Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġI



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə10/11
tarix15.01.2019
ölçüsü0,56 Mb.
#96755
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11

THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “S’’ kif imressqa u moqrija mis-Segretarju Parlamentari. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “S” għaddiet nem.con.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 20 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.

Klawsola 20, kif emendata, għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 21 - Kunflitt bejn kuntratt ta’ sevizz u disposizzjonijiet ta’ dan l-Att.
Clause 21 - Conflict between contract of service and the provisions of this Act.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Hawnhekk ma biddilna xejn. F’din il-klawsola żammejna l-proposta li kien hemm qabel. Jiġifieri jekk se tidħol f’impjieg ma’ xi ħadd u tagħmel kuntratt mal-employer tiegħek, u fil-kuntratt jgħid li ma tistax tagħmel whistleblowing, dik tiġi nulla.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 21. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 21 għaddiet nem.con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 22 - Persuni jew klassi ta’ persuni eżenti.
Clause 22 - Persons or class of persons exempt.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Din kienet proposta tiegħi, fejn jien qed ngħid illi għandu jkun hemm a safety valve - wieħed forsi jillimitaha - biex il-Ministru jgħid din il-klassi ta’ persuni huma eżenti minn dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att. Hi daqsxejn wiesgħa. Però dejjem trid iżżomm f’moħħok ....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Qatt għamilniha x’imkien din?
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, dażgur mela.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Illi Ministru jeżenta lil xi ħadd minn reat kriminali?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux reat kriminali. L-Avukat Ġenerali jista’ jgħidilna.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Mhux reat kriminali. Jeżenta l-klawsoli ta’ din il-liġi u jgħid li għall-ħaddiema tal-isptar, il-whistleblower clauses ma japplikawx.
DR PETER GRECH: Diġà hemm setturi fejn dan ma japplikax. Hemm per eżempju n-national security.....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jien għamilt emendi. Jien qed ngħid għar-raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, imma rridu nillimitawha.
Ma jistax iqum il-Ministru għada filgħodu u jgħid, tant għandi inkwiet ġewwa l-isptar Mater Dei li se jkolli 100 whistleblower. Mela ħalli nagħmel biċċa xogħol, ma tistax tkun whistleblower fl-isptar Mater Dei.
Hekk ma tistax, kif inhi qiegħda tista’, naqblu?
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, naqbel miegħek Onor. Fenech Adami.
DR PETER GRECH: Dawn l-exemption clauses is-soltu fil-liġijiet tat-taxxa jkunu pjuttost varji, għax ma tafx x’jista’ jinqala’.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jew irridu l-whistleblower li jkun effikaċi fejn għandu l-hot potatoes il-Gvern. Dan x’jista’ jagħmel il-Ministru? Semmejtlek l-isptar Mater Dei fejn m’hemmx problemi.
THE CHAIRMAN: Tista’ iżżid il-frażi “f’każ ta’ interess nazzjonali”?
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Tgħid li ma jistax ikollok whistleblower fuq il-MEPA.
ONOR. OWEN BONNICI: Mela le! Jiena dispost.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jiena kont nagħmilha “sigurtà nazzjonali”. Jiġifieri jien nista’ napprezza.
THE CHAIRMAN: Interess nazzjonali għax jista’ ikun hemm xi ħadd ....
ONOR. OWEN BONNICI: Illum hemm aħna u għada jista’ ikun hemm gvern ieħor. Jiġifieri għandu jkun hemm poter lill-ministru residwu, li fejn iħoss li dan l-Att m’għandux japplika, trid tagħmel a safety valve x’imkien. Issa nillimitawha...
Meta l-Onor. Fenech Adami ġie u tajtu brief qabel id-debate, jien stess għidtlu biha klawsola 22. Għidtlu din hija kreazzjoni tiegħi u qed inwissik biha biex tkun taf li qiegħda hemmhekk.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Forsi l-konsulenta tista’ tilluminana ftit. F’pajjiżi oħrajn I’m sure it’s not a blanket waiver.
DR CAROLINE BENCINI: Le, m’hemmx minn dan it-tip ta’ proviżjonijiet. Infatti jekk naraw l-Att kif qiegħed ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jiena konvint li f’kull pajjiż hemm limitazzjonijiet ta’ fejn ma jistax ikollok ...
DR CAROLINE BENCINI: Forsi mhux qiegħda daqshekk wiesgħa.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Però dan blanket.
DR CAROLINE BENCINI: Issa jekk naraw subklawsola 3 ta’ klawsola 2, diġà hemm li
“2. (3)....il-Ministru jista’ jimmodifika jew ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att kif ikun neċessarju għall-finijiet tal-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża, intelligence, l-ordni pubbliku u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat.”
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Però hawnhekk f’klawsola 2 qed jgħid “ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att” u imbagħad fil-klawsola 22 qed jgħid “jeżenta xi persuni”. Għax li hemm differenti fi klawsola 22, qisek qed tara kategorija ta’ nies ...
DR CAROLINE BENCINI: Jew tamalgamahom, tgħid fit-(2) jista’ jimmodifika... Imma qegħda “jew ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att”.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: But they are two different things. Hawnhekk qed tgħid tissospendi ċerti sections minn dan l-Att ...
DR CAROLINE BENCINI: ... u hemmhekk qed tgħid teżenta ċerti nies .....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Tgħid per eżempju sections 5, 6, 7 u 8 ma tapplikax għas-Secret Service. Qed nivvinta. Fil-klawsola 22 jista’ jgħid tal-Ward 10 fir-Residenza San Vincenz de Paule ma jistgħux isiru whistleblowers. Which is a different thing.
ONOR. OWEN BONNICI: Qed tagħmilha to the extreme?
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Hekk qiegħed. Allura nista’ indaħħlu l-istess kunċett li hemm fil-klawsola 2 (3). Qed naqblu li they are two different things, clause 22 and clause 2 (3) is not a repetition? L-istess raġunijiet għalfejn il-gvern jista’ jgħid dawk l-artikoli tal-liġi m’għandhomx japplikaw, għall-istess raġunijiet ma jistax ....
DR CAROLINE BENCINI: Qed nifhem x’qed tgħid, jiġifieri r-raġunijiet jiġu japplikaw fiż-żewġ każijiet.
THE CHAIRMAN: Però l-intenzjoni hi, kif semma’ l-Onor. Bonnici, ta’ kif hemm xi kumpanija li trid tinvesti f’Malta ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Però din is-sentenza tista’ tiġi abbużata ħafna.
THE CHAIRMAN: Allura tħares lejn l-intenzjoni kif tista’ temenda din il-klawsola b’tali mod. Forsi anke tista’ tagħti skrutinju parlamentari għaliha, li l-Ministru jressaq eżenzjoni lil dik il-kumpanija partikolari fil-Parlament.
ONOR. OWEN BONNICI: Jiena kont konsapevoli meta pproponejtha. Però tapprezza li għandu jkun hemm poter ta’ dan it-tip?
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Iva. Jiena naħseb tista’ tagħmilha hekk “l-Ministru jista’, għall-finijiet ta’ ħarsien ta’ sigurtà nazzjonali, difiża, intelligence, ordni pubbliku u relazzjonijiet tal-istat, b’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern jeżenta xi persuni jew klassi ta’ persuni.”
ONOR. CLAUDIO GRECH: Matul din il-ġimgħa ħarġet tal-Irlanda. Ma teżentax lill-korpi jew id-difiża jew is-secret services. Jiġifieri tobbligahom li jridu jagħmlu rapport lill-ministru direttament - il-whistleblowing isir lill-ministru - però mhux li jekk inti għandek xi ħaġa llegali għaddejja mis-secret service, jiġifieri ma tistax tagħmel whistleblowing fuqha. Jiena ma nistax nifhem il-loġika. Li s-secret service ....(Interruzzjonijiet)
DR PETER GRECH: Id-dokumenti li hemm fil-Kunsill tal-Ewropa, eżentati dawk.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Aħna qed ngħidu li kulma jiġri hemmhekk, jekk xi ħadd jaf li għaddejja prattika llegali jew prattika li mhix xierqa – ejja ma ngħidux illegali - they cannot blow the whistle. Hekk qed ngħidu, mhux hekk? Correct me if I’m wrong.

ONOR. OWEN BONNICI: Hekk hu u naħseb hekk għandu jkun. Aħna rajna tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri wkoll jista’ ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Mhux hekk hu, jista’. Illum, sakemm il-Ministru ma jagħmilx mod ieħor, mhumiex eżentati. “....Il-Ministru jista’ jimmodifika jew ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att kif ikun neċessarju għall-finijiet ta’ .....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Il-paragrafu jibda “dan l-att m’għandux japplika ....
DR PETER GRECH: Bħalma hemm fid-Data Protection Act fuq il-qasam tal-pulizija. Ma japplikax, però b’regolamenti tista’ testendih għalihom. Fil-fatt hemm regolamenti. Għax huma setturi li jekk se ddaħħalha din, jirrikjedu proċeduri partikolari, jiġifieri dawn is-setturi ma tistax tagħmilhom bħall-oħrajn.
DR CAROLINE BENCINI: Infatti meta konna ppreparajniha din is-section hekk kien ir-raġunament, li tant huma speċjali dawn il-korpi u tant hemm implikazzjonijiet, li ħallejnihom għal iktar tard, għall-iktar studju.
ONOR. CLAUDIO GRECH: The next wave of evolution. Forsi m’aħniex daqshekk innovattivi f’dan il-qasam.
ONOR. OWEN BONNICI: Qed naqblu ma’ klawsola 2, imma fuq klawsola 22 irridu nagħmlu ...
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jiena naħseb fuq klawsola 22 għall-istess raġunijiet ma tistax .... Inti tista’ biss taqbad pocket ta’ nies u tgħidilhom ma tistgħux tkunu whistleblowers jekk tkun qed tipperikola s-sigurtà, id-difiża u l-ordni pubblika.
THE CHAIRMAN: Onor. Bonnici, qed nissuġġerixxi li minflok sempliċement b’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, inti tressaq mozzjoni fil-Parlament. (Interruzzjonijiet). Imma jkun hemm skrutinju parlamentari dwar għal xiex qed iressaq.
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Fenech Adami jien nixtieq li jkun hemm xi tip ta’ safety valve.

THE CHAIRMAN: Jgħidlek għax din il-kumpanija nixtieq nagħtiha din l-eżenzjoni u jkun hemm skrutinju parlamentari, raġuni għalfejn.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Imma għidli ....
ONOR. OWEN BONNICI: Id-diffikultà tiegħi hi jista’ ikun li tinqala’ kwestjoni fejn ngħid għandi bżonn nissospendi l-Whistleblower Act fil-konfront ta’ klassi ta’ persuni, tkun urġenti u ma nkunx nista’ nagħmilha din għax ma jkollix dan il-poter.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Il-Ministru m’għandux ikollu l-poter assolut.
THE CHAIRMAN: Lanqas fl-interess nazzjonali?
ONOR. OWEN BONNICI: Lanqas fl-interess nazzjonali? Qed nagħmluha wiesgħa ...
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Sigurtà nazzjonali iva.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Sigurtà iva. Però żgur li l-eżempju għaliex ġejja kumpanija se tinvesti minn barra u rrid neżentaha lil dik il-kumpanija jew lil dik l-industrija ...
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux qed ngħidu neżentaw, imma anke tillimitaha. Qed nipprova naħseb għax meta tkun fiha, trid tieħu deċiżjoni malajr u tmur tfittex il-liġi ....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Però jekk ġejja kumpanija u l-argumentazzjoni tagħha tinvestix f’Malta jew le, hija bbażata fuq il-whistleblower, ....
ONOR. OWEN BONNICI: Forsi ma kienx eżempju feliċi.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jiena fuq national security nifhimha. Nifhimha kompletament.
ONOR. OWEN BONNICI: Mela nillimitawha. Li aħna nużaw “ħarsien tas-sigurtà nazzjonali, difiża, intelligence u ordni pubbliku u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat”.
Jiġifieri jekk jiġi xi diplomatiku ...
DR PETER GRECH: Dawk diġà ma japplikawx.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Dawk diġà huma eżenti. Jiena nerġa’ ngħid, jekk se nillimitaw għal dawk biss, klaswsola 22 tista’ ittir, fl-opinjoni tiegħi, għax qed tirrepetiha. (Interruzzjonijiet)
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Għax klawsola 2 tirreferi għall-membri ta’ korpi dixxiplinati, membri tas-servizzi sigrieti...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Imma tagħtih il-poter li jemendahom ukoll.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: ....u klawsola 22 qed jgħid jaqbad kategorija ta’ nies.
ONOR. OWEN BONNICI: Is-suldati per eżempju.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Mhemmx għalfejn is-suldati. Aqbad kategorija ta’ nies u tgħidilhom intom jekk tagħmlu whistleblowing fuq..
ONOR. OWEN BONNICI: Ma tkunux protetti.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Ma tkunux protetti. Mhux neċessarjament tkun membru fis-Secret Service.
ONOR. OWEN BONNICI: Fuq klassi ta’ nies.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Imbagħad irridu niddefinixxu x’inhi klassi ta’ nies.
DR PETER GRECH: Per eżempju impjegati tal-Airport, Air Traffic Controllers.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jiena naħseb inkunu qed nagħmlu xi ħaġa .... Fil-prinċipju I stand to be guided jekk hemm policy issues .....
DR PETER GRECH: Ċertu impjegati f’ċertu gradi.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Fl-opinjoni tiegħi dawn it-tip ta’ eżenzjonijiet huma ambigwi ħafna.
ONOR. OWEN BONNICI: Dawn ngħidulhom Henry VIII Clauses, fil-verità.
ONOR. CLAUDIO GRECH Mill-istejjer li nisimgħu fid-dinja kollha, naħseb meta tibda ddaħħal dawn it-tip ta’ eżenzjonijiet..
ONOR. OWEN BONNICI: Aħna qed naqblu li nillimitawha għal dawn li hemm fit-2(3).
ONOR. CLAUDIO GRECH: We can live with that li jiġu limitati ...
ONOR. OWEN BONNICI: Ħa niktbu l-emenda
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: “Il-ministru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, difiża, intelligence, bon ordni, eċċ. b’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern jeżenta xi persuna .... “ Għax dan il-poter tista’ tillimitah għal persuna waħda, jgħidu Owen Bonnici ma jistax ikun whistleblower fuq din l-affari.
DR PETER GRECH: Jew inkella se nagħmlu exemption clauses, jew per eżempju b’riżoluzzjoni tal-Parlament.
ONOR. OWEN BONNICI: Tridux nagħmlu biċċa xogħol? Għax l-Avukat Ġenerali għadu qed jabbozza tar-reati, ħalli jagħlaq dik, nissospendu klawsola 22 u ngħaddu għall-oħrajn. Però we’re on the right track.
Fuq mozzjoni tas-Segretarju Parlamentari l-Onor Owen Bonnici, il-Kumitat qabel li Klawsola 22 tiġi posposta.

Klawsola 23 - Applikabilità tal-Att.

Clause 23 - Applicability of this Act.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Mr Chairman, nipproponi din l-Emenda:
“T’’Il-klawsola 23 għandha tiġi emendata kif ġej:

Il-kelma “biss” għandha titħassar.


T’’Clause 23 of the Maltese version shall be amended as follows:

The word “biss” shall be deleted.
THE CHAIRMAN: Rimarki? Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Klawsola 23 ser tiġi taqra:
“23. Dan l-Att għandu japplika għal żvelar ta’ informazzjoni li seħħ wara..”
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Mhux “biss”, hux hekk?
ONOR. OWEN BONNICI: Klawsola 23 tgħid hekk:
“Dan l-Att għandu japplika biss għal żvelar ta’ informazzjoni li seħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, irrispettivament jekk il-prattika mhux xierqa, li tkun is-suġġett tal-iżvelar, tkun twettqet qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att.’’.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Tista’ tispjegaha din għax għandi dubju fuqha. Onor. Bonnici, jekk xi ħadd għamel disclosure l-ġimgħa l-oħra, mhux se jkun protett?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, għax ma kienx hemm liġi, ma kienx hemm Whistleblower Act.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: X’ġara llum, fuq xi ħaġa li ġrat il-bieraħ.
ONOR. OWEN BONNICI: Ta’ 20 sena ilu.
DR PETER GRECH: Imma mhux tgħidli 20 sena ilu kont żvelajt ....
THE CHAIRMAN: Persuni, li talli żvelaw għaddejjin proċeduri legali kontrihom bħalissa?
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jekk żvelajt il-bieraħ, lil min żvelajt? Għax ma kienx hemm in-nies ....
ONOR. OWEN BONNICI: Jien illum il-fatt li l-liġi għadha m’għaddietx u żvelajt l-informazzjoni, dik mhix protetta, għax m’hemmx Whistleblower Act.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: M’hemmx lanqas the external and the internal designated people proprja - ma kellhomx dik il-funzjoni.
THE CHAIRMAN: Jekk kien hemm xi ħadd kellu whistleblower u għax fetaħ ħalqu ġab lilu nnifsu anke proċeduri kriminali jew għadu għaddej pendenti proċeduri kriminali, ma jistax jibbenefika minn dan?
ONOR. OWEN BONNICI: Le, kif tista’.
ONOR. CLAUDIO GRECH: L-argument mhux fuq l-eżenzjoni kriminali, imma jekk aħna ma naqblux magħha fit-totalità. Aħna qed ngħidu fuq il-protezzjoni l-iktar. Jiġifieri jekk xi ħadd għamel disclosure, ejja nieħdu l-istess eżempju, il-ġimgħa l-oħra xi ħadd għamel disclosure per eżempju fuq xi ħaġa marbuta mal-VAT tal-kumpanija tiegħu, dak il-persuna mhuwiex protett bl-ebda mod. Naqblu għax il-ġimgħa l-oħra ma kienx hemm din il-liġi. Issa dak il-persuna jrid jerġa’ imur u jagħmlu t-tieni darba?
ONOR. OWEN BONNICI: Però jista’ jagħmel fuq ta’ għaxar snin ilu.
ONOR. CLAUDIOGRECH: Fuq reat ta’ għaxar snin ilu.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Fuq l-istess reat li rrapporta l-ġimgħat l-oħra.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk ir-reat ikunx preskritt jew le, ħaġa oħra.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda ‘’T’’ kif imressqa u moqrija mill-Onor. Segretarju Parlamentari. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “T” għaddiet nem.con.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 23 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 23, kif emendata, għaddiet nem.con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 24 - Emenda tal-Att dwar il-Pulizija. (Kap. 164)
Clause 24 - Amendment of the Police Act. (Cap. 164)
THE CHAIRMAN: Rimarki? Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: F’din il-klawsola qed nagħmlu emendi għall-Att dwar il-Pulizija. Għaliex l-Att dwar il-Pulizija jipprospetta Witness Protection Programme, fejn bniedem tista’ tibdillu l-identità tiegħu, minn Owen Bonnici ġġibu Beppe Fenech Adami.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 24. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 24 għaddiet nem.con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 25 - Żieda ta’ artikolu ġdid mal-Att prinċipali.
Clause 25 - Adds new article to the principal Act.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: F’din il-klawsola qed inżidu din il-proċedura ġdida fejn l-Avukat Ġenerali li jkun ħareġ ċertifikat ta’ immunità, jista’ wkoll jiddeċiedi li jitfgħu fil-Witness Protection Programme.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Id-domanda li għandi fuqha hija għal-liema raġuni hawnhekk qed jiġi kkwalifikat biss li dan japplika fuq “prattika mhux xierqa kif imfissra fl-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni” u mhux fuq il-prattiki mhux xierqa kif definita f’din il-liġi?

ONOR. OWEN BONNICI: Għax din tal-Witness Protection illimitajniha fejn ikun hemm l-iżvelar ta’ każijiet ta’ korruzzjoni. Issa d-definition of corruption taħt l-Att dwar il-Korruzzjoni wiesgħa baħar, mhux korruzzjoni as in flus biss.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Però għaliex you are departing mid-definizzjoni tal-prattiċi mhux xierqa ....?
ONOR. OWEN BONNICI: Għax se tagħti witness protection talli forsi wieħed .... Aħna qed ngħidu li fejn ikun hemm reati ta’ korruzzjoni, limitat għall-korruzzjoni taħt dik il-liġi li hija wiesgħa, però korruzzjoni dejjem.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Però m’intix qed tagħti witness protection għall-whistleblower. Inti qed tagħti witness protection b’mod esklussiv għall-whistleblower li jikxef xi ħaġa fuq korruzzjoni biss.
Jiġifieri qed ngħidu li l-iktar whistleblowing gravi li jista’ ikun hemm, fl-opinjoni tagħna huwa dak tal-korruzzjoni? Ċerti? It-tip ta’ prattiċi li semmejtilkom jiena, mhumiex prattiċi to be taken lightly, fl-opinjoni tiegħi. Fejn ikun hemm whistleblowing marbut ma’ ammonti kbar ta’ flejjes u ma’ interessi kbar, ....
Ejja nieħdu eżempju, price fixing fuq mediċini. Wieħed mis-setturi li hawn Malta qisu ma jiġri xejn. Jekk xi ħadd jikxef jew jittanta li jikxef xi ħaġa fuq price fixing fuq mediċini ... Qed nitkellmu fuq miljuni.
ONOR. OWEN BONNICI: Hija wiesgħa, però mhux daqs din, mhux daqs li qegħdin ngħidu aħna.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jiġifieri dak skont il-korruzzjoni mhux reat. Jiena kieku nħalliha fid-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali biex jara hu skont il-materjalità ...
THE CHAIRMAN: Tħalliha kif inhi, għax hawn il-Kummissarju, però indaħħal fiha wkoll id-definizzjoni ta’ ...
ONOR. OWEN BONNICI: Nistgħu nwessgħuha hux hekk?
ONOR. CLAUDIO GRECH: Għax qishom ir-reati li jeżistu huma dawk biss marbutin mal-korruzzjoni.
THE CHAIRMAN: Le le, tiġi hekk, ara taqbilx miegħi. “Jikkonsisti fi prattika mhux xierqa kif imfissra f’dan l-Att u .....”
ONOR. OWEN BONNICI: Huma li qed jgħidulek hu, insa’ il-korruzzjoni ....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Money laundering. Financing of terrorism.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Allura mbagħad ma tistax titlob witness protection?
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk dan jikxef l-informazzjoni u jkun money laundering ....
THE CHAIRMAN: Jew terrorism.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: It does not make sense. Mhijiex korruzzjoni, imma jistgħu jkunu gravi.
THE CHAIRMAN: Għaliex ma nżidux “kif imfissra fl-Att dwar il-Korruzzjoni”? Jiġifieri d-definizzjoni ta’ dan l-Att ....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Traffikar ta’ drogi per eżempju, għax mhux din il-liġi qed inbiddlu, qed inbiddlu l-Police Code. Imma fuq traffikar ta’ droga mhux se nagħtuh il-bidla tal-identità, però fuq Att dwar il-Korruzzjoni ...
DR PETER GRECH: Bidla tal-identità dejjem jista’ jkollu, però dak jipprovdi li tista’ tiġi annessa f’dan il-programm biss għall-protezzjoni tal-identità tiegħu.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Però tillimitaha. Jiġifieri qed ngħidu li l-iktar reat gravi li hawn f’dan il-pajjiż li rridu nipproteġu whistleblower minnu, huwa r-reat kontra l-korruzzjoni, li qed ngħidu li huwa gravi wkoll.
ONOR. OWEN BONNICI: Jien fuq il-manifest elettorali tagħna mxejt. Jiena meta jkolli liġi ta’ dan it-tip niftaħ il-manifest .... Fuq hekk qiegħda, però jekk hu possibbli niftħuha ftit iktar ....
THE CHAIRMAN: Skont id-definizzjoni ta’ dan l-Att.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Imma mhux qed inbiddlu dan l-Att.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Deborah Schembri.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jiena nħoss illi l-wegħda elettorali għandha tiġi honoured, imma ma jfissirx li ma nistgħux nagħtu protezzjoni oltre mill-wegħda elettorali u naħseb tagħmel sens li ma tkunx biss fuq korruzzjoni. Għax hawn reati kbar li xi kultant jinvolvu flejjes kbar u interessi kbar. F’pajjiżi oħrajn, per eżempju fl-Indja kien hemm min ġie maqtul għax kien whistleblower.

ONOR. CLAUDIO GRECH: Naħseb inkunu għamilna avvanz kbir actually jekk niftħu dan it-tip ta’ whistle protection.
ONOR. OWEN BONNICI: Jiġifieri prattika mhux xierqa ....

Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin