SUR JOHANN BUTTIGIEG: L-istess ħaġa, jiġifieri ħadd mhu se jkeċċik minn darek biex minflokok jinfetħu uffiċini jew postijiet kummerċjali; il-permess li għandek ħadd ma jista’ jeħodulek, imma jekk se titlob li tibni residenza f’żona industrijali m’aħniex se nagħtuk permess.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Imma min xtara l-art bi prezz ta’ industrijali u għadu ma bediex l-attività tiegħu, se jkun jista’ jużaha bħala industrijali?
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Jekk għandu permess, iva, imma jekk m’għandux permess, le. Jekk l-art hija f’żona li baqgħet industrijali, jista’, imma jekk ikun xtara bl-intenzjoni ta’ industrijali u jkun għadu m’applikax għall-permess qabel ma jinqaleb iż-zoning, allura irid jimxi maż-zoning il-ġdid.