ONOR. MICHAEL GONZI: Jien nixtieq li r-rakkmandazzjonijiet jiġu qabel il-konklużjoni għax kif inhi qisha qiegħda titlef il-ġist kollu. Jien għamilt ir-rakkmandazzjonijiet li jixtieq il-kumitat soċjali.
THE CHAIRMAN: Irridu konklużjoni għall-preżentazzjoni. Mela immedjatament wara kapitlu 2.4. “Fedeltà” ikun hemm kapitlu 2.5 “Konklużjoni”. Imbagħad jibqgħu biss il-kliem “Rakkmandazzjonijiet tal-Kumitat Soċjali”. Dwar dan jidher li qed naqblu. Issa ejjew nibdew inħarsu lejn il-proposti.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA:Paragrafu “g” jgħid hekk:
“Tagħlim aħjar fuq il-kontraċettivi, l-użu tajjeb u f’waqtu tagħhom u l-implikazzjonijiet mediċi kollha tal-użu tagħhom, inkluż...”
Hawnhekk irridu ndaħħlu l-kliem “jekk jintużaw ħażin”.
THE CHAIRMAN: Inkella nistgħu nagħmluha “inkluż informazzjoni fuq l-effett jekk jintużaw ħażin”.
ONOR. MICHAEL GONZI: Irridu noqogħdu attenti għal din is-sentenza. “Għarfien irid jingħata li bl-użu tal-kontraċettivi, persuna xorta tista’ tiltaqa ma’ mard trasmess sesswalment...”.