ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Jiġifieri rridu nagħmlu fullstop wara l-kelma “ħlas”.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Jien kont inniżżel biss: “Dan il-ħin għandu jiġi meqjus bħala edukazzjoni u mhux ħin allokat għar-reklami.”
THE CHAIRMAN: Lili ma ddejjaqnix hekk. Nistgħu nagħmluha hekk mela; “Dan il-ħin allokat għal messaġġi edukattivi mill-Promozzjoni tas-Saħħa m’għandux ikun meqjus bħala ħin allokat għal reklamar kummerċjali.”
Imbagħad f’paragrafu (f) għandna “Isir sħab innovattiv...”. Din ma fhimthiex.
THE CHAIRMAN: Lili din dejqitini ftit. Hawnhekk qed ngħidu li: “Isir sħab innovattiv ma’ kull organizzazzjoni taż-żgħażagħ, għaqdiet volontarji, soċjali, u mexxejja fil-komunità sabiex jiġu konformi mal-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali.” Hawn qed ngħidu xi ħaġa ġdida. Jekk se jkollna sexual health policy irridu nedukaw lill-għaqdiet biex il-messaġġi jaslu.
Sħab innovattiv huwa kliem bil-Malti li ma jinftiehemx. Fil-kas nagħmluha bl-Ingliż ħalli nifhmu mill-ewwel x’aħna ngħidu. Fl-opinjoni tiegħi din il-parti għandha tiġi hekk: “Kull organizzazzjoni taż-żgħażagħ, għaqdiet volontarji, soċjali, u mexxejja fil-komunità għandhom ikunu inklużi fl-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali.”