SUR CLIVE TONNA: Kif diġà għedt, kien hemm istanzi fejn oġġezzjonajna, però rrid niċċekkja u darb’oħra nkun nista’ nġib l-informazzjoni, imma kif għedt aktar qabel, aħna rakkmandazzjoni nagħmlu, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar il-permess qatt ma noħorġuh aħna bħala Direttorat tas-Saħħa Ambjentali; dawn jinħarġu mill-PA jew mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
THE CHAIR: Grazzi. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Fl-2013 kien ħareġ dokument min-naħa tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika li jħares lejn kif l-ambjent jeffettwa lill-familji. Malta kienet l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li ħarġet dokument riċerkat bħal dan li huwa ta’ ċerta portata. Jien nappellalkom sabiex tħarsu lejn dan id-dokument għax naħseb li japplika ħafna għal din iċ-ċirkostanza; hemm ħafna parametri li nistgħu napplikawhom bħala forward looking suggestions għal sitwazzjonijiet bħal dawn.
THE CHAIR: Nirringrazzjakom. Nistennew li meta nerġgħu niltaqgħu tiġu tagħtuna l-informazzjoni li ntlabtu tagħtu.
Nistieden issa fuq il-Mejda lil Dr. Mark Gauci u nitolbu sabiex jgħidilna x’miżuri jittieħdu f’din iż-żona fir-rigward ta’ occupational health and safety, imbagħad il-Membri tal-Kumitat ikunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.