikompli mil-Laqgħa 15 tat-28 ta’ Jannar 2009)
Dokument 70 - Rapport tal-Kunsill Nazzjonali Anzjani intitolat “Il-Familja u l-Anzjani fil-Futur” u datat 16 ta’ Mejju, 2010.
THE CHAIRMAN (Onor. Edwin Vassallo): It-tieni item fuq l-aġenda għal-lum huwa l-kontinwazzjoni tal-laqgħa dwar il-familja u l-anzjani, diskussjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani. Għal din il-laqgħa għandi preżenti lill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, is-Sinjorina Helen Borg Bonnici, rappreżentant tal-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers Union, is-Sur Lino Debono u rappreżentant tal-Universitá tat-Tielet Etá, is-Sur Lino Mizzi. Għandna lis-Sinjorina Jessie Ebejer rappreżentanta tal-Għaqda Veterani Laburisti li suppost għandha tkun qiegħda hawnhekk imma għadha ma waslitx. Dawn kollha membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI (Viċi President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani): Minn dak iż-żmien ‘l hawn jien għamilt two terms wara xulxin bħala president. Issa Lino Debono sar il-president minfloki. 
THE CHAIRMAN: Merħba Viċi President u grazzi tax-xogħol li għamilt bħala president. Nilqgħu wkoll lill-president il-ġdid. Bdejna mod u se nispiċċaw b’mod ieħor imma rridu nkomplu. Jien se nħalli l-kelma lilkom. Naf li aħna se nkunu qegħdin nagħmlu din il-laqgħa bħala kontinwazzjoni għal diversi laqgħat li diġà għamilna. Naf li wara li intom għamiltu l-preżentazzjoni tagħkom, il-membri deputati għamlu r-riflessjonijiet, il-mistoqsijiet u l-proposti tagħhom. U allura llum se nkunu qed nikkonkludu biex finalment anke dan il-kumitat, fuq proposti li tkunu qegħdin tressqu u li diġa’ ressaqtu intom, jippubblika r-rapport tiegħu rigward il-familja u l-anzjani. Bħalma ppubblikajna rapporti oħra rigward it-tfal u l-familja, issa jmiss lill-anzjani.
Ta’ min jgħid ukoll - sabiex tifhmu f’liema ċirkostanza qegħdin naħdmu - li għada se jkun hawn rappreżentanti tal-ġenituri li għandhom uliedhom b’diżabilità u li allura nkunu qegħdin ukoll nagħlqu chapter ieħor importanti fid-diskussjoni tagħna fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità imma b’punto di vista wkoll lejn it-tfal u l-preokkupazzjoni tal-ġenituri u t-tfal. Madankollu llum se nkomplu niffokaw fuq is-suġġett tagħna u ċioè l-anzjani u l-familja.
Għaldaqstant inħalli f’idejk Sinjura Viċi President, u l-President biex tikkommunikaw il-ħsebijiet tagħkom.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Sur President, u Onorevoli Membri Parlamentari, aħna llum kif tlabtuna intom se nipprovaw inkellmukom fuq il-familja u l-anzjan fil-futur. Dan is-suġġett kontu assenjajtuhulna intom stess. Fit-28 ta’ Jannar 2009 meta konna ġejna mistiedna biex niġu nkellmukom dwar il-familja u l-anzjani aħna pprovajna nagħtukom stampa attwali u realistika ta’ kif inhuma l-affarijiet illum. Konna għedna li kieku ma kienx għall-għajnuna enormi li qegħdin jagħtu l-anzjani bħala nanniet fil-familji tagħhom ma’ uliedhom miżżewġin bit-tfal żgħar, il-workforce f’Malta ma kenitx tista’ tkun dik li hi. In-numru ta’ nisa żgħażagħ jaħdmu li għandna llum ma kienx ikun possibbli. Dan kollu hu ta’ ġid ekonomiku mhux biss għal dawn il-familji żgħażagħ iżda wkoll għal pajjiżna.
Fit-tmiem tal-laqgħa tagħna magħkom f’Jannar 2009 tlabtuna biex nerġgħu niġu quddiemkom u ngħidulkom x’naħsbu li se tkun is-sitwazzjoni tal-familja u l-anzjani fil-futur u x’nissuġġerixxu. Dan hu li se nipprovaw nagħmlu llum. Dawk li jifformaw parti mill-workforce llum isiru nanniet huma, jiġifieri qed nitkellmu fuq nies li bħalissa għandhom bejn it-30 u l-40 sena, dawn 20 sena oħra se jkunu għadhom jaħdmu. Kull min hu taħt it-42 sena bħalissa jrid jibqa’ jaħdem sa 65 sena u biex ikun intitolat għal pensjoni sħiħa jrid ikun ħallas bolla għal 40 sena. Barra minn hekk, ikun hemm min għad baqagħlu jħallas xi loans li jkun ħa mill-banek xi 30 sena qabel. Għalhekk tibqa’ l-ħtieġa li wieħed jibqa’ jaħdem sakemm jista’ biex iħallas id-dejn kollu tiegħu.
Aktar childcare centres: Meta ma jkunx hemm in-nanniet id-dar, bħalma hemm illum, min se jieħu ħsieb lit-tfal żgħar biex l-omm tkun tista’ toħroġ taħdem? L-ommijiet żgħażagħ tal-futur bilfors se jkollhom jirrikorru għal użu akbar ta’ childcare centres. Mela n-numru ta’ dawn iċ-childcare centres irid jiżdid sew biex ikun jista’ jilqa’ għad-domanda tal-futur. Però dawn iridu jkunu low cost kemm jista’ jkun biex ikunu jistgħu jlaħħqu magħhom il-ġenituri. U kif jista’ jsir dan?

Low-cost nurseries: Meta nisa jkunu rtiraw mix-xogħol barra mid-dar u fid-dar ikun baqa’ biss il-mara u r-raġel, jistgħu jiġu mħajra jiftħu nursery ġo darhom stess fejn ikunu jistgħu jilqgħu minn ħamsa sa sebat itfal żgħar taħt it-tliet snin, jekk ikollhom spazji adattati ġo darhom. Naturalment dan isir bi ħlas u b’liċenzja mill-gvern biex wieħed jaċċerta ruħu minn ambjent attrezzat għat-tfal biex jilagħbu ġewwa u barra għall-arja, b’faċilitajiet ta’ iġjene, kenn u sens ta’ sigurtà u bla ebda perikolu.
L-għajnuna tista’ tiġi mill-gvern stess biex in-nursery tiġi attrezzata bil-mod modern permezz ta’ xi sussidju. Nurseries bħal dawn jistgħu jiftħu numru minnhom fl-istess belt u raħal u t-tfal jistgħu jirreġistraw fil-kunsilli lokali jew fin-nursery stess, skont il-ftehim li jsir mal-gvern. Biex jinżamm l-istandard mixtieq ikun hemm bżonn ta’ spettorat mill-gvern. B’hekk pensjonanti attivi jkunu ta’ servizz fil-komunità u fl-istess ħin ikollhom introjtu żgħir. Korsijiet ta’ training ikunu meħtieġa wkoll biex il-caring mogħti lit-tfal żgħar ikun adattat.
Anzjani li jkomplu jgħixu fil-komunità: Nixtiequ nerġgħu nfakkru li l-life expectancy tal-Maltin hija waħda mill-aktar għolja fil-pajjiżi tal-Ewropa, grazzi għal-livell ta’ għajxien u servizzi ta’ saħħa li ngawdu. Għall-irġiel il-life expectancy hi ta’ 77.2 sena u għan-nisa hija ta’ 81.8 sena. In-numru ta’ anzjani li qegħdin jgħixu sad-90 sena qiegħed jiżdid ukoll. In-numru ta’ anzjani mistenni li se jibqa’ jikber għal li ġej u sal-2050 il-popolazzjoni ta’ dawk ‘il fuq minn 65 sena se tlaħħaq għal 25% tal-popolazzjoni Maltija kollha, jiġifieri wieħed minn kull erbgħa tal-popolazzjoni se jkun anzjan fuq 65 sena. Dawn il-projections huma meħudin mid-demographic review ippubblikat fl-2008.
Ħaġa waħda li għandha tinkoraġġixxi lil dak li jkun hi li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-kumdità ta’ darhom sakemm hu possibbli u biex dan iseħħ pero’ wieħed irid itejjeb is-servizzi fil-komunità.
IS-SUR LINO DEBONO (President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani): Is-servizzi fil-komunità għall-futur: Numru ta’ anzjani avvanzati fl-età li numru minnhom ikunu jgħixu waħedhom għax uliedhom kollha jkunu żżewġu u huma jkunu romlu wkoll, ikollhom bżonn servizzi oħra fil-komunità barra dawk li jeżistu bħalissa, jiġifieri l-użu tat-Telecare, Home Help bħala għajnuna fix-xogħol tad-dar, Meals on Wheels u Handyman Service. Ikun xieraq li jiġi introdott servizz ta’ welfare biex is-social workers ikunu jistgħu jżuru darba fil-ġimgħa lil dawn l-anzjani u jaraw li saħħithom hija tajba u jekk le, ikunu huma stess li jsejħu t-tabib fil-komunità.
Is-social worker tara wkoll jekk ikunx hemm xi ħaġa ta’ periklu fid-dar jew jekk hemmx xi ħaġa li tkun qiegħda tinkwieta lill-anzjan. Tiswijiet fid-dar li tinduna bihom bħal xi tieqa li ma tingħalaqx sew, xi ħġieġ imkisser, xi vit iqattar, xi serratura li trid tinbidel, eċċ. tkun is-social worker li tieħu azzjoni fuqhom biex issejjaħ lill-handyman provdut mill-gvern meta l-anzjan ma jkunx jaf xi jkun irid jagħmel. Hi tara wkoll li l-ikel li l-anzjan ikun qiegħed jiekol ikun adegwat għal saħħtu. Fuq kollox is-social worker tista’ tkun dik il-persuna li fiha l-anzjan tafda, jibda jieħu pjaċir ikellem u li fiha jsib mezz biex ma jħossux waħdu u iżolat.
Naturalment dawn is-social workers ikunu nies li jkunu ġew imħarrġa għal dan it-tip ta’ xogħol u jkunu professjonali fix-xogħol tagħhom. Social worker tista’ tkun allokata għal belt jew raħal wieħed biex b’hekk ikun jista’ jkollha follow-up għal kull anzjan darba fil-ġimgħa mill-inqas. Record keeping ta’ dawn il-visti jrid ikun miżmum u jkun hemm bżonn ukoll forma ta’ spettorat biex ikun hemm is-serjetà. Dan jirrikjedi li f’kull kunsill lokali jinbena database tal-anzjani li qegħdin jgħixu waħedhom u li almenu għandhom 75 sena jew aktar.
Iżjed djar għall-anzjani: Jiġi żmien meta l-anzjan jibda jħossu li qed jitlef l-awtonomija tiegħu u ftit ftit jibda jsir dipendenti fuq ħaddieħor. Jekk fil-familja hemm min jista’ jagħti daqqa t’id għax ikun għadu anzjan żagħżugħ jew young old, u jirtira mix-xogħol, allura m’hemmx isbaħ milli wieħed jirċievi kura b’imħabba u rispett minn uliedu stess. Iżda għal dawk li m’għandhomx, ikollhom jirrikorru għar-residenzi għall-anzjani.
Meta ġejna quddiemkom l-ewwel darba konna semmejna li fid-djar tal-anzjani tal-gvern hemm 759 resident, fid-djar tal-knisja hemm 768 resident u fid-djar ta’ anzjani privati hemm 707 anzjan, b’total ta’ 2,234 resident. Billi l-popolazzjoni tal-anzjani mistennija li tkompli tikber fil-futur, kif diġa’ għedna, ma’ dawn ir-residenzi eżistenti se jkun hemm żgur ta’ bżonn ta’ aktar residenzi ġodda għall-anzjani. Aħna nissuġġerixxu li fil-bini ta’ djar oħra għall-anzjani, b’joint-ventures bejn il-gvern u l-privat, wieħed iktar għandu jimmira għal costing modest u mhux għal bini b’lussu li wieħed jista’ jgħaddi mingħajru. Billi hemm waiting list twal fid-djar tal-gvern u tal-knisja, wieħed għandu joffri tax rebates raġonevoli għal dawk li jkollhom jidħlu fi djar privati fejn il-miżati huma għoljin ħafna. Dħul fi djar bħal dawn wieħed ikollu jirrikorri għalihom għax assolutament ma jkunx jista’ jagħmel mod ieħor u tal-familja jkollhom iġorru l-piż finanzjarju qawwi.
Sheltered housing għall-anzjani: Dawk l-anzjani li jkun għadhom jixtiequ jgħixu fil-komunità u li jkunu assolutament waħedhom, jistgħu jiġu mwensa permezz ta’ sheltered housing li jista’ jinħoloq fil-housing estates tal-gvern li jeżistu f’partijiet differenti ta’ Malta. Appartamenti fis-sular ta’ isfel li jitbattlu għandhom jiġu konvertiti f’units għall-anzjani u f’kull unit jistgħu jiġu akkomodati tliet anzjani li jagħżlu li jgħixu flimkien u joffru wens u kumpanija lil xulxin. Sistema ta’ night watch jew patrol toffrilhom aktar protezzjoni minn xi atti kriminali fuqhom.
Night-care shelters: Fil-passat kemm-il darba konna ssuġġerejna n­-night care shelters u issa għandna l-pjaċir ngħidu li fetaħ l-ewwel wieħed.
Long-term care għall-anzjani: Meta l-anzjan isir tant fraġli fl-aħħar snin ta’ ħajja tiegħu u jsir dipendenti għal kollox f’dik li hi ndafa personali, biex jiekol, biex jorqod, eċċ., allura jkun wasal iż-żmien ta’ long-term care. Bħalma tarbija jkollha bżonn ta’ kull forma ta’ għajnuna hekk ukoll ikollu bżonn l-anzjan f’dawn iċ-ċirkostanzi. Meta jinsabu membri tal-familja li b’ġenerożità kbira joffru li jidħlu għall-piż ta’ caring ikun xieraq li jiġu mogħtija remunerazzjoni mill-gvern u jiġu mogħtija credits għall-fini tal-pensjoni. Wara kollox, aħna nafu li sodda fir-Residenza San Vincenz de Paule tiswa’ madwar €56 kuljum. Dawn il-familji jkunu qegħdin jiffrankaw piż finanzjarju lill-gvern.
Ir-Residenza San Vincenz de Paule illum huwa meqjus bħala geriatric hospital u huwa intiż biex joffri long-term care lill-anzjani li jkunu saru tant fraġli fis-saħħa tagħhom. Bħalissa n-numru ta’ anzjani f’San Vincenz de Paule jlaħħaq għal madwar 1,250 anzjan u hemm waiting list ftit twila. B’sodisfazzjon ngħidu li għadha kemm tlestit blokka ġdida Papa Gwanni Pawlu II li takkomoda 144 sodda u fiha hemm żewġ swali għall-kura ta’ anzjani bid-dimentia.
Anzjani fl-Isptar Mater Dei: Fix-xitwa numru ta’ anzjani jaqgħu vittmi tal-influwenza u jkollhom jiġu meħuda l-isptar għall-kura fl-Isptar Mater Dei. Jiġri li meta dawn ifiqu, qrabathom mhux dejjem jaċċettawhom lura fid-dar. Smajna li hemm madwar 80 każ ta’ social cases bħal dawn, bil-konsegwenza li s-sodod meħtieġa fl-isptar jiġu mblokkati. Smajna li dawn is-social cases ġew trasferiti għall-Isptar Karen Grech wing tal-Isptar San Luqa li kien refurbished biex jilqa’ lill-anzjani evakwati mill-Isptar Mater Dei. Smajna wkoll li hemm Jean Antide Ward f'Mount Carmel Hospital bħala estensjoni oħra għall-anzjani. Aħna nissuġġerixxu li jkun hemm sistema ta’ short-term beds għal każi bħal dawn fil-wing il-ġdida ġor-Residenza San Vincenz de Paule. Però l-prinċipju ta’ short-term beds irid jiġi inforzat bħalma kienet is-sistema fl-Isptar Zammit Clapp għax kien jintuża għall-fini ta’ riabilitazzjoni biss.
Azzjoni kontra l-vjolenza fuq l-anzjani: Hemm bżonn ta’ makkinarju legali biex jiġu protetti l-anzjani minn abbużi minn terzi persuni. Abbużi jistgħu jkunu f'forom differenti, bil-kliem, permezz ta’ theddid fiżiku, permezz li wieħed jasal biex jerfa’ jdejh fuq anzjan li ma jkunx jista’ jiddefendi ruħu għax ma jkollux saħħa jew meta anzjan jiġi mċaħħad minn ikel u xorb neċessarju jew inkella jiġi traskurat fl-indafa personali tiegħu bħala forma ta’ rikatt. Jista’ jkun hemm abbużi finanzjarji miċ-ċekkijiet tal-pensjoni jew testmenti sforzati, bejgħ jew serq ta’ oġġetti mid-dar u kull forma ta’ abbuż bla kuxjenza ta’ prokuraturi ġenerali.
Is-social worker li semmejna aktar qabel u li rrakkmandajna li darba fil-ġimgħa tmur tagħmel viżita lill-anzjani li jkunu għadhom waħedhom f'darhom, tista’ toffri din is-sorveljanza kontra forom ta’ vjolenza u jekk ikun hemm bżonn tirrapportahom ukoll. Għalhekk qed nirrakkmandaw li tiġi ntrodotta leġislazzjoni biex min ikun ħati ta’ vjolenza fuq anzjani vulnerabbli jkun penalizzat kif jixraq.
Ħtieġa ta’ anzjani aktar emanċipati fil-futur: Il-motto tagħna għall-futur għandu jkun mhux biss li we add more years to life but to add quality to life. Aħna nħossu li għall-futur l-anzjan hemm bżonn li jkun iktar kapaċi jtawwal l-awtonomija tiegħu u jżomm ruħu aġġornat kemm jista’0 jkun f'dak kollu li jkun qed jiġri madwaru biex b'hekk jibqa’ jħossu parti mid-dinja li jgħix fiha. Dan jista’ jagħmlu permezz tal-media, speċjalment ix-xandir u l-gazzetti flimkien ma’ użu tat-teknoloġija tal-informatika. Inħossu li l-anzjan tal-futur għandu jkun aktar computer orientated u sa ċertu punt jibqa’ computer orientated għax ħafna minn dawk li qegħdin jaħdmu bħalissa proprju jużaw il-computers fix-xogħol tagħhom. Permezz ta’ e-goverment l-anzjani jkunu jistgħu jinqdew minn ġo darhom stess dwar pensjonijiet, ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke tat-telephone u anke e-banking. Aktar mal-anzjan ta’ għada jkun emanċipat aktar iżomm l-awtonomija tiegħu fit-tul. Dan ikun aħjar għalih u għall-komunità tiegħu.
Ħtieġa ta’ aktar pre-retirement courses: Aktar ma wieħed jibda jersaq għaż-żmien tal-irtirar mix-xogħol aktar tinħass il-ħtieġa li wieħed jipprepara ruħu għaż-żmien meta se jkollu numru ta’ snin quddiemu biex jara kif se jqattagħhom b'mod għaqli. Korsijiet bħal dawn għandhom jiġu provduti għal dawk li jaħdmu sew mal-gvern u sew mal-privat.
Utilizzazzjoni aħjar ta’ nies anzjani attivi fil-komunità: L-anzjan huwa riżorsa ta’ min japprezzaha fil-pajjiż u għalhekk tajjeb li wieħed jintebaħ b’dan. F’pajjiżna għad m’għandniex il-konvinzjoni li l-anzjani attivi li għadhom b’saħħithom u b’moħħ tajjeb u sharp huma riżorsa fil-pajjiż li għandha tiġi utilizzata għall-ġid komuni. Bin-numru ta’ anzjani dejjem jikber għall-futur il-pajjiż imissu jkollu direttorju aġġornat ta’ dawk li huma irtirati mix-xogħol u lesti li joffru l-expertise tagħhom b’mod volontarju. Fuq kollox l-anzjani għandhom ikunu involuti b’mod effettiv fil-policy making għat-titjib u aċċess ta’ servizzi soċjali bbażati fuq quality standards ta’ saħħa u long-term care li jolqtu lilhom.
Il-gvern jagħmel tajjeb li jinvolvi nies li jippromettu biex ikunu fuq advisory boards u jgħinu fid-decision making policies. Hekk ukoll wasal iż-żmien li f'pajjiżna jiġi stabbilit u rikonoxxut bħala dritt fundamentali l-minimum old pension adegwat biex tiġi żgurata d-dinjità u l-indipendenza tagħhom. Dawn il-proposti aħna nixtiequ li narawhom inklużi fl-action plan ta’ pajjiżna fil-futur.
Taħriġ meħtieġ b’urġenza għall-professjonisti ġodda fl-oqsma ta’ saħħa, anzjani u kura fil-komunità u ta’ social welfare: Semmejna f’din il-preżentazzjoni l-ħtieġa ta’ aktar carers għal childcare centres, social workers fil-komunità bħala għajnuna lill-anzjani li joqogħdu waħedhom f’darhom, nurses, physiotherapists, tobba u paramedics oħra biex jgħinu fix-shortage li hemm fl-isptarijiet, u carers għar-residenzi differenti tal-anzjani.
Biex wieħed ikollu l-personnel meħtieġ, wieħed irid jaħseb kmieni biex jiġu mħarrġa professjonisti fid-dixxiplini differenti. Dan jieħu ż-żmien. Bl-enfasi kbira li għandna bħalissa fuq l-istudji u kwalifiki fit-teknoloġija tal-informatika jeħtieġ li jsir shift fl-għażla ta’ karrieri fost iż-żgħażagħ għal professjonisti fil-qasam tas-social worker u tas-saħħa. Kif jistgħu sptarijiet mill-aqwa jiffunzjonaw tajjeb jekk m’hemmx biżżejjed personnel meħtieġ? Hekk ukoll il-ħtieġa taċ-childcare centre b’nies kwalifikati biex jieħdu ħsieb it-tfal żgħar. Hemm bżonn ta’ career guidance kbir għall-istudenti fl-iskejjel sekondarji biex l-għażliet tal-karrieri tkun iggwidata mill-ħteġijiet eżistenti fil-pajjiż. Ħadt pjaċir din il-ġimgħa nara billboard kbir ħdejn ir-roundabout tal-Imsida jħajjar rekluti ġodda għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
Il-futur tal-familja Maltija: Dak li qed jiġri fil-familji tagħna llum iħassibna ħafna lilna l-anzjani. Qegħdin naraw il-familja tiġġarraf b’mod mgħaġġel u nħossuna m’aħniex kapaċi li nbiddlu r-rotta li din ħadet. Il-kawżi ta’ separazzjonijiet żdiedu. Fis-sena 2008 dawn il-kawżi kienu jlaħħqu mas-650. Minn dawn kien hemm 580 kawża ġdida li nfetħu dik is-sena stess. It-twelid barra ż-żwieġ żdied ukoll. Fis-sena 2007 b’kollox kien hemm 895 twelid barra ż-żwieġ u minn dawn 247 twieldu minn ommijiet ta’ taħt l-20 sena u 26 minn dawn kienu qed iwelldu għat-tieni darba. Ħafna mit-trabi ġew irreġistrati bħala ulied ta' unknown father.
Fil-unit “Għozza” għat-tfajliet, fis-sena 2007 kien hemm 174 każ. Dan il-unit qabel konna nsibuh bħala schoolgirl mother's unit. Filwaqt li n-numru ta’ twelid barra miż-żwieġ qiegħed jiżdid in-numru tat-twelid b’kollox f'Malta niżel f’rata baxxa ta’ 1.46 fis-sena 2007. Tajjeb wieħed jinnota li f’dawn l-aħħar għaxar snin ir-rata tat-twelid niżlet b’19.2%. Iż-żweġijiet ċivili żdiedu. Fil-fatt fis-sena 2007 kien hemm 122 Malti li żżewġu Maltin oħra biċ-ċivil, filwaqt li kien hemm 258 żwieġ ċivili ta’ Maltin ma’ barranin, b’total ta’ 380.
Żweġijiet bil-Knisja fl-istess sena kien hemm 1,370 u dawn niżlu meta mqabbel mal-passat. Rigward żweġijiet ta’ Maltin ma’ barranin, b’taħlit ta’ kulturi, bejn is-sena 2000 u s-sena 2007 kien hemm 593 mara Maltija li żżewġet ma’ raġel barrani. Minn dawn 130 kienu minn pajjiżi Ewropej filwaqt li 436 kienu minn pajjiżi Musulmani. Tajjeb li nkunu nafu li l-missirijiet Musulmani jinsistu li uliedhom għandhom ikunu Musulmani bħalhom. Dan aħna qed ngħiduh bl-ebda diżrispett lejn il-Musulmani.
Fl-istess perjodu kien hemm total ta’ 293 raġel li żżewġu ma’ nisa barranin. Dawn kienu 39 żwieġ ċivili ma’ nisa miċ-Ċina, 53 minn pajjiżi Musulmani, 201 mill-pajjiżi Ewropej li kienu jinkludu 61 mill-Ukrajna u 30 mir-Russja. Minn dan kollu wieħed jieħu idea ċara ta’ kif il-kulturi qegħdin jinbidlu f'dawn iż-żweġijiet imħallta. Ulied minn dawn iż-żweġijiet ma tistennix li se jħaddnu l-valuri tradizzjonalment Maltin. Din se tkun is-soċjetà Maltija fil-futur.
Koabitazzjoni: Filwaqt li n-numru ta’ dawk li jiżżewġu qed jonqos, in-numru ta' dawk li jikkoabitaw qed jiżdied.
L-abort: Mhux faċli li wieħed ikun jaf bl-eżatt dawk li jagħmlu l-abort f'pajjiżna jew barra minn Malta u min jaf kemm trabi jiġu meqruda bl-użu ta’ pillola kontraċettiva. Mhux ta’ b’xejn li Carl Djerassi, wieħed mit-tliet xjenzati responsabbli minn din il-pillola, iqis li r-rata tan-nuqqas tat-twelid fl-Ewropa wasslet għal katastrofi demografika.
Ilkoll naqblu li din l-istampa sewda u kerha li għaddejjin minnha l-familji ġo pajjiżna tnikkitna għall-aħħar għax aħna kellna x-xorti li għexna ġo familji sbieħ fejn il-ġenituri sabu l-kuntentizza tagħhom skont il-mezzi li kellhom u għożżew ħafna l-ġabra tal-familja. Iżda mhux ta’ min jaqta’ qalbu għax “it is better to light a candle rather than to curse darkness”. U dan id-dawl jistgħu joffruh in-nanniet bl-eżempju tajjeb tagħhom u bil-pariri u twissijiet għaqlija lill-uliedhom u n-neputijiet tagħhom. Nanniet li jagħlqu l-40 sena jew 50 sena u anke s-60 sena ta’ żwieġ flimkien jistgħu jkunu l-isbaħ mudell ta’ familji sodi u eżemplari b’valuri li nafu ngħożżu aħna l-Maltin. Nisperaw li dan il-kwadru li pprovajna nagħtu tagħna l-anzjani u tal-familja għall-futur sibtuh ta’ għajnuna għalikom bħala membri parlamentari f’pajjiżna. Grazzi.  
THE CHAIRMAN: Nibda billi ngħid li lili iżjed laqtitni l-konklużjoni għalkemm hemm proposti ta’ min wieħed jaħseb fuqhom, speċjalment meta bdejtu titkellmu fuq childcare centres, low cost nurseries, anzjani li jkomplu jgħixu fil-komunità u servizzi fil-komunità fost l-oħrajn għaliex nemmen li dawk kollha huma ideat li wieħed jista’ jaħseb dwarhom. Ma niddejjaq xejn minn issa stess ngħidilkom li dan ir-rapport se npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra bil-permess tagħkom u ta’ sħabi hekk kif nispiċċaw din il-laqgħa. Xtaqt ukoll ngħaddi dan il-kumitat lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani.
Hawnhekk aħna qegħdin nitkellmu fuq l-anzjani u l-kunċett ta’ familja, imma jien ipprovajt inqabbel dak li smajt mas-sitwazzjoni li kien hemm ukoll fl-Ingilterra. Pereżempju, fil-kampanja elettorali kien hemm min ħaseb biex iqanqal proposti ħalli ssir liġi biex in-nanniet ikunu jistgħu jaraw lin-neputijiet tagħhom. Dan qed jiġi propost minħabba li l-ulied jistgħu jkunu separati u jkunu reġgħu żżewġu, b’hekk in-nanniet qegħdin jitilfu l-kuntatt minn ma’ ulied uliedhom. Fl-Ingilterra s-sitwazzjoni tant hija ħażina li kien hemm partiti politiċi li kienu qegħdin jgħidu li jekk ikunu huma fil-gvern jagħmlu din il-liġi. Issa sta għalihom li ladarba għaddiet l-elezzjoni dak li pproponew iwettquh. Issa ħalli ma jsir xejn imma dak il-fatt li qanqal ħtieġa ta’ liġi biex in-nanniet jaraw in-neputijiet tagħhom, personalment iħallili weġgħa tal-qalb.
Fil-fatt dan l-aħħar ħsibt ħafna fuqha din u bdejt ngħid jekk aħna hux diġa’ għandna din is-sitwazzjoni fejn għandna nanniet li kważi lanqas jaraw lil ulied uliedhom. U mill-informazzjoni li ġbart ir-risposta hija diġà fl-affermattiv għax għandna ulied li qegħdin fil-kustodja ta’ parti jew oħra, biex ngħid hekk u dik il-parti tipprova ġġelled lil dawk l-istess ulied kontra l-parti l-oħra, skont il-każ, u allura mill-familja jew min-nanniet li setgħu fl-ewwel snin rabbew lil dawn l-istess ulied.
Jolqotni wkoll il-każ li hawnhekk ma tantx issemma’ però li nixtieq nisma’ min-naħa tagħkom ukoll.  Darba kien hemm pensjonant li staqsini kif tista’ l-pensjoni sservih jekk hu gaħdu qiegħed irabbi lin-neputijiet? Illum għandek numru ta’ anzjani li bil-pensjoni tagħhom iridu jgħinu lin-neputijiet tagħhom. U meta jagħmlu hekk il-pensjoni tagħhom se tinxef għax din kienet maħsuba għal tnejn min-nies biex jgħixu f'ċertu lifestyle filwaqt li llum, dik il-pensjoni trid tiġġebbed biex tgħin ukoll lill-ulied uliedhom.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Fl-ewwel preżentazzjoni dan il-punt konna semmejnih li min-naqra tal-pensjoni idaħħlu jdejhom fil-but biex jgħinu lin-neputijiet għall-privat, kompjuter, eċċ.
THE CHAIRMAN: Iva niftakar.
IS-SUR LINO DEBONO: Fil-fatt aħna għandna paper li qed nippreparawha li konna beħsiebna nibagħtuhielek ukoll b’żieda ma’ dan li qed ngħidu llum.
THE CHAIRMAN: Nitolbok tibagħtilna xorta waħda għax meta niġu biex noħorġu r-rapport nagħmlu addenda miegħu. Issa nixtieq nisma’ l-esperjenza tagħkom ta’ persuni li għextu ġo familja u għandkom l-extended families tagħkom. Taħsbu li s-sitwazzjoni tal-familja llum qed tpoġġi lin-nanniet f’ċertu dwejjaq jew skumdità minħabba dan kollu li semmejtu intom? Intom ħadtu stampa ċara tajba ta’ minn fejn għaddejja s-soċjetà tagħna u qed tagħtuna wkoll stampa ta’ fejn se jkunu n-nanniet għada pitgħada, forsi għax ikunu wkoll separati u jkunu qed jgħixu waħedhom. Din is-sitwazzjoni se żżid aktar il-problemi għax sakemm raġel u mara jkunu xjieħu flimkien u jkunu daħlu fl-anzjanità flimkien ikunu qegħdin jagħtu għajnuna lil xulxin. Dik hija r-realtà imma fejn dak il-bastun jonqos għax dik l-għajnuna ma tkunx teżisti, allura l-fraġilità tal-persuna tista’ tinħass aktar. Allura forsi meta naslu biex noħorġu dan ir-rapport fuq in-nanniet u l-familja x’taħsbu li tistgħu żżidu aktar ma’ dan kollu? L-Onor. Anthony Zammit.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Jien nixtieq nagħmel ftit kummenti. L-ewwel ħaġa nirringrazzjakom tal-paper li ppreżentajtu. Fil-fatt għoġbitni ħafna u hija kważi utopia għax ħafna mill-affarijiet li qed tipproponu hawnhekk kienu fil-manifest elettorali ta’ dan il-gvern kemm-il darba u jiddispjaċini ngħid li ma tantx twettqu. Jien naqbel magħkom ħafna li hemm bżonn li nagħtu kas tal-anzjani tagħna. Issa li r-rata tal-irtirar żdiedet għal 65 sena u l-life expectancy żdiedet ukoll, nemmen li l-anzjani għandhom ħafna x’joffru għall-komunità u għas-soċjetà Maltija u Għawdxija u se jkollhom aktar x’joffru għas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Pereżempju, naqbel maċ-childcare centres. Nieħu gost nara li intom qiskom qegħdin taħsbu fuq is-sitwazzjoni kif se tkun aktar ‘il quddiem. Bħalissa hemm in-nanniet jagħtu kas it-tfal imma meta dawn in-nanniet, aktar ‘il quddiem se jkunu għadhom qegħdin jaħdmu biex iħallsu l-kontijiet u loans li jkun għad għandhom, x’se tkun is-sitwazzjoni within the next 20 years? Naqbel ħafna mal-low cost nurseries. Hemm bżonn ukoll ta’ servizzi għall-komunità għall-futur. Għalija din kienet l-idea ta’ dan il-gvern biex kemm jista’ ikun l-anzjan ma jintefax ġo caring home imma jibqa’ d-dar għax meta anzjan tħallih fl-ambjent normali tiegħu, dan se jkollu inqas ċans li jiġi diżorjentat. Fil-fatt naraw li meta jkollna ċerti anzjani fl-isptar, wara ftit dawn jiġu disorientated. Jien ngħid li dawn l-anzjani taqbadhom il-hospitalitis u once you get them back home tarahom jerġgħu jiġu lura għan-normal. Dan jiġri għax l-anzjan ikollu l-effett tal-biżgħa minħabba li jkun qiegħed l-isptar. U allura nerġa’ ngħid li naqbel ħafna li dawn l-anzjani jiżdiedulhom is-servizzi fil-komunità. Dawn ġew mwiegħda hekk imma din il-wegħda qatt ma twettqet.
Jista’ jkun ukoll li huwa diffiċli biex ikollok social worker li tmur iżżur anzjan darba fil-ġimgħa ġo villaġġ. That’s the ideal u għalhekk għedtilkom li this is a utopia. Huwa importanti li nagħtu kas tal-anzjani tagħna li jkunu fl-isptar. Huwa veru li l-isptar għandu jservi aktar bħala an acute hospital and this why I have always said that we need also a halfway house. Jekk anzjan jew kwalunkwe persuna oħra tiġi operata u l-acute phase wara l-operazzjoni tkun għaddiet, dik il-persuna m’għandhiex tinżamm l-isptar. Però this is not going to be rehabilitation imma qisu jkompli l-kura tiegħu ġo sptar jew f’parti mill-isptar fejn awtomatikament se jingħata l-kura hemmhekk però m’għandux bżonn dik l-acuteness. Forsi hemmhekk huwa importanti li nerġgħu nieħdu l-general practitioner li jidħol biex jgħin fil-kura ta’ dawn l-anzjani.
Rigward St. Vincent De Paule Residence, if you go back into history issib li fil-fatt San Vinċenz oriġinarjament kien iservi bħala geriatric hospital u kien ukoll equipped għal dan il-għan. U aħna konna wieħed mill-ewwel pajjiżi li konna ħsibna għal sptar għall-anzjani.  
IS-SUR LINO DEBONO: Qabel l-1940 din kienet a Poor House. Voldieri apparti mill-fatt li tal-mediċina u tal-kirurġija kienu jibagħtuhom hemmhekk, u lil dawk li jsibu jorqdu barra kienu jibagħtuhom hemmhekk ukoll. Pero' fl-1940 sar bħala St Vincent de Paule Hospital.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Dan sar sptar għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna. Bil-mod il-mod l-idea ta’ St. Vincent de Paule tbiddlet u it became nearly a home, u għalhekk fil-fatt kien hemm it-tobba fil-passat u għad hemm it-tobba llum għax that should be a geriatric hospital. Aħna konna wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li kellna a geriatric hospital. Sfortunatament l-idea tbiddlet u forsi għandna nerġgħu nqajmu din l-idea u nagħmlu differenza bejn anzjani li għandhom bżonn kura u anzjani li għandhom bżonn a home.
THE CHAIRMAN: Irrid ngħid li jien insibha diffiċli li fil-komunitajiet ikun hemm xi persuna anzjana li tkun qed tgħix waħedha u jkollha bżonn ċerta nuqqasijiet bażiċi.... Fejn din il-persuna tkun tbati mid-dimentia, tkun mitluqa, ma tinħasilx u forsi lanqas ikollha tfal jew xi kuntatt ma’ xi nies oħra.  Jien għaddejt minn din l-esperjenza u kont għamilt anke aġġornament fuqha. Hawnhekk qiegħed nirriferi għal raġel anzjan mill-Mosta - u hemm persuni oħra li għandhom bżonn l-għajnuna – li llum miet, fejn dan meta kont tħares lejh kont tinduna li ma jinħasilx u li kien nieqes minn kollox. Apparti minn hekk kien marid ukoll. Fil-fatt dan kellu d-dimentia u allura ma stajtx tikkomunika miegħu. Meta darba tlabt biex jingħata l-għajnuna u ġibt social worker minn tad-dipartiment biex jeħduh ħalli jieħdu ħsiebu, jagħmlulu ċ-check-ups jew inkella jibdew jagħtuh is-servizzi tal-Meals on Wheels, sibt li la hu ma riedx ma stajniex ngħinuh!
Jekk ma jkunx hemm rapport mit-tabib ma tistax kważi tieħdu x’imkien għall-għajnuna għax inkella tkun qisek qed tarrestah ladarba qed tieħdu kontra l-volontà tiegħu. Issa jien deputat u dan ġara din is-sena u mhux xi żmien twil ilu.  Jien ipprovajt nintervjeni biex ngħin lil dan ir-raġel, li kien joqgħod żewġ passi ‘l bogħod minni, imma sibt li ma stajt nagħmel xejn għax il-liġi pprekluditni milli nagħmel dan. Trid toqgħod attent ukoll għax jekk uliedu ma jkunux Malta, inti ma tistax tagħmel li trid.  Huwa importanti li xi darba, xi ħadd jara x’jista’ jagħmel fuq din il-problema għax mhux imbilli tagħmel ix-sheltered homes. Lil dan ir-raġel ma tistax taqbdu u tieħdu fiżikament hemmhekk biex taħslu jew biex titimgħu. Jekk ma jridx lil min jitimgħu dan se jibqa’ jmut bil-ġuħ u jekk jien immur f’xi klinika għall-għajnuna, it-tabib inkarigat se jgħidli li hu ma jistax jarah jekk hu stess ma jridx lil min jinviżtah.  U din hi r-realtà.
L-Onor. Anthony Zammit.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Pereżempju, hawnhekk irrid ngħid li għandna kważi 3,000 ruħ li qed jistennew biex jagħmlu l-operazzjoni tal-kataretti. Veru li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-ammont ta’ operazzjonijiet li saru żdid b’xi 120 imma meta niġu għall-operazzjonijiet tal-hips and knees insibu li l-operazzjonijiet tan-knees saru inqas milli saru s-sena li għaddiet u operazzjonijiet tal-hips saru tlieta inqas milli saru s-sena li għaddiet. Issa dan meta suppost fl-aħħar budget il-gvern qal li se jkun hemm a special effort biex il-waiting list tonqos u għal dan il-għan kien għamel budget ta’ €4 miljun speċifikament biex innaqqsu l-waiting list. S’issa għadni ma nafx kif nefaqhom għax il-waiting list minflok qiegħda tonqos qiegħda tiżdied!
Mela allura, awtomatikament lill-anzjan qed tagħmilhielu aktar diffiċli għax jien irrid nagħmlu aktar mobile u rrid nerġa’ nagħmlu jara. Wara kollox min ma jarax ma jistax inaddaf lilu nnifsu u min ma jistax imur sat-toilet ma jkunx jista' jitnaddaf sew. Qed tifhem din is-sitwazzjoni prekarja li qegħdin fiha? Għalhekk naħseb li hemm bżonn ta’ effort kbir biex lill-anzjan nagħtuh dak li se jonqoslu fil-kors tan-natura
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Reservicing.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Iva hekk hu. Hawnhekk isemmiet ukoll il-pensjoni. Jekk anzjan lanqas qiegħed ilaħħaq bil-pensjoni li għandu, kif jista’ dan imur iħallas so much biex jagħmel operazzjoni tal-kataretti? Ħafna drabi l-ulied iħallsu għall-operazzjoni tal-kataretti biex din issirlu fi klinika privata għax il-ġenitur tagħhom ikun ilu ħames snin jistenna fil-waiting list. U allura bħala rigal iħallsulu l-operazzjoni tal-kataretti fi klinika privata. U għalija din naraha bħala xi ħaġa meskina.  Barra minn hekk jekk anzjan ma jistax jara kif jista’ jagħmel użu mill-internet? Dik tkun il-problema.
Jien qed nieħu gost ħafna li intom qed tgħidu li hemm bżonn il-carers għal childcare centres u social workers fil-komunità. Naqbel magħkom mija fil-mija u hemm bżonn li naraw kif se nagħmlu biex dawn inżidu l-possibbiltà tagħhom.  Semmejtu s-separazzjonijiet u hawnhekk tajjeb ngħidu li s-separazzjonijiet fil-koppji xjuħ qed jiżdiedu wkoll. Mhux biss il-koppji żgħar qegħdin jisseparaw imma anke koppji ta’ 50 sena u 60 sena. Mela allura x’qed jiġri fis-soċjetà tagħna? Din hija xi ħaġa li għandna bżonn nidħlu fiha.
Semmejtu l-valuri tradizzjonali Maltin. Naħseb li f’dawn l-aħħar 20 sena kissirna l-valuri tradizzjonali Maltin u għalhekk llum għandna s-soċjetà li għandna. Il-preokkupazzjoni tiegħi hija kif se tkun is-soċjetà Maltija 20 sena oħra. Dari kienu jaraw “Dallas” u “Dynasty” u dak li qed jiġri llum mhu xejn ħdejhom għax il-valuri spiċċaw! Din hija xi ħaġa li hemm bżonn li nerġgħu nġibu ‘l quddiem. Isemmu l-koabitazzjoni imma jiena ngħid għalfejn m’għandux jidħol id-divorzju fejn inti se tipprova terġa’ tgħaqqad lill-ulied u l-familja.  Jekk ikollok tnejn li jkunu qegħdin jikkoabitaw m'intix se tgħin la lit-tfal ta’ wieħed u lanqas lit-tfal tal-oħra għax se nispiċċaw b’yours, mine and ours. Tnejn li forsi ma sabux xorti, għaliex m’għandhomx jerġgħu jipprovaw jagħqdu familja? Dik hi l-problema għax they should be given a second possibility. L-abbuż huwa ħażin. Pereżempju, jista’ jidħol ukoll l-element reliġjuż. Iċ-ċelloli tas-soċjetà hija l-familja. Aktar mhu se jkollok ċelloli mkissrin, aktar mhux se taħdem is-soċjetà. Meta jien nipprova ngħaqqad ċellola forsi jirnexxi u forsi nimxu aktar ‘il quddiem għax m’hemm xejn isbaħ milli jkun hemm dik l-armonija d-dar. L-armonija fid-dar tiġi meta l-missier u l-omm ikunu jħobbu lil xulxin.
IS-SUR LINO DEBONO: Huma l-akbar eżempju.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Huma l-akbar eżempju għax huma l-aktar ħaġa importanti.  
IS-SUR LINO DEBONO: Din ma titgħallimha minn imkien.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: U jekk forsi terġa’ tgħaqqad dan il-unit fejn it-tfal jaraw li jkun hemm l-idea ta’ familja, forsi se tnaqqas il-problemi li għandna llum.  Pereżempju, il-konklużjoni tagħkom għoġbitni ħafna. Anzi jien naħseb li we don’t need to light just one candle but we need to light several candles because the darkness is big.

IS-SUR LINO DEBONO: Onor. Zammit dak li għedt inti laqatni ħafna u kumbinazzjoni llum kien hemm kawża ta’ separazzjoni ta’ wieħed li jaħdem bix-shift. Il-mara tiegħu bdiet tgħidlu li meta jkun bix-shift ma jibgħatx lill-ommu jew lill-missieru għat-tfal filwaqt li meta hi tkun qiegħda għax-xogħol, tħalli lill-uliedha man-nanniet.  Issa kif għedt tajjeb inti, Sur President, in-nanniet ikunu żammew lil din it-tarbija fl-ewwel tliet snin tagħha. U issa dawn l-istess nanniet ma jkunux jifilħu jagħmlu rikors il-qorti biex jaraw lin-neputijiet tagħhom! U naħseb li l-leġislatur irid jagħmel xi ħaġa hawnhekk. Issa jista’ jkun li n-nannu jew in-nanna, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu jafu jiktbu rikors imma l-isfortuna hi li inti ma tkunx avukat jew prokuratur legali.
Imma x’jiġifieri għax m’għandix flus, niġi mċaħħad milli nara lin-neputijiet tiegħi fl-aħħar snin ta’ ħajti?! U lil min inkun irrid inġib il-provi li lil dan it-tifel ta’ ħames snin jew sitt snin jien kont rabbejtu? Min-naħa l-oħra missier il-mara jkun jista’ jara lin-neputajiet tiegħu għax ikun qed jagħti l-flus. Jien kif se nġib il-provi li lil dak it-tifel ta’ ħames snin kont rabbejtu għandi?  Il-leġislatur fuq dawn l-affarijiet irid jieħu passi immedjati.
THE CHAIRMAN: Ma xtaqtx ninterrompik imma se jkolli ninterrompik. Jien se nagħmel żewġ talbiet biex intom, bħala assoċjazzjoni, taħsbu dwarhom u forsi ‘l quddiem tkunu tistgħu tieħdu stand fuqhom. L-ewwel nett nixtieq inkun naf kemm din il-problema tan-nanniet li jistgħu jkunu qegħdin jiġu mifruda u mċaħħda min-neputijiet qiegħda tikber. Huwa importanti li n-nanniet ma jweġġgħux imma għandhom jitħallew jaraw lill-ulied uliedhom. It-tieni talba tiegħi hi biex nikkundannaw lil dawk in-nanniet li b’xi mod jew ieħor, għax ikollhom aċċess għan-neputijiet, jispiċċaw jimlew bil-mibegħda lin-neputijiet tagħhom kontra l-ġenitur l-ieħor.  
Jien naħseb li jekk irridu nieħdu ħsieb lit-tfal, irridu nibdew naraw kif nikkomunikaw aħjar mal-ġenituri u nżommu lill-ġenituri flimkien. Irridu nikkomunikaw ukoll man-nanniet tal-lum, mal-irġiel miżżewġa friski kif ukoll maż-żgħażagħ li xi darba se jsiru huma wkoll nanniet. Huwa importanti li dawn jaħsbu fil-futur tagħhom qabel ma jiddeċiedu x’azzjonijiet jagħmlu llum għax iridu jkunu konxji tal-effetti ta’ għemilhom. Ħafna drabi jkun hemm nies mis-soċjetà – nista’ nkun jien ukoll - li ma jaħsbux x’se jkunu l-effetti ta’ għemilhom. U allua ngħid li jrid ikollna sens ta’ responsabilità. Kif smajna hawnhekk lil Dr. Marceline Naudi mill-Kummissjoni għal Vjolenza Domestika, fejn din qalet li qed jonqos is-sens ta’ rispett f’dan il-pajjiż, bil-konsegwenza li qiegħda tiżdied il-vjolenza domestika u s-separazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri li xi darba se jkunu nanniet. Il-familji se jibdew ikunu iċken u allura mhux se jibqgħu aktar b’xi erbgħa jew ħamest itfal. Allura dawn iż-żewġt itfal waħedhom, jew dan it-tifel waħdu, kif jista’ jkun li jinsa lill-familja tiegħu biex imur jieħu ħsieb tan-nanniet?  Jiġifieri qegħdin f’sitwazzjoni fejn li se jiġri lill-familji tagħna se jaffettwa ħafna x’tip ta’ nanniet se jkollna u x’tip ta’ relazzjoni se jkollna bejn in-nanniet u l-ulied kif ukoll bejn in-nanniet u n-neputijiet tagħhom.
Jien naħseb li r-rapport tagħna fir-rigward tan-nanniet u l-familja għandu jikkonċentra fuq ir-rabta bejn in-nanniet u l-familja. Li aħna jkollna aktar childcare centres, low cost nurseries eċċ. huma kollha affarijiet tajbin.  Jekk ikun jista’ il-gvern għandu jtejjeb dawk is-servizzi u j’Alla li, ikun min ikun fil-gvern, dawn itejjibhom. Min-naħa tiegħi m’għandix aktar kummenti x’nagħmel imma l-importanti hu li hemm xi ħaġa aktar minn dik li hija loġistika u minn dawk li huma servizzi; is-servizzi ta’ veru, ir-relazzjoni tan-nanniet mal-ġenituri. Nixtieq nisma’ xi ħaġa iżjed mingħandkom fuq dan.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: If I may nixtieq nerġa’ lura għal dak il-każ ta’ dak l-anzjan miskin li kien traskurat b’mod eċċessiv.  Jien inħoss li jekk ikollok sistema ta’ social welfare, dak l-anzjan l-ewwel trid tgħinu jifhem li dak li qed tipproponilu huwa għall-ġid tiegħu. U jrid ikun hemm il-kunsens.  
THE CHAIRMAN: Ma tistax imma rridu mmorru pass oltre. Jekk persuna ta’ 70 sena jkollha d-dimentia, kważi kważi ma tistax tikkomunika magħha. Jien għext din l-esperjenza, fejn ħadt social worker u kelli noqgħod attent biex ħadd ma jaħseb ħażin fija. Fil-fatt dan ir-raġel kellu d-dar tiegħu li kienet tikkonsisti miżerjament minn żewġt ikmamar u la kamra tal-banju ma kellu u lanqas kċina. Madankollu l-art kienet tiswa Lm120,000! Jiġifieri dan kien sinjur żgħir għax kellu l-proprjetà u t-tfal tiegħu ma kenux jgħixu Malta. U allura jien ma ridtx li xi ħadd jaħseb li se mmur neħodlu l-proprjetà! Issa skond il-liġi bniedem bħal dan ma tistax tieħdu għand it-tabib jew f’xi klinika mingħajr il-kunsens tiegħu.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Għandek raġun imma ħalli ngħidlek xi ħaġa għax inti semmejt id-dimentia. Din hija marda li ma tiġix mil-lum għal għada imma it slowly creeps onto you. Mela kif ipproponew huma u kif għedna aħna, il-fatt li jkun hemm social workers li jżuru lil dawn l-anzjani li jkunu waħedhom...
THE CHAIRMAN: Ippermettuli ftit. F’raħal twelidu kulħadd jaf b’xi nies bħal dawn. Dan ikun bniedem li sakemm ikun b’saħħtu u jkun kapaċi jmur jixtri flixkun luminata u xi sitt pastizzi - jekk qed jismagħni xi ħadd mill-Mosta bħalissa abbli jkun jaf għal min qed ngħid – se jgħidlek li hu m’għandux bżonnok u ma jkun irid imur imkien. Dawn il-persuni jeżistu u għada jista’ jkollna aktar minnhom. Imbagħad hawn min ikollu 60 sena u diġa’ jibda jistaqsik biex issiblu xi home fejn imur joqgħod. Nies bħal dawn tkun tista’ tirraġuna magħhom imma hawn min ma tkunx tista’ tirraġuna miegħu.
Mela inti għandek xenarju fejn hemm nies li tista’ tirraġuna magħhom u hemm oħrajn li ma tistax tirraġuna magħhom. Allura xi jrid jitbiddel fil-liġi biex persuna li ma tkunx għadha f’sensiha, - imma tkun għadha b’saħħitha - tkun tista’ tieħu ħsiebha anke jekk kontra r-rieda tagħha? Issa biex nuża l-kelma “toħloq care order”….
ONOR. ANTHONY ZAMMTI: Hawnhekk nixtieq nagħti l-eżempju tal-borma. Jekk inti l-borma diġa’ faritlek se jkun diffiċli biex tnaddafha imma jekk inti taf li hemm il-borma fuq in-nar, kull ħames minuti tista’ tmur tittawlilha ħalli tara jekk huwiex qed tagħli jew tfur. Mela awtomatikament qabel ma tfur titfi n-nar. (pawsa)
THE CHAIRMAN: Inkomplu. Trid tinstab soluzzjoni legali dwar kif bniedem li jkun mitluq, - u għada jista’ jkollna iktar minn dawn in-nies – u li forsi jkun abbandunat minn uliedu stess, inti tkun tista’ tiegħu ħsiebu anke kważi kontra l-volontà tiegħu. Pereżempju, dik il-persuna li semmejt qabel kien jgħidli, kemm lili u kemm lis-social worker, li hu kien all right u li m’għandu xejn imma nafu li dan kien qed jgħix f’dinja oħra. Mela nies bħal dawn kif tista’ tgħinhom biex fl-aħħar żmien ta’ ħajjithom ma jispiċċawx f’dak l-istat? Fil-fatt dan ir-raġel li semmejtilkom il-każ tiegħu, instab mejjet wara tliet ijiem!  
Onor. Zammit inti forsi taf nies f’Ħaż-Żebbuġ li waqgħu f’din is-sitwazzjoni. Erħilu xi stajt tagħmel qabel u m’għamiltux, illum kif tista’ taqbad lil xi persuna minn dawn li qed insemmu u teħodha St Vincent de Paule biex taħsilha u terġa’ teħodha lura d-dar jew inkella biex iġġiblha tabib? Illum ħadd ma jista’ jagħmel xejn quddiem sitwazzjoni bħal din għax jekk tieħu lil xi ħadd fi klinika se jistaqsuk mill-ewwel x’tiġi minn dik il-persuna. Darba waħda kienn hemm wieħed u qalli: “Onor. Vassallo mur lura għax inwaħħlek sitt xhur ħabs”! Issa dan kien pulizija u qalli hekk għax jien qisni kont qednagħmilha ta’ pulizija miegħu. U min ikun qed jagħmilha ta’ pulizija jkun ħaqqu sitt xhur ħabs.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Imma żgur li hemm xi ħaġa.
THE CHAIRMAN: Jien qed nitlobkom tagħmlu ftit homework u tfittxuha.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Jien nissuġġerixxi li bħalma dan l-aħħar konna qegħdin nisimgħu lill-Kummissarju tat-Tfal, is-Sinjura Carmen Zammit tissuġġerixxi li f’każi ta’ tfal li jkunu neglected minn ommhom stess, għal raġunijiet varji, ikun hemm intervent legali...
THE CHAIRMAN: Hawnhekk qed ngħidu li għandhom jidħlu l-care orders u jien nibża’ minnhom!
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Tant m’hemmx fejn se tpoġġihom it-tfal li terġa’ tibgħathom lura għand il-familja tagħhom. Din hi l-problema.
THE CHAIRMAN: Ippermettuli. Aħsbu aktar dwarha din. Tkellmuha fil-kunsill. Mela qed ngħidu li anzjani li m’għadx għandhom aktar il-kapaċitajiet li jiddeċiedu għalihom infushom, u li qegħdin jgħixu f’sitwazzjoni fejn is-saħħa tagħhom qed tonqsilhom kuljum, imma li dawn bl-ebda mod ma jridu jagħtu l-kunsens tagħhom biex tingħatalhom l-għajnuna, intom f’każi bħal dawn x’qegħdin tirrakkmandaw? Ma rridx inpoġġilkom il-kliem f’ħalqkom.
Wasalna f’ċirkostanza fejn lill-Istat qed nirrikkmandawlu li jibda jaħseb bis-serjetà sabiex joħroġ care order fuq persuni li jistgħu jkunu in a state of neglect? (Interruzzjonijiet) Tkellmu dwarha din.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Mela le.
IS-SUR LINO DEBONO: L-ewwel ħaġa li nixtieq ngħid hija li aħna għadna nagħmlu database tal-anzjani permezz tal-kunsilli lokali. Din hija preokkupazzjoni tagħna għall-futur għax nafu li fil-futur se jkollna over 100,000 anzjani li qegħdin jgħixu kemm barra u kemm fid-djar tal-anzjani.   Fi żmien għaxar snin jew 15-il sena oħra dan in-numru se jkompli jikber.  Allura għandu jkun hemm survey biex permezz tal-kunsilli lokali nkunu nistgħu niddentifikaw l-anzjani f’kull raħal u f’kull belt. Imbagħad wieħed ikun jaf l-affarijiet. (Interruzzjonijiet) Imma inti ma tkunx taf il-kondizzjoni tagħhom. Ma tkunx taf jekk dawn humiex indipendenti, jekk humiex jgħixu waħedhom u jekk hemmx xi carers jgħinuhom.
IS-SUR LINO MIZZI (Membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani): Mir-reġistru elettorali tkun taf li bniedem għandu 70 jew 75 sena u tkun taf jekk jgħixx waħdu jew le.
IS-SUR LINO DEBONO: Li jgħix waħdu iva, imma ma tkunx taf il-kondizzjoni tiegħu.
THE CHAIRMAN: Ippermettuli ftit. Mir-reġistru elettorali int se tkun taf min hu. Tista’ tkun taf pereżempju kemm għandu żmien u fejn jgħix Edwin Vassallo. Però jekk wieħed ikun qiegħed f’sitwazzjoni ħażina u jirrifjuta l-għajnuna, l-Istat għad m’għandux mezz li jien naf bih, fejn jiġi social worker... X’se tibgħat tagħmel lis-social worker? Jien għaddejt mill-esperjenza. Dan il-bniedem li kont naf jien, kif kien jinduna li ġej xi ħadd biex jarah, kien jagħlaq il-bieb biex żgur ma nidħlux. Kont irrid naqbdu bil-bieb miftuħ għax kien jinsa li aħna kellna mmorru narawh biex inkun nista’ nkellmu. Min jaf kemm se jkun hemm esperjenzi bħal dawn għada pitgħada. Intom għandkom suġġerimenti tajbin imma mbagħad dawn is-suġġerimenti huma neqsin mill-attwalità vera ta’ kif issa se tipproċedi. Irid jerġa’ jkollok proċess legali għax anke jekk tagħmel in-night shelter, kif se tikkonvinċi lil xi ħadd biex imur fin-night shelter u l-għada mbagħad jerġa’ imur lura d-dar tiegħu? Din mhijiex faċli.
Kif għedt diġà għandek żewġ kwalitajiet ta’ anzjani; għandek dawk li tkun kapaċi tikkomunika magħhom u dawn qegħdin fuq il-waiting list tad-djar tal-anzjani għax iridu jmorru f’dawn id-djar minn jeddhom. U dawn it-tip ta’ nies mhux problema għax nafu min huma u d-dipartiment responsabbli mill-anzjani jaf eżatt x’inhu jiġri minnhom għax qed isegwihom u jibagħtilhom is-social worker id-dar. Imbagħad għandek lil dawk li ma tkunx tista’ tikkomunika magħhom u dawn it-tip ta’ nies ikunu mitluqin u ma jkun jaf bihom ħadd. Dawn tista’ tkun taf min huma mir-reġistru elettorali, però biex tkun taf x’tip ta’ saħħa għandhom, kemm fiżikalment kif ukoll mentalment, trid tibgħat lil xi ħadd mill-kunsilli lokali biex jibda jdurhom wieħed, wieħed. It-tieni pass hu kif se tieħu l-azzjoni għal dan? Hemmhekk jeħtieġ li jkun hemm xi ħaġa legali li s’issa ma teżistix għax jgħidulek li b’dak li se tagħmel se tmiss mad-dritt fundamentali tal-bniedem. U allura ma tistax tibagħtu għall-kura jekk mhux bil-volontà tiegħu. Għalhekk jien kważi waqqaft lill-Onor. Zammit meta kien qed jitkellem għax naħseb li dari kien hemm il-proċess fejn xi ħadd kien isib lil xi ħadd barra u jieħdu f’St. Vincent de Paule.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Dak kien sptar tax-xjuħ.
THE CHAIRMAN: Min ikollu każ mentali kienu jiġbruh għax jgħidu dak każ mentali, imam jekk għandek persuna li ħadd ma jista’ jgħid li qed tagħmel il-ħsara lil xi ħadd u tkun sempliċement qiegħda tbati mid-dimentira, allura inti għandek problema oħra legali; kif se teħodha minn darha biex imqarr taħsilha u mbagħad terġa’ teħodha lura d-dar.
Jista’ jkun li mbagħad ikun hemm it-tfal ta’ din il-persuna li jeħduha kontra tiegħek talli tkun tajtha l-għajnuna tiegħek jew jeħduha kontra l-Istat. Għalhekk hawnhekk l-Istat irid isir il-padre maġġuri u jgħid li se jintervjeni akkost ta’ kollox. Imma aħna rridu li jsir hekk?  Għax illum l-Istat qed jgħid li m’għandux jibqa’ jkun il-big brother ta’ kulħadd.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Mhux ta’ kulħadd imma ta’ min hu qiegħed fil-bżonn.

THE CHAIRMAN: Iva, naqbel miegħek.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: U din hi l-problema.
THE CHAIRMAN: Għalhekk trid tkun estiża din id-diskussjoni. (Interruzzjonijiet) Dan ir-raġel li semmejtilkom kien ilu mejjet tliet ijiem u tant kien għadma u ġilda li kważi kważi lanqas kien niten, skużi l-espressjoni.
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Aħna naqblu li b’mod jew ieħor irid ikun hemm l-inforzar tal-liġi.
THE CHAIRMAN: Bħalissa ma teżistix liġi, jiġifieri m’hemmx inforzar tal-liġi x’isir. Taħsbu li huwa f’waqtu li f’dan il-pajjiż intom tipproponu lill-politiku sabiex jaħseb fuq care order għal persuni li m’għadhomx aktar jirraġunaw għalihom infushom? Dalwaqt ilaqmuni d-deputat tal-care orders! (Interruzzjonijiet)
IS-SINJ. HELEN BORG BONNICI: Ħadd minna ma jieħu pjaċir ikun ħdejn bniedem li ma jkunx nadif.
IS-SUR LINO MIZZI: Meta wieħed jikser il-liġi u jarrestawh biex idaħħluh il-ħabs, jagħmlu hekk kontra l-volontà tiegħu.
THE CHAIRMAN: Imma hawnhekk qed nitkellmu fuq xi ħadd li ma jkun kiser l-ebda liġi. 
IS-SUR LINO MIZZI: Immaġina dan il-bniedem jaqsam it-triq.
THE CHAIRMAN: Jaqsmuh jistgħu!
IS-SUR LINO MIZZI: U jien li nkun tajjartu intortament neħel ta’ kollox.

THE CHAIRMAN: F’din iċ-ċirkostanza m’hemm l-ebda patt legali ta’ kif tista’ tirkupra... (Interruzzjonijiet)
IS-SUR LINO DEBONO: Dik hija l-preokkupazzjoni tagħna. In the long run, fi żmien għaxar snin oħra, x’se jiġri mill-anzjani? Se jkun hemm post fejn jidħlu f’San Vinċenz jew fi djar oħra tal-gvern?
THE CHAIRMAN: Imma jien inserraħ moħħi li l-gvernijiet li jkun hawn dejjem se jipprovaw itejbu l-affarijiet. Dik lili ma tinkwetanix. 
IS-SUR LINO DEBONO: Illum forsi mhux kulħadd jista’ jaffordja li jmur fi djar privati.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Bil-costings li hawn tad-dawl u l-ilma u affarijiet oħra...
THE CHAIRMAN: Onor. Zammit, jeżistu żewġ realtajiet u jkun tajjeb li wieħed jitkellem fuq din il-preokkupazzjoni. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum għandek żewġ partijiet fis-soċjetà. Għandek lil dawk li bl-insurances li qegħdin iħallsu għada pitgħada kapaċi jmorru f’dar tal-anzjani privati. Mela dawk qegħdin jieħdu ħsieb tagħhom infushom filwaqt li inti trid tieħu ħsieb ta’ dawk li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Imbagħad hemm it-tieni kategorija ta’ dawk in-nies li sfortunatament jispiċċaw iżolati. Dawk trid taħseb għalihom għax is-suq kapaċi jfejjaqlek nofs il-problema u l-problema l-oħra ħadd ma jkun kapaċi jfejjaqha.
Aktar qabel semmejna l-ġenituri separati, eċċ... Jien ngħid li d-divorzju ma jfejjaqx il-problemi anzi joħloqhom għax it-tfal tat-tieni żwieġ jaqilgħu ‘l barra mir-relazzjoni t-tfal tal-ewwel żwieġ. (Interruzzjonijiet) Hekk jiġri. Barra minn Malta hekk ġara u hekk qed jiġri f’Malta. Dan huwa l-uġigħ tat-tfal u jekk din il-problema tiftħilha l-bieb se jkollna aktar uġigħ milli għandna llum bl-antiporta mbexxqa.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Jien naf koppji li ma setax ikollhom tfal u dawn addottaw imma wara li addottaw kellhom it-tfal naturali tagħhom. Lil dawn it-tfal ħabbewhom daqslikieku kienu kollha tagħhom.
THE CHAIRMAN: Dak eżempju wieħed. F’soċjetà fejn għada pitgħada se jibda jkollna nies aktar lonely, se jibda jkollna nies li ma ħallsux is-social insurance u se jkollna iżjed nies li jaqgħu fil-periferija tas-soċjetà. Jien din is-social exclusion tal-anzjani tbeżżgħani. Fil-fatt darba konna tkellimna dwar il-faqar tal-anzjani u xi darba rridu nitkellmu dwarha ftit aktar bis-serjetà. Irridu nkunu ffokati aktar fuq is-social exclusion, issa mhux fuq it-tfal, imma fuq in-nanniet kif darba kontu pproponejtu intom stess. Irridu naraw x’inhi verament il-kawża. U l-kawża vera wisq probabbli hija x’inhu jiġri fil-familji tagħna stess. Irridu npoġġu idejna fuq fejn għandna l-feriti.
Ċerti fixed costs se jibqgħu jiżdiedu u qatt mhuma se jonqsu. Xi ħaġa fl-ekonomija tad-dinja trid tmur ħażina biex dawn jonqsu. Il-bqija dawk trid teħodhom in your stride u jkun hawn min ikun hawn fil-gvern dejjem se jtejjeb il-faċilitajiet. Kemm il-Gvernijiet Laburisti kif ukoll il-Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem tejbu l-faċilitajiet għall-anzjani u dawk se jibqgħu jsiru. Anzi intom għedtu f’dan ir-rapport stess biex ma noħolqux faċilitajiet daqstant sbieħ. Imma jien ngħid ejjew noħolqu l-aħjar u l-isbaħ faċilitajiet għax dak li hu sabiħ illum, fi żmien ħames snin ma jibqax daqshekk sabiħ għax imbagħad ħames snin oħra l-istandard ikun ogħla minn tal-lum. Kemm hu sabiħ l-Isptar Mater. Xi darba l-Isptar San Luqa kien sabiħ daqskemm hu sabiħ illum l-Isptar Mater Dei. Ovvjament wara 20 sena l-Isptar San Luqa ma baqax daqshekk sabiħ. Jiġifieri llum il-life span ta’ kollox hija iqsar u għada se tkun aktar minn tal-lum. 
Għaldaqstant nitlobkom biex għada pitgħada terġgħu tiġu hawn u taraw verament x’se jkunu l-problemi tal-anzjani tagħna, l-anzjani u l-familja, l-anzjani tagħna u r-rapport tiegħi nnifsi ma’ xi ġrali llum, jien li ma nafx kemm se ndum miżżewweġ għax nista’ inqum għada u nimrad jew inkella nispiċċa bla mara u tfal.  Jiġifieri ħadd ma jaf x’se jiġri minnu u dik l-inċertezza qiegħda fuq ras kulħadd.
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Meta tkun miżżewweġ u jkollok din l-inċertezza kollha li qed issemmi, aktar trid tipprova tkun ġentili mal-partner tiegħek ħalli tibqgħu flimkien. Pereżempju, darba fil-Ġermanja ssorprendejt ruħi. Kelli pazjent ta’ 82 sena li kont biddiltlu l-hip u l-mara tiegħu kienet tiġi tarah kuljum. U magħha kienu jiġu wkoll it-tfal.  Issa din mhijiex xi ħaġa komuni fil-Ġermanja. Darba minnhom dan il-pazjent ġie fuqi u qalli biex noqgħodlu xhud u għalhekk jien mal-ewwel għedtlu li ma kienx se jmut għax kont għamilt minn kollox biex inżommu ħaj. Għedtlu hekk għax ħsibt li ried jagħmel xi testment imma dan dar fuqi u qalli li hu ried jiżżewweġ lill-mara tiegħu!  Wara rrakkontali li hu u l-mara tiegħu kienu teen lovers u kienu ilhom jafu lil xulxin minn meta hu kellu 16-il sena u l-mara kellha 14-il sena imma baqgħu qatt ma żżewġu.
Meta staqsejtu għalfejn baqgħu ma żżewġux dan qalli li huma kienu jgħidu li jekk jiżżewġu they would take each other for granted u jitilfu dak l-interess lejn xulxin biex jibqgħu magħqudin. Fil-fatt it-tfal lanqas jafu li mhumiex miżżewġin u kien imur jirreġistrahom biex jidhru li huma missierhom u ommhom. U għalhekk għamiltha tax-xhud tiegħu. Il-karezzi li kienu jagħmlu lil xulxin kienu verament sbieħ. Il-mara tiegħu kienet iddur bih u ġġiblu l-ikel u tara xi bżonnijiet kien ikollu. Jiena ngħid li kulħadd għandu his ways of doing things.
THE CHAIRMAN: Mela għal-lum nistgħu nikkonkludu hawnhekk. Nixtieq nirringrazzja lill-mistednin tagħna għas-sehem tagħhom fid-diskussjoni. Niskużaw ruħna li l-ewwel laqgħa kienet saret is-sena li għaddiet imma kif naħseb li tafu, dan il-kumitat qiegħed jaħdem u għandu lista twila ta’ suġġetti pendenti quddiemu.  Ovvjament ‘il quddiem irridu nerġgħu niltaqgħu biex nagħmlu dan ir-rapport rigward is-social exclusion, biex għada pitgħada l-anzjani ma jaqgħux fil-periferija tas-soċjetà.
Nirrikkmandalkom ukoll biex anke intom stess taħsbu fuq kemm hija importanti r-relazzjoni tan-nanniet mal-familja u l-extended family tagħhom. Nirrikkmandalkom ukoll biex taħsbu fuq din is-sitwazzjoni li għadna kemm esperjenzajna hawnhekk flimkien. Huwa importanti li xi ħadd jibda jaħseb fuq x’rimedju rridu nibdew nirrikorru għalih sabiex persuna, li tkun qiegħda tis-soċjetà tagħna u li ma tkunx kapaċi tfendi għal rasha, tkun tista’ tiġi megħjuna mill-Istat. Nixtieq ukoll li taħsbu aktar dwar kemm huwa importanti li nagħmlu pressjoni fuq is-soċjetà sabiex in-nanniet tagħna jgawdu l-preżenza tan-neputijiet għax din hija xi ħaġa pożitivva għaż-żewġ partijiet.
Min-naħa l-oħra rridu nikkundannaw lil dawk in-nanniet li għandhom aċċess għan-neputijiet tagħhom imma jagħmlu użu ħażin minn dak l-aċċess għax jipprovaw ideffsu f’moħħ in-neputijiet tagħhom il-velenu kontra wieħed mill-ġenituri tagħhom. In-nanniet għandhom joqogħdu ‘l barra mill-każ ta’ separazzjoni u ma jżidux aktar mibegħda bejn il-ġenituri tan-neputijiet li jkunu qegħdin jisseparaw. In-nanniet għandhom ikunu edukati fil-mod ta’ kif iġibu ruħhom f’każ li jkun hemm separazzjoni fiż-żwieġ ta’ uliedhom. U dan għandhom jagħmluh biex in-neputijiet ma jweġġgħux aktar.

Jekk tkunu tridu l-għajnuna tagħna bħala kumitat, tiddejqux titolbuha. Jien nemmen fi sħabi kollha, anke jekk illum uħud minnhom ma kenux preżenti. U niskuża ruħi magħkom għan-nuqqas tagħhom.  Ovvjament jekk intom titolbu l-preżenza tagħhom f'xi konferenza li tkunu qegħdin tagħmlu, jien persważ li għandi membri tal-kumitat li huma tajbin u li jagħtu l-parteċipazzjoni tagħhom f’dak li tkunu qegħdin titolbu.  Nawguraw li fil-ġejjini nisimgħu mingħand xulxin ħalli naraw x’se tkunu qegħdin tagħmlu f’dan ir-rigward.


Il-Kumitat jaġġorna għal għada, it-Tlieta, fis-7.00 p.m., bit-tema tagħna tkun “Il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità”. Grazzi.
Fit-8.50 p.m. id-diskussjoni fuq dan is-suġġett ġiet konkluża u l-Kumitat aġġorna għal nhar it-Tlieta l-1 ta’ Ġunju 2010.




Yüklə 104,04 Kb.

Dostları ilə paylaş:




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin