ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Qed nagħmel din il-mistoqsija għax peress li huma intrapriżi żgħar u jkollhom xi tnejn jew tliet ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fil-garaxx tagħhom, huwa diffiċli għalikom biex tkunu tafu x’qed jiġri. Dawn mhux bħal sit ta’ kostruzzjoni fejn kulħadd ikun qed jara x’qed jiġri għax ikun fil-miftuħ. Jiġifieri jien nifhem id-diffikultà li għandkom f’każijiet bħal dawn u kważi kważi tiddependu ħafna fuq l-ilmenti ta’ terzi li jsiru fuq ħaddiema li ma jkunux qed jaħdmu kif suppost.
TABIB MARK GAUCI: Għalhekk l-OHSA taġixxi wkoll permezz ta’ organiżżazzjonijiet kostitwiti. Nista’ nsemmi, pereżempju, il-General Retailers’ and Traders’ Union (GRTU) li tirrappreżenta ħafna min-nies li jaħdmu f’dawn it-tip ta’ micro enterprises u SMEs. Aħna naħdmu ħafna mal-GRTU, però mhux biss magħhom, biex jgħinuna nwasslu l-informazzjoni. Kif għedt, illum id-dinja qed tinbidel u l-informazzjoni m’għadekx tgħaddiha biss billi tqassam il-karti, imma billi tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u tagħmel kollox b’mod elettroniku. Fil-każ tagħna kollox huwa available mingħajr ħlas.