ONOR. MARLENE FARRUGIA: Xtaqtek, jekk jogħġbok, tiċċarali punt. Jiġifieri l-OHSA tagħmel response biss jekk ikollha lment?
TABIB MARK GAUCI: Kif għedt qabel, hemm żewġ modi kif taġixxi l-OHSA, jew wara lment, jew inkella permezz ta’ kampanji, li jissejħu ta’ spezzjoni jew ta’ informazzjoni, fejn tindirizza lill-operaturi kollha f’settur partikolari. Pereżempju, ftit ta’ snin ilu indirizzajna l-panel beatersu lill-ispray painters kollha li hawn reġistrati hawn Malta.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Meta tgħid “indirizzajtu”, jiġifieri għamiltu kampanja edukattiva, jew mortu fuq il-postijiet tax-xogħol?
TABIB MARK GAUCI: It-tnejn. Għamilna kampanja edukattiva fejn ktibnilhom u għednilhom li f’dak is-settur “dawk” kienu l-obbligi li riedu jiġu osservati, però mbagħad saret spezzjoni tal-post. Fi spezzjonijiet bħal dawn ikunu ppreparati checklists minn qabel għax il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà tant huma vasti li kieku wieħed kellu jaqbad u jikkwantifika l-obbligi legali kollha fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà jsib li jaqbżu l-eluf sew u allura nidentifikaw ċerti prijoritajiet abbażi tar-riskju, ċerti affarijiet li l-Awtorità tkun qed tipprova tenfasiżża u li huma rilevanti għal dak is-settur partikolari. L-uffiċjali jduru lill-operaturi kollha f’dak is-settur, imbagħad, kif għedt fil-bidu, skont il-livell ta’ riskju li jindunaw bih, jaraw x’tip ta’ azzjoni jieħdu.