TABIB MARK GAUCI: Ħalli nibda bl-aħħar waħda. Biex jagħmlu dan ix-xogħol f’Malta, Għawdex u Kemuna, hemm tmien uffiċjali li huma meqjusa bħala ġeneralisti, u ħames uffiċjali oħra li jaħdmu f’setturi speċjalizzati fejn tidħol għodda, apparat, inġenji, eċċ. Jiġifieri t-total ta’ ħaddiema li komplessivament jistgħu jaġixxu huwa ta’ 13.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: U dawn jispezzjonaw kull lant tax-xogħol, jiġifieri tista’ tkun fabbrika u tista’ tkun skola; tkun xi tkun?
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Jew anke sit ta’ kostruzzjoni?
TABIB MARK GAUCI: Il-liġi tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma “work”, għalhekk jien għedt li l-OHSA tidentifika s-setturi jew oqsma partikolari li jistgħu jkunu qegħdin joffru jew iwasslu għal xi problema partikolari. L-Onor. Farrugia rrifera wkoll għall-emissjonijiet.
L-OHSA la għandha poter u lanqas il-vires legali biex tikkontrolla emissjonijiet. Kif spjegajt fil-bidu, dan kien kkonfermat mill-aġir tal-qrati li ma ħallewx lill-OHSA tintervjeni biex tara li jkunu kkontrollati emissjonijiet mill-postijiet tax-xogħol.
Għar-rigward ta’ jekk għandniex mappa ta’ Malta kollha, ngħid li mappa bħal din ma teżistix, però l-OHSA taġixxi b’mod ieħor għax hemm diversi modi kif tindirizza problema partikolari. Meta l-Awtorità tidentifika, jew permezz ta’ lmenti li jsiru, jew permezz ta’ alert li joriġina minn barra minn Malta, xi riskju partikolari li jimmerita ċerta attenzjoni, tikteb lil entitajiet oħrajn. Pereżempju, tista’ tikteb lill-Employment and Training Corporation (ETC), lil Transport Malta (TM), jew lil kwalunkwe entità oħra li tkun involuta f’dak il-qasam biex tagħtiha l-ismijiet u l-indirizzi kollha tal-operaturi f’dak il-qasam u allura tkun tista’ tindirizzahom b’mod speċifiku.
Saret rimarka għax l-OHSA irċeviet biss żewġ ilmenti. Irrid ngħid li l-OHSA mhijiex l-entità li r-resident għandu jikkuntattja meta jkollu lmenti. Jekk persuna tara ħaddiem li taħseb li jkun qed jaħdem f’periklu għal saħħtu, tista’ ċċempel – fil-fatt l-OHSA kuljum ikollha kwantità ta’ lmenti mingħand ċittadini, ħafna drabi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ siti ta’ kostruzzjoni, li jaslu għall-konklużjoni jew jidhrilhom li dak il-ħaddiem jew ħaddiema jkunu qegħdin jaħdmu f’periklu, u l-OHSA tinvestigahom – però lmenti fir-rigward tar-residenti ma jistgħux jkunu ndirizzati mill-OHSA.