ONOR. GODFREY FARRUGIA:Sur President, nippreferi li jagħtuna spjega qasira ta’ x’inhi l-azzjoni min-naħa tagħhom bħala dipartiment, imbagħad aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-mistoqsijiet tagħna.
TABIBA CHARMAINE GAUCI (Supretendent għas-Saħħa Pubblika): Nibda biex ngħid li r-responsabilità tagħna hija l-protezzjoni tas-saħħa pubblika inġenerali. Minn riċerka li saret barra minn Malta nafu li meta jkollok żoni fejn hemm industrija, speċjalment tip ta’ industrija li tikkrea pollution, il-particulate matter jista’ jkollu effett fuq is-saħħa tan-nies. Fil-fatt, minn riċerka li saret ukoll barra minn Malta, instab li fejn hemm żoni li fihom numru ta’ industrija, in-nies li jgħixu fl-inħawi jkollhom aktar prevalenza ta’ mard, inkluż mard bħall-ażżma speċjalment fit-tfal, mard tal-kliewi u anke ċertu tip ta’ cancers. Min-naħa tas-saħħa r-rakkmandazzjoni dejjem tkun li fejn ikun hemm żoni fejn jista’ jkun hemm tniġġis, kemm jista’ jkun jiġu mbiegħda mir-residenzi. Fil-fatt, ħafna drabi jiġi rrikkmandat li jkun hemm buffer zone ħalli jkun hemm ftit distanza bejn iż-żona u r-residenzi għax dawn ikunu qed jiġu esposti għal tul ta’ ħin twil. Madankollu, dan ma jfissirx li m’għandux ikun hemm kontrolli ta’ emissjionijiet minn dawn it-tip ta’ industrija; dawk għandhom dejjem jiġu regolati, kemm biex tiġi protetta s-saħħa tal-impjegati – dwar dan jista’ jitkellem aktar il-kollega tagħna Dr. Mark Gauci – kif ukoll biex tiġi protetta s-saħħa tal-pubbliku tal-madwar kollu.
Issa l-kollega tiegħi jista’ jispjega aktar x’kontrolli jsiru.