ONOR. GODFREY FARRUGIA: 6,000 minn Malta kollha?
SUR CLIVE TONNA: Iva, minn Malta kollha. Aħna kulma għandna huwa madwar 20 spettur li jagħmlu dan ix-xogħol kollu. F’dinja ideali tajjeb li wieħed ikun jista’ jifrex, kif qed tgħid tajjeb inti, u jiċċekkja dawn l-affarijiet, però hemm entitajiet oħrajn li naf li jagħmlu dak ix-xogħol. Pereżempju, fuq storbju naf li jistgħu jidħlu l-Pulizija, fuq affarijiet li jintefgħu barra nistgħu nieħdu passi kemm aħna kif ukoll il-Pulizija, u fuq x’qed jiġri fi stabbilment per se huwa r-remit tal-OHSA.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Għandkom statistika ta’ kemm kellkom ilmenti minn din iż-żona?
SUR CLIVE TONNA: Hawnhekk m’għandix imma nkun nista’ niċċekkja.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tistgħu forsi darb’oħra ġġibu din l-istatistika, jekk jogħġobkom?
ONOR. GODFREY FARRUGIA: U anke tgħidulna kemm minnhom waslu sal-qorti.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Dr. Gauci, inti għedt li ma teħux pjaċir meta jkun hemm it-taħlit tar-residenzjali mal-industrijali u allura ma naħsibx li tieħu pjaċir jekk jiżdiedu r-residenzi f’żona industrijali kif qed tipproponi l-PA.