ONOR. MARLENE FARRUGIA: U jekk japplika issa?
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Id-deċiżjonijiet jiġu effettwati minn meta l-policy tidħol fis-seħħ; jista’ jkun hemm qbil li l-policy ma tidħolx fis-seħħ qabel sena oħra biex xi ħadd ikollu ċans japplika.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jiena nipproponi li l-PA ma taċċettax applikazzjonijiet la se jkun hemm tranżizzjoni, għax inkella se jkun hemm taħwid sħiħ.
SUR JOHANN BUTTIGIEG: Meta quddiem dan il-Kumitat kien hawn għad-diskussjoni l-pjan għal Paceville qalulna bil-maqlub! Il-linja hija, u dejjem kienet, li sakemm ma jkunx hemm tibdil, napplikaw il-policy tal-ġurnata.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Imma hawnhekk se jkollok nies li applikaw għal permess industrijali u ħaduh, mingħajr ma l-problemi reali ta’ infurzar u problemi oħrajn, ġew indirizzati.
THE CHAIR: Naħseb li din il-policy qed tipprova tagħti direzzjoni u tgħin f’dan il-qasam.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: L-intenzjoni hija dik, imma kif qed isiru l-affarijiet, il-problemi reali taż-żona, bħall-infurzar, trade licensing, eċċ., mhumiex qed jiġu indirizzati.
THE CHAIR: Fil-fatt fuq talba tal-Onor. Godfrey Farrugia, għal din il-laqgħa stedinna, fost oħrajn, uffiċjali mill-Occupational Health and Safety Authority (OHSA) u anke rappreżentanti tal-Pulizija, allavolja ma naħsibx li huwa r-remit ta’ dan il-Kumitat li nidħlu fuq l-infurzar tar-regolamenti.