Malta kamra tad-deputati kumitat permanenti dwar l-ambjent u l-ippjanar tal-iżvilupp



Yüklə 212,56 Kb.
səhifə29/58
tarix05.01.2022
ölçüsü212,56 Kb.
#72783
1   ...   25   26   27   28   29   30   31   32   ...   58
TABIB MARK GAUCI (OHSA): L-OHSA hija entità li topera skont il-liġi li waqqfitha li l-objettiv uniku tagħha huwa li jkunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Meta twaqqfet l-OHSA, konna ppruvajna diversi drabi li naraw li kwalunkwe xogħol ma jħalli l-ebda effett fuq terzi persuni. Fil-fatt konna anke ftaħna kawżi fil-qorti kontra employers li jippermettu ċerti emissjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom li kien qed ikollhom effett fuq nies fil-viċin, imma l-qorti rrifjutat li tisma’ dawn il-kawżi għax qalet li l-OHSA kienet qed taġixxi ultra vires għax l-iskop prinċipali tagħha huwa li jkunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Kif spjegaw iż-żewġ kollegi qabli, hemm liġijiet oħrajn fil-pajjiż li huma ntiżi biex jipproteġu s-saħħa tal-membri tal-pubbliku. Il-liġi li waqqfet l-OHSA ma tkoprix inkonvenjenti li jistgħu jkunu qed isofru terzi persuni.
Għar-rigward tal-infurzar, l-OHSA taġixxi b’żewġ modi. L-ewwel nett, tindirizza kull ilment li tirċievi mingħand il-pubbliku, anke meta l-ilment ma jkunx jikkonċerna, jew ma jkunx jaqa’ taħt il-parametri stabbiliti mil-liġi, u tinvestiga biex tara li ma tkunx qed tinkiser il-liġi tas-saħħa u s-sigurtà. Fejn ikun hemm ilment li jikkonċerna xi ħaġa li ma taqax taħt il-liġi tas-saħħa u s-sigurtà, l-OHSA tirriferi l-każ. Jien iċċekkjajt kemm kien hemm ilmenti fuq din iż-żona f’dawn l-aħħar ħames snin, kemm minn residenti, kif ukoll minn ħaddiema, u sibt li kulma kien hemm kienu biss żewġ ilmenti; wieħed minnhom sar erba’ jew ħames snin ilu u kien jikkonċerna ħġieġ mal-art fit-triq, u l-ieħor daħal proprju l-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet fejn persuna anonima ilmentat dwar qtar tal-ispray li qed issib fil-bitħa tagħha. Din il-persuna la identifikat min hi u lanqas il-post fejn toqgħod u allura ma stajniex ninvestigaw, però l-uffiċjal qalilha li allavolja dak l-ilment ma jaqax taħt l-applikabilità tal-liġi tagħna, l-OHSA xorta kienet se tinvestiga u jekk ikun hemm bżonn se tirriferi lill-entitajiet oħrajn.
Mod ieħor kif l-Awtorità tinforza huwa billi torganizza dawk li jissejħu information and inspection campaigns meta jkunu identifikati, jew setturi partikolari, jew ikun hemm issues jew problemi partikolari, u minn żmien għal żmien torganizza kampanji li jkunu indirizzati lejn kull min jopera f’dak is-settur. Kampanji li niftakar li saru riċentement kienu jikkonċernaw l-ispray painters u entitajiet, organizzazzjonijiet jew intrapriżi li jużaw ċertu tip ta’ apparat jew magni partikolari. F’dan il-każ l-OHSA tikteb lill-korp kostitwit li jirrappreżenta lil dak is-settur u jinfurmahom bl-affarijiet prinċipali li l-uffiċjali tal-OHSA jkunu qegħdin jiċċekkjaw imbagħad tgħidilhom li fis-sitt xhur li jkunu ġejjin se jkollhom żjara min-naħa tal-uffiċjali tal-Awtorità biex jaraw jekk dawk l-affarijiet li kienu msemmijin fl-ittra jkunux qed jiġu attwati jew le. Imbagħad l-OHSA tipprova taġixxi kemm jista’ jkun b’dak li hi tikkunsidra bħala a risk based approach jiġifieri l-ikbar riskji jingħataw l-ikbar attenzjoni, jekk ikun hemm riskju kbir jinħarġu ordnijiet skont kif tippermetti l-liġi, jekk hemm bżonn ikun hemm multi amministrattivi, jew jekk il-każ jimmerita jinbdew proċeduri fil-qorti. Dak fil-qosor ħafna ta’ kif taġixxi l-OHSA f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infurzar.
Saret il-mistoqsija lill-kollegi ta’ qabli jekk l-Awtorità għandhiex irwol edukattiv, promozzjonali, informattiv eċċ. Nista’ ngħid li l-OHSA għandha dak ir-rwol ukoll, huwa wieħed mill-funzjonijiet prinċipali tal-OHSA u fil-fatt torganizza ħafna attivitajiet ta’ informazzjoni, seminars, tiżviluppa u tippubblika ħafna linji ta’ gwida u tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tiżviluppa għodda elettroniċi li jistgħu jitħaddmu mingħajr ma jitħallsu flus biex tgħin lil dak li jkun jattwa l-obbligi legali tiegħu.

Yüklə 212,56 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   25   26   27   28   29   30   31   32   ...   58




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin