ONOR. CHRIS SAID:Ippermettili ftit, Ministru, jekk jogħġbok. Ħalli mmur pass lura. Aħna qed ngħidu li persuna ma tistax tagħti aktar minn donazzjoni ta’ €25,000 f’sena; allura, jekk persuna tagħti €30,000 f’sena, din hija soġġetta għall-proċeduri kriminali?
ONOR. OWEN BONNICI: Kif qed nipproponi jiena issa le; imma, kif bħalissa qiegħda hawnhekk, iva.
ONOR. CHRIS SAID: Minn imkien ma toħroġ li persuna li tagħti €30,000, jiġifieri li tagħti aktar milli hu permissibbli, qiegħda tagħmel reat kriminali. Minn fejn toħroġ li qiegħda tagħmel reat kriminali?
ONOR. OWEN BONNICI: Li qed tagħmel reat kriminali le.
ONOR. CHRIS SAID: Allura ma tistax tieħu passi kriminali kontra tagħha! Minn imkien ma toħroġ, almenu milli għandna quddiemna.
ONOR. OWEN BONNICI: Għandek raġun, iva.
ONOR. CHRIS SAID: Il-liġi kollha hija ppernjata fuq il-partiti politiċi, mhux fuq terzi, u l-oneru huwa kollu fuq il-partiti politiċi rappreżentati mill-uffiċjali tagħhom, f’ħafna każi mit-teżorier. Mela allura, is-sanzjonijiet, la l-liġi hija ppernjata fuq hekk, qegħdin ukoll fil-konfront tal-partit politiku jew l-uffiċjal li jirrappreżenta l-partit politiku, f’ħafna każijiet it-teżorier. Jien qed nagħmel dan il-punt. Jekk għandna din is-sitwazzjoni fejn il-persuna tagħti aktar mill-massimu, għall-fini ta’ din il-liġi u għall-fini ta’ liġijiet oħrajn, din mhi qed tagħmel l-ebda reat. Ir-reat qed jagħmlu t-teżorier għax qed jaċċettaha.
ONOR. OWEN BONNICI: Hekk hu.
ONOR. CHRIS SAID: Fil-konfront tat-teżorier hemm il-multi amministrattivi, mentri fil-konfront tat-terza persuna m’hemmx multi amministrattivi u m’hemmx pieni kriminali għaliex mhuwiex reat kriminali. Qed naqblu?
ONOR. OWEN BONNICI: Salv jekk ma jipprovax jittravesti dik id-donazzjoni. Jekk ikun hemm xi ħadd li ta donazzjoni ta’ €100,000, u jipprova jittravestiha billi jgħid li mhux €100,000 ta, imma €400 ...
ONOR. CHRIS SAID: Imma dak qed jagħmel dikjarazzjoni falza.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk jipprova jittravesti, hemm pieni karċerarji kemm għat-teżorier u kemm għal min jagħti d-donazzjoni. Jiena għalhekk issuġġerejt li fejn hemm il-pieni amministrattivi japplikaw il-pieni amministrattivi, waqt li fil-każijiet fejn m’hemmx pieni amministrattivi u japplika l-Kodiċi Kriminali, allura japplika l-Kodiċi Kriminali. B’dan il-mod, mhux il-Kummissjoni tiddeċiedi, imma tkun il-liġi li ddeċidiet. Naħseb this is the most objective that we can be. ONOR. CHRIS SAID: Kif inhi l-liġi se twassal għal sitwazzjoni oħra fejn ħadd mhu se jgħid, pereżempju, li ta donazzjoni iżjed milli kien permissibbli, imma qsamnieha fuq żewġ ismijiet differenti.
ONOR. OWEN BONNICI: X’inhi r-raġuni?
ONOR. CHRIS SAID: Għaliex it-teżorier kulma se jieħu hija piena amministrattiva, waqt li hu għandu piena karċerarja mdendla fuq rasu. Jiġifieri, id-differenza fil-pieni se tkun ta’ deterrent bil-maqlub li rridu aħna.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, anzi. Jiġifieri, jekk jien b’xi mod irrid nagħti donazzjoni ta’ €100,000 lill-partit, jiena naf li qed nilgħab mal-ħabs jekk nagħmilha.
DR KEVIN VALLETTA: Jekk it-teżorier se jkun kompliċi mal-persuna – correct me if I’m wrong – fid-dikjarazzjoni falza, xorta jista’ jeħel taħt il-Kodiċi Kriminali b’kompliċità.
THE CHAIRMAN: Imma jeħel jekk jagħtih aktar minn €25,000, u jipprova jaħbiha.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, nagħmlu multa amministrattiva għolja?
ONOR. CHRIS SAID: Jien hekk naħseb li għandha ssir.
ONOR. OWEN BONNICI:That would be fair.
ONOR. CHRIS SAID: Iva.
ONOR. OWEN BONNICI: Kemm nagħmluha, Onor. Said? Nagħmluha €20,000, mhux iktar minn €20,000? X’taħseb, Dr Grech? X’se niktbu eżatt aħna?
DR PETER GRECH: Tibqa’ kif inhi fil-bidu; imbagħad ngħidu li jkun soġġett li jeħel multa amministrattiva ...
ONOR. OWEN BONNICI: Multa amministrattiva ta’ mhux iktar minn €20,000, biex nagħmluha bħall-oħrajn: Onor. Said, taqbel?
ONOR. CHRIS SAID: Iva, Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi li klawsola 43 tiġi posposta sakemm tinkiteb l-emenda.
THE CHAIRMAN: Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li klawsola 43tiġi posposta.
Klawsola 42 – Aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet
Clause 42 – Acceptance of donations (Posposta aktar kmieni fil-Kumitat) THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda li konna ftehemna fuqha li tgħid hekk:
“AI” Il-paragrafu (b) tas-subklawsola (1) tal-klawsola 42 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(b) jekk id-donazzjoni hijiex donazzjoni permissibbli.”
“AI” Paragraph (b) of subclause (1) of clause 42 shall be substituted by the following: “(b) whether the donation is a permissible donation.” THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda għal klawsola 42, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “AI” għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 42, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 42, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 44 – Ispezzjoni pubbliku tar-rapporti ta' donazzjoni
Clause 44 – Publicinspection ofdonationreports THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Qed ngħidu li l-Kummissjoni għandha żżomm record ta’ rapporti, u li tagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku f’dak il-format li l-Ministru jistabbilixxi b’regolamenti minn żmien għal żmien. Jiġifieri, hawnhekk qed nirreferu għal dawk tas-€7,000, hux hekk?
DR PETER GRECH: Inqas minn €7,000 se jkunu jidhru wkoll, imma mhux individwati, se jkun hemm somma globali. ’Il fuq minn €7,000, ikunu individwati min tahom.
ONOR. OWEN BONNICI: U kull min irid jista’ jmur jarahom għand il-Kummissjoni.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? L-Onor. Claudio Grech.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jien naħseb li għandna nagħmluhom online bl-istess mod kif emendajna klawsola 30, biex inżommu l-istess prassi.
ONOR. OWEN BONNICI: Jiġifieri, aħna qed ngħidu li taħt is-€7,000, pereżempju, il-Partit Laburista rċieva €100,000 f’donazzjonijiet ta’ €3,000-il waħda għall-argument ...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Dawk se jkunu fl-accounts.
ONOR. OWEN BONNICI: ... u fuq is-€7,000 trid tiddikjarahom. Naqbel mal-Onor. Claudio Grech. Nagħmlu l-emenda.
DR PETER GRECH: Inneħħu l-kliem “f’dak il-format li l-Ministru jista’ jistabbilixxi”, u ngħidu li dawn ikunu fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni.
THE CHAIRMAN: Bl-istess mod kif imxejna fl-oħra.
ONOR. CLAUDIO GRECH: L-istess text li użajt għall-oħra.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nistgħu ngħaddu għal klawsola 45. Nipproponi li klawsola 44 tiġi posposta sakemm tinkiteb l-emenda.
THE CHAIRMAN: Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li klawsola 44 tiġi posposta.
Klawsola 45 – Setgħa tal-Ministru li jagħmel regolamenti
Clause 45 – Power of theMinister tomakeregulations THE CHAIRMAN: Il-Ministru Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Fi klawsolla 45, qed nitlob li ningħata poter nagħmel regolamenti ...
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk ma naqblux assolutament.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, din kont kellimtek fuqha. Għat-tħaddim tal-Att.
ONOR. CHRIS SAID: Ma naqblux, u kont spjegajtlek ukoll għalfejn ma naqblux. Hawnhekk qegħdin niddiskutu regoli li jolqtu lill-partiti politiċi. M’għandux ikun il-Ministru li ġej minn partit politiku li jistabbilixxi dawk ir-regoli. Se mai issa għandha tkun l-awtorità regolatorja li tagħmel dawk ir-regoli. Xorta ma naqblux li għandha tkun il-Kummissjoni Elettorali, imma almenu mhux il-Ministru li jagħmel ir-regoli minn żmien għal żmien ta’ kif għandu jitħaddem dan l-Att.
ONOR. OWEN BONNICI: Xi tip ta’ poter li nagħmel regolamenti jrid ikolli biex jitħaddem l-Att, għax inkella ngħidu nsejna din ...
ONOR. CHRIS SAID: Bilfors irid ikun hemm il-poter li xi ħadd jagħmel regolamenti, naqblu; imma m’għandux ikun il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Imma xi ħadd irid jagħmilhom dawn.
DR PETER GRECH: Ngħidu “wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni”?
ONOR. CHRIS SAID: Imma l-Kumissjoni tista’ tgħidlu ħaġa, u l-Ministru xorta jista’ jagħmel ħaġa oħra.
ONOR. OWEN BONNICI: Allura nagħmluha “bi qbil mal-Kummissjoni”?
ONOR. CHRIS SAID: Jiena naħseb li għandha tkun il-Kummissjoni li tagħmel ir-regolamenti.
ONOR. OWEN BONNICI: Inqas xogħol għalija fil-verità. (Interruzzjonijiet)
DR PETER GRECH: Imma amministrattiva naraha ...
ONOR. CHRIS SAID: Dr Grech, hawnhekk qed nitkellmu fuq xi ħaġa li tolqot lill-partiti politiċi. Illum hemm il-Ministru Owen Bonnici li m’għandna l-ebda dubju fih, u m’għandna l-ebda dubju mill-ġenwinità tar-regolamenti li jagħmel biex titmexxa din il-liġi. Però, għada pitgħada jista’ jkun hemm ministru ieħor li jġib l-interess tal-partit tiegħu qabel kull interess ieħor.
DR PETER GRECH: Ma jesponix ruħu għal kawża Kostituzzjonali:?
ONOR. CHRIS SAID: Uh, kemm esponew affarijiet għall-kawżi Kostituzzjonali!
ONOR. OWEN BONNICI: Jiena nixtieq li xorta jkun il-ministru, però nagħmluha “wara qbil mal-Kummissjoni”. Togħġobkom hekk?
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Bi qbil mal-Kummissjoni tkun qed torbot idejn il-ministru, għalkemm teknikament ikun ...
ONOR. OWEN BONNICI: Naħseb irid ikollna xi tip ta’ poter. Nagħmluha “bi qbil mal-Kummissjoni” għax żgur li, hekk kif se nibdew inħaddmu l-liġi ... Ovvjament kull regolament jista’ jiġi attakkat fil-Parlament, eċċ. Nimxu hekk, Onor. Said?
ONOR. CHRIS SAID: Jiena nippreferi li tkun il-Kummissjoni li tagħmel ir-regolamenti.
ONOR. OWEN BONNICI: Imma jrid ikun hemm il-ministru li ...
ONOR. CHRIS SAID: Tinsiex li l-ministru huwa persuna li ġejja minn partit politiku.
DR PETER GRECH: Normalment, il-ministru joħroġ l-avviżi legali. Ftit hemm każijiet fejn ma jkunx il-ministru. Pereżempju, l-Università toħroġ il-legal notices hi, imma ...
ONOR. CHRIS SAID: Imma, bħalma l-Università toħroġ l-legal notices hi, hawnhekk qed nitkellmu fuq il-kontroll tal-partiti li l-ministru jifforma parti minn wieħed minnhom.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, nifhimha u għalhekk qed ngħid trid tkun bi qbil mal-Kummissjoni. Il-Ministru mhux se jkun waħdu.
DR PETER GRECH: Ma jistax jaqbad u jmexxi waħdu.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Din mhix konsultazzjoni, jiġifieri l-Ministru jkollu naqra jdejh marbutin.
THE CHAIRMAN: Irid ikun hemm l-ideat tal-Kummissjoni. Hux hekk qegħdin ngħidu?
ONOR. CHRIS SAID: Bi qbil unanimu tal-Kummissjoni?
ONOR. OWEN BONNICI: Kif nista’? Ma taħdimx hekk.
ONOR. CHRIS SAID: Dażgur li ma taħdimx! Inti għandek il-Ministru ġej minn partit politiku, il-maġġoranza tal-Kummissjoni li ġejja mill-istess partit politiku li se tagħmel ir-regolamenti kif jiġu regolati l-partiti politiċi.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux kif jiġu regolati l-partiti politiċi. Le, le, huwa limitat għal dak li hawn provdut fil-paragrafi (a), (b), (c), (d) u (e). Le, le, mhux kif jiġu regolati, mhu veru xejn. Qed ngħidu li jekk, pereżempju, hemm bżonn nagħmlu proċedura ġdida ta’ kif nappellaw mill-multi, jkolli dritt nagħmel legal notice. Dawn l-affarijiet qed ngħidu.
ONOR. CHRIS SAID: Ta’ kif?
ONOR. OWEN BONNICI: Pereżempju, jekk hemm bżonn nagħmlu tribunal li jisma’ l-appelli minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ikolli dritt li nagħmlu dak.
ONOR. CHRIS SAID: X’poter dak!
ONOR. OWEN BONNICI: Għalhekk, għax naqbel miegħek li huwa poter qed ngħid “bi qbil mal-Kummissjoni”.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Ministru, l-argument kontra li jkollok il-poter int huwa wkoll argument kontra li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni b’maġġoranza sempliċi, għax xorta nibqgħu impożizzjoni ta’ partit fuq il-partiti l-oħrajn kollha. L-argument huwa l-istess.
ONOR. OWEN BONNICI: Hawnhekk tajna d-dritt ukoll li l-partiti jappellaw lill-Qorti. Hawn checks and balances kemm trid. Subklawsola 45(2) tgħid li partiti politiċi u persuni oħra interessati jistgħu jagħmlu kawża kontra l-Kummissjoni fil-Prim’Awla. Jiġifieri aktar minn hekk ... We erred on the side of caution hawnhekk, però l-ministru għandu jkollu l-poter jagħmel regolamenti.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Aħna qed insostnu li f’din it-tip ta’ liġi, li hija liġi li tikkontrolla l-partiti politiċi, il-Ministru m’għandux ikollu dawn il-poteri li jagħmel ir-regolamenti f’idejh għal raġunijiet ovvji. Naqbel ma’ Dr Peter Grech li fil-liġijiet tagħna huma ftit il-każijiet fejn mhuwiex il-Ministru li jagħmel il-legal notices; però, f’dan il-każ jimmerita li ma jkunx il-ministru, hu min hu l-ministru. M’iniex qed nirreferi għalik, Ministru, il-ministru min ikun ...
ONOR. OWEN BONNICI: Tkun il-Kummissjoni?
ONOR. CHRIS SAID: Jiena naħseb li għandha tkun l-awtorità regolatorja li tagħmel ir-regolamenti.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma, jekk qed tgħid li f’dan il-każ għandha tkun il-Kummissjoni, u jekk qed tgħid li l-Ministru bi qbil mal-Kummissjoni, purament l-istess qed tgħid.
ONOR. OWEN BONNICI: Id-differenza hi li, jekk jara li l-Kummissjoni għal xi raġuni qed tkaxkar saqajha, il-Ministru jista’ jimbotta biex isiru l-affarijiet. Inti taf għax għamilt iktar żmien minni. Nagħmluha “il-Ministru bi qbil mal-Kummissjoni” u l-Ministru jkun jista’ ...
ONOR. CHRIS SAID: Però, għandek sitwazzjoni fejn il-Ministru se jmur għand il-Kummissjoni, jagħtihom legal notice u jgħidilhom x’qed jipproponi. Imma ma ninsewx li l-maġġoranza tal-Kummissjoni ġejja mill-istess partit politiku ta’ min ikun il-Ministru: illum hemm inti u għaxar snin oħra jista’ jkun hemm ħaddieħor.
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux eżattament. Inti qed tgħidli li jekk il-Kummissarju Ewlieni ma jaqbilx miegħi, mhux se jgħidli? Mhux ovvja li se jgħidli! Jgħidli: Go back to the drawing board għax ma naqbilx! M’għandix dubju li hekk jiġri. Lanqas irridu nibagħtu l-idea li dawn il-kummissarji ... Żgur li jekk il-Kummissarju Ewlieni ma jaqbilx, jiġi lura jgħidli bla problemi ta’ xejn.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Bħalissa qiegħda “wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni”.
ONOR. OWEN BONNICI: Issa se nagħmluha “bi qbil mal-Kummissjoni”.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk ma jkunx xi ħadd li huwa answerable għall-poplu, naħseb li ...
Sur President, Nipproponi li klawsola 45 tiġi posposta sakemm tinkiteb l-emenda.
THE CHAIRMAN: Hawn qbil? (Onor. Membri: Iva)
Il-Kumitat qabel li klawsola 45 tiġi posposta. Klawsola 43 – Evażjoni tar-restrizzjonijiet fuq donazzjonijiet, Kap. 9
Clause 43 – Evasion ofrestrictions ondonations, Cap. 9 (Posposta aktar kmieni fil-Kumitat) THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda:
“AJ” Il-klawsola 43 għandha tiġi emendata kif ġej:
(a) il-kliem “mingħajr ħsara għal kull responsabbiltà għall-ħlas ta’ multa amministrattiva taħt dan l-Att, ikun ħati ta’ reat u jeħel, meta jinsab ħati, il-pieni pprovduti għal dikjarazzjonijiet foloz skont l-artikolu 188 tal-Kodiċi Kriminali:” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “jeħel multa amministrattiva ta’ mhux aktar minn għoxrin elf ewro (€20,000).”; u
(b) il-proviso tagħha għandu jitħassar.
“AJ” Clause 43 shall be amended as follows: (a) the words “without prejudice to any liability for the payment of an administrative fine under this Act, be guilty of an offence and shall be liable on conviction to the punishments provided for false declarations in accordance with article 188 of the Criminal Code:” shall be substituted with the words “be liable to an administrative fine of not more than twenty thousand euro (€20,000).”; and (b) the proviso thereto shall be deleted. THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda għal klawsola 43, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “AJ” għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 43, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 43, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi. ONOR. CHRIS SAID: Sur President, aħna ħames minuti oħra rridu nkunu fil-Kamra.
ONOR. OWEN BONNICI: Issejjaħ xi vot?
ONOR. CHRIS SAID: Le, imma se jkun hemm xi ħaġa min-naħa tal-Oppożizzjoni.
ONOR. OWEN BONNICI: Nixtieq inkomplu għax wasalna.
ONOR. CHRIS SAID: Fil-każ, inkomplu nhar it-Tlieta li ġej.
ONOR. OWEN BONNICI: Wasalna, ftit fadal, erba’ klawsoli.
ONOR. CHRIS SAID: Għandna erba’ klawsoli, u għandna d-definitions clause ukoll.
THE CHAIRMAN: Meta se niltaqgħu?
ONOR. CHRIS SAID: Il-laqgħa diġà skedata għal nhar it-Tlieta, 14 ta’ Lulju, fl-4.00 p.m..
ONOR. OWEN BONNICI: Tistennew sakemm nagħmlu l-emenda, jekk jogħġobkom? Mela, fil-każ jibqa’ xi ħadd hawnhekk, kemm ngħaddu l-emenda għal klawsola 44.
Klawsola 44 – Ispezzjoni pubbliku tar-rapporti ta' donazzjoni
Clause 44 – Publicinspection ofdonationreports (Posposta aktar kmieni fil-Kumitat) DR PETER GRECH: Klawsola 44 bħalissa qiegħda li “r-rapporti għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, f’dak iż-żmien u f’dak il-format li l-Ministru jista’ jistabbilixxi b’regolamenti”, mhux jiitilgħu fuq il-website mill-ewwel.
THE CHAIRMAN: Aħna żidna li jidhru fuq il-website ma’ dak kollu li kien hemm.
DR PETER GRECH: Malli tagħmilhom accessible to the public, ittellagħhom fuq il-website.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda:
“AK” Fil-klawsola 44, minnufih wara l-kliem “żmien għal żmien”, għandhom jidħlu l-kliem “u għandhom ukoll jitqiegħdu fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni malli jkunu aċċessibbli għall-pubbliku”.
“AK” In clause 44, immediately after the words “time to time”, there shall be inserted the words “and shall also be posted on the website of the Commission as soon as they are made accessible to the public”. THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda għal klawsola 44, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “AK” għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 44, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 44, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 45 – Setgħa tal-Ministru li jagħmel regolamenti.
Clause 45 – Power of theMinister tomakeregulations. (Posposta aktar kmieni fil-Kumitat) THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi din l-emenda:
“AL” Fis-subklawsola (1) tal-klawsola 45, il-kliem “wara konsultazzjoni” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “bi qbil”.
“AL” In subclause (1) of clause 45, the words “after consultation” shall be substituted with the words “in agreement”. THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-emenda għal klawsola 45, kif imressqa u moqrija mill-Ministru. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “AL” għaddiet nem. con. THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi klawsola 45, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 45, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi. Fuq mozzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, il-Kumitat qabel li d-diskussjoni fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi kellha tkompli nhar it-Tlieta, 14 ta’ Lulju 2015, fl-4.00 p.m. Fid-8.50 p.m. il-Kumitat aġġorna għal nhar it-Tlieta, 14 ta’ Lulju 2015, fl-4.00 p.m.