ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Onor. Bonnici l-ewwel ħaġa meta jkollok serqa ta’ €100, ħafna drabi mhux wieħed jisraq €90 u l-ieħor jisraq €10, għax daħlu żewġ ħallelin serqu l-€100 f’daqqa.
L-argument li huwa perikoluż huwa, li f’mument kritiku meta allura tista’ tibda tingħalaq ix-xibka jew zooming in fuq tnejn kompliċi, din il-klawsola tista’ tiġi sfruttuta mill-pezzo grosso, mill-ħuta l-kbira a skapitu taż-żgħir. U fuq kollox, jien lill-ħuta l-kbira se nippremjaha .... Jekk dan huwa prinċipju inqas mill-prinċipju l-ieħor li nikxfu ...
THE CHAIRMAN: L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nissuġerixxi forsi li ndaħħlu li “fejn ukoll il-Qorti tistabbilixxi li l-involviment tiegħu kien minuri”, jew “kien mhux ta’ portata kbira”, għax dik tibdel kollox, għax jista’ jkollok ukoll ....
Aħna l-qorti nkunu. Is-sentenzi m’għandhomx regola waħda. Jiġifieri li inti ssib lilek innifsek fejn il-persuna li għandha l-iktar involviment, jew li kif qed jissemma mill-kollega l-Onor. Fenech Adami huwa l-ħuta l-kbira, illi jieħu l-benefiċċji u mhux il-ħuta ż-żgħira, naħseb li tkisser l-animu ta’ dan. Jekk aħna ndaħħlu xi forma ta’ kliem li ngħidu “fejn il-qorti tkun konvinta jew fejn il-qorti tistabbilixxi li s-sehem tiegħu huwa minuri”.
Issa intom Dr. Grech is-subparagrafu (3) qed torbtuh mas-subparagrafu (1) biss u mhux mat-tnejn. Qed ngħidu hekk:
“(3) Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, meta f’proċeduri kriminali kif provdut fis-subartikolu (1) ikun tmexxa kontra l-infurmatur:
(i) il-prosekuzzjoni tiddikjara fir-records tal-proċedura .....
Dan għaliex mhuwiex marbut ukoll mas-subartikolu (2)? Hemm xi raġuni partikolari għaliex qed torbtuh biss “kif provdut biss fis-subartikolu (1)”?
THE CHAIRMAN: Liema, subsection (3)? Għax il-(1) ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jien kont nissuġerixxi li tagħmluha: “..minkejja kif provdut fis-subartikolu (1) u fis-subartikolu (2)” biex tgħaqqadhom it-tnejn. Għax imbagħad għandek .. “Bla ħsara ....
THE CHAIRMAN: Is-subklawsola (1) jgħidlek li jinbdew il-proċeduri kriminali ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Tibda, però mbagħad trid torbotha. Kien hemm xi ħaġa li ħarġet barra. Għax intom fis-subklawsola (2) għandkom:
“ (2) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi (ii) u (iii) tas-subartikolu (3)”
Meta fis-subartikolu (3) hemm biss subparagrafu (1) u (2), m’hemmx subparagrafu (3).
Jiena qed naqra Klawsola 5 sub klawsola (2) fit-test Malti. Fl-abbozz hawn miktub “tas-subparagrafi (ii) u (iii)” meta fis-subartikolu (3) għandek sa subparagrafu (2) biss. Jiġifieri kien hemm subparagrafu (iii) u nippreżumi li meta tela’ fil-kabinett tneħħa. Allura hawn m’hawnx telling biżżejjed bejniethom it-tlieta.
Xtaqt ukoll li nidħlu ftit fis-subklawsola (3) biex naraw ftit jekk l-inċentivi li qed tagħmlu hawnhekk humiex tajbin biżżejjed. Per eżempju tistgħux din tal-effett minuri, Onor. Segretarju Parlamentari, tistgħux idaħħluha fit-(3)(1) jew fit-(3)(2) jew bħala proviso ....
THE CHAIRMAN: L-Onor. Deborah Schembri.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jien kont se nipprova nagħmel suġġeriment biex nagħmlu distinzjoni bejn l-attur u l-kompliċi fis-subklawsola (2) biex niftehmu. U fejn jidħol l-attur, tħalli diskrezzjoni lill-qorti u tagħmilha “li l-qorti tista’”, biex tħalli f’idejha. Għandha kważi l-istess meaning.
U fejn jidħol il-kompliċi, tagħmilha tassattiva għaliex tagħti iktar forsi kick lil min hu kompliċi. Fil-kriminal se jkunu l-istess, imma fiċ-ċivil tħalli l-inċentiv tal-kompliċi, imma l-big fish .... U t-termini “attur” u “kompliċi” huma defined fil-liġi, mhumiex fl-arja.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Għall-mument, l-iskop tagħkom hawnhekk, huwa li intom iddaħħlu forma ta’ assistenza għal dak il-whistleblower li kkommetta delitt. Issa, kif fil-każijiet tal-korruzzjoni se tifred ... Għax dan mhux fil-każijiet l-oħrajn - u hawnhekk trid terġa’ tispeċifika li għall-każijiet tal-korruzzjoni biss u mhux għall-każijiet l-oħrajn kollha li għandna taħt.....
Inti meta għandek “prattiċi mhux xierqa”, huwa ferm iktar wiesgħa. Issa allura din il-klawsola (5) trid l-ewwel tagħmel li hija għall-każijiet tal-korruzzjoni. Issa aħna li qegħdin ngħidu hija li ... (Interruzzjonijiet) Għad-delitti kollha? Anke għall-każijiet ta’ ...
THE CHAIRMAN: Imma “prattiċi mhux xierqa” definita.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jien fhimt li mhijiex anchored fil-korruzzjoni biss ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jekk xi ħadd m’għamilx ir-returns tal-VAT jew qiegħed jagħmel l-accounts ħżiena u dawn l-affarijiet.
ONOR OWEN BONNICI: Iva, iva. Hekk hu
ONOR. CLAUDIO GRECH: Mhijiex korruzzjoni biss, jekk fhimt sew jien.
THE CHAIRMAN: Le, hemm definizzjoni.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Il-“prattiċi mhux xierqa” li inti se tgħaddi taħt dan l-artikolu, għandhom ukoll l-istess benefiċċji anke għal dawk il-każijiet l-oħrajn ...
ONOR OWEN BONNICI: Iva.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ma tantx naħseb illi...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Forsi nispjegalek scenario li lili jinkwetani. Semmejtu ftit fid-diskors tiegħi ‘lbieraħ, fuq l-aspett tal-financial services. Li hawn Malta għandna ħafna kumpaniji li qed ibiegħu prodotti ta’ financial services lil nies li ma jifhmu xejn fihom. Iwegħduhom persentaġġi, ibigħulhom bonds, ibiegħulhom stocks, ibigħulhom minn kollox, ikollhom is-small print u dawn jiffirmaw u jagħtuhom il-flus.
Mela jekk għandek min f’dawn l-organizzazzjonijiet qiegħed jamministra dawn il-kumpaniji b’mod frodulenti - barra minn Malta jissejjaħ corporate fraud - u dak il-corporate fraud ikollu l-mastermind li qiegħed x’imkien fl-organizzazzjoni. Dak il-mastermind ikun qed possibilment jagħmel siphoning of funds hu għalih f’postijiet oħra, u ovvjament ikollu xi impjegati minn tiegħu, kompliċi miegħu.
Jien ma nixtieqx li jkollna scenario fejn il-mastermind ikun il-whistleblower, li jikxef lil minors tiegħu. Hu jkun għamel dak is-siphoning of funds u aħna bil-proċeduri ċivili qed ngħidulu li se nagħtuh il-garanzija, irridu nagħtuh iċ-ċertezza....
THE CHAIRMAN: Imma se jkun responsabbli għad-danni xorta. Skont din il-klawsola, min ikun whistleblower u xorta ‘seraq’, bil-Malti, xorta jrid iħallas dawk id-danni, ċivilment.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jiġifieri f’dik iċ-ċirkostanza, id-dannu xorta se jitħallsu. Qed nifhem sew?
THE CHAIRMAN: Iva.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Kif inhi proposta, irid iħallas ċivilment. L-argument li qed ngħid jien, imur oltre. Qed ngħid: inti li daħħalt lil ta’ taħtek fil-basla kollha, għandu jkollok benefiċċju għax kxift?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Dan l-artikolu jrid jiġi ftit fine-tuned.
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettuli. Dan l-artikolu, jekk dħalna fih elf darba naħseb ftit, jiġifieri. Waqt li napprezza.
Aħna x’irridu nagħmlu? Ħa nibdew minn hawn. Għax qbadnieha daqsxejn minn denbha. Din hija emenda biss biex inneħħu l-kelma “għandha” u naħseb ma dħalnix x’ifisser dan l-artikolu. Dan l-artikolu jagħti qawsalla ta’ inċentivi lill-informatur biex jikxef. Issa biex inti tagħti dawn l-inċentivi, inti trid tagħtih element ta’ ċertezza. Issa ċ-ċertezza mhijiex li jekk jikxef se jinħafirlu kollox, kif kien hemm min spjega tajjeb ħafna fid-debate. Anke inti Onor. Carmelo Mifsud Bonnici għedtha. Din mhijiex xi ħaġa li jiena jekk nikxef se jinħafirli kollox, però rrid nagħti ċ-ċertezza tal-inċentiv biex jiena nikxef.
U l-inċentivi li qed nagħmlu huma ta’ żewġ tipi, inċentivi kriminali u inċentivi ċivili. Morna għall-aktar triq wiesgħa. Kollox, kif qed jgħid l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, mhux biss bribery imma kull ħaġa li hija mhux xierqa taħt dan l-Att.
Aħna dehrilna li rridu nikxfu kull ħaġa li hija mhux xierqa. Issa kif qed ninċentivawhom? Number 1 billi nagħtu diskrezzjoni lill-qorti li tista’ tnaqqas il-piena jew addirittura ssibu ħati u ma tagħtih l-ebda piena. Dik f’idejn il-qorti, imbagħad trid tirraporta lill-President ta’ Malta għaliex tagħmel hekk. Hemm il-kwestjoni tal-Avukat Ġenerali, dik qegħda fit-tieni parti ta’ section 5.
Però fejn jidħol il-proċediment ċivili, aħna dehrilna li biex ninċentivaw biex dak li jkun jikxef. Jekk kien hemm kumplott li għaxra min-nies serqu €100 u l-moħħ ħa €90, hu jkun liable biss għal dawk id-€90 li ħa. Jiġifieri dak li ħa, se jirritornah lura, però mhux se jirritorna l-€100. Biex ninċentivaw..
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Id-domanda li se tqum hija din: Inti taraha ġusta li dan l-artikolu se jgħodd għall-persuna - ma ngħidux il-prinċipal u l-awtur - li l-iktar ħa benefiċċju fiha u kien, minn dak li jista’ jirriżulta....
THE CHAIRMAN: Jekk se jirritorna kollox xorta waħda? Biex nagħmlu distinzjoni bejn ċivilment u kriminalment.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, le, agħti ċans. Intom l-inċentiv ta’ dan l-artikolu x’inhu? L-inċentiv ta’ dan l-artikolu huwa li xi ħadd li huwa l-persuna li kkrea l-ħaġa kollha u li ħa l-ikbar rikavat fil-flus jieħu l-benefiċċju tagħha din? Sempliċement għax ikollu l-firda in solidum?
Jiġifieri xi ħadd li daħal ma’ ħaddieħor f’att ta’ korruzzjoni, hu ħa €1 miljun, ħaddieħor ħa €10,000, hu jieħu l-benefiċċju ta’ dan l-artikolu ukoll, qisu ma ġara xejn.
ONOR OWEN BONNICI: Flok iħallas €1,10,000, iħallas €1 miljun.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Mhux biss il-€1 miljun, hawnhekk hu se jingħata ....
THE CHAIRMAN: Mhux eskluż li l-persuna li ġiet mikxufa mhux se tħallas tagħha lanqas. Għax il-protezzjoni fuq min jikxef biss ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Forsi mhux qed nispjega sewwa. L-inċentiv tal-liġi huwa, li l-persuna li huwa l-minuri, il-ħuta ż-żgħira, qiegħda tikxef lill-kbira. Inti se tagħtiha l-benefiċċji indirettament ċivili, jiġifieri se tagħtiha l-benefiċċji ..... Jien ma naqbilx li l-ħuta kbira jkollha l-eżenzjoni wkoll in solidum jew l-eżenzjoni kriminali. Jekk xi ħadd huwa parti minuri fil-ħaġa iva, imma jekk huwa parti maġġuri, dak le.
Jiġifieri xi ħadd li jkun ħa €1 miljun minnha, ħaddieħor ħa inqas jew addirittura ma ħa xejn, allura dan se jieħu l-benefiċċju tal-kriminal - eżenzjonijiet fil-kriminali - il-benefiċċju tal-eżenzjonijiet miċ-Ċivil? (Interruzzjonijiet)
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, hekk hu.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI Eżenzjonijiet ħalli ngħidlek għala. Ħalli ma nkunx daqshekk estrem. Ejja ngħidu xi ħadd ħa €1 miljun u l-ieħor ħa €400,000 u ħareġ mill-provi li dak tal-€1 miljun kien il-mastermind li għamel il-ħaġa kollha u daħal ħaddieħor. Allura hawn inti se tibbenefikah kriminalment u ċivilment. Ħalli ngħidlek għalfejn.
THE CHAIRMAN: Kriminalment biss. Le, ċivilment xorta ħa jagħti d-danni dak li ħa.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, agħtini ċans ... Inti se tibbenefikah kriminalment, għax inti qed tagħtih il-fatt li se tifirdu in solidum minn dawk l-€400,000. Allura se jiggwadanja dejjem. Anzi tiġih tajba in any way.
ONOR. OWEN BONNICI: Għax ikun qed jikxef.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma inti trid toqgħod attent. Għax inti jista’ jkollok nies li jikxfu, biex jibbenefikaw lilhom infushom allura ġejja.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, bil-maqlub.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Deborah Schembri.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Ara hux qed nifhem sew? Se nieħu l-eżempju li tajt inti. Għandek xi ħadd ħa €1 miljun u xi ħadd ħa €400,000. Aħna li qed nagħtu protezzjoni hi li inti ma tiġix imġiegħel tagħti l-€1,400,000, imma mġiegħel tagħti l-€1 miljun. Issa meta aħna se nirkupraw l-€400,000 se jkun hemm ħaddieħor li se jħallas għalihom dawn l-€400,000.
Dawk l-€400,000 se jkunu rkuprati, imma l-benefiċċju li qed tagħtih li minflok aħna ngħidulu: inti trid tagħti €1,400,000 imbagħad mur fittex lil sieħbek għall-parti li hija tiegħu tal-€400,000 qed tiffrankalu kawża. Jiġifieri inti b’din is-section qed tgħidlu.. (Interruzzjoni).... Mhux hekk hi, hekk hi.
THE CHAIRMAN: Ippermettuli waħda. Fil-prattika, għax qed ngħidu l-ħuta l-kbira u l-ħuta ż-żgħira. L-ebda ħuta kbira mhi sejra tikxef lilha nnifisha meta taf li dak li akkwistat se tirritornah lura ..... Jekk jien qiegħed ħuta kbira, se nħallas tiegħi ....Ippermettuli ... Nista’ nintervjeni fil-kumitat ukoll.
Kif qed nifhem jiena, jekk il-ħuta l-kbira se tiftaħ ħalqha se jbati dak li akkwista hu. Min akkwista l-parti ż-żgħira, xorta waħda irid jirrifondi lura. Għax għandek proċeduri ċivili u kriminali mingħajr ebda protezzjoni ta’ dan l-Att.
Fil-prattika ma narax min se jiftaħ ħalqu meta jkun hu l-mastermind, il-ħuta l-kbira. Fil-prattika ħadd ma jispara lejn saqajh. (Interruzzjoni).... Però, jekk mhawnx dawn l-inċentivi, x’jiġri? Xi ħadd li jrid jiftaħ ħalqu, anke jekk huwa l-ħuta l-kbira, ma jiftaħx ħalqu. Għax se jkun għaddej minn proċeduri kriminali daqslikieku kien ukoll il-kompliċi jew l-attur ta’ dan l-att.
Naħseb li l-Avukat Ġenerali hawnhekk jgħallimni, li f’dan il-każ jekk għandek il-persuna li kixfet, tista’ tinġieb bħala xhud kontra l-persuna l-oħra. F’każ ta’ żewġ qua akkużati x-xhieda tagħhom ma tiswa xejn. Fil-proċeduri kriminali qed nitkellmu. Jistgħu jagħżlu li ma jixhdux.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Onor. Bonnici għaliex fil-każ tal-poter tal-Avukat Ġenerali l-kliem huwa “tista’”? Fil-klawsola 5(4) hemmhekk qegħdin nitkellmu fuq “tista’”, li l-Avukat Ġenerali qed ngħidu “jista’” mhux “għandu”. Issa jien ma nistax nifhem id-diffikultà li ...
THE CHAIRMAN: Tevalwa l-każ. Mhux kull min imur jiftaħ ħalqu u jsaffar se jieħu ċ-ċertifikat mill-ewwel. Irid jevalwa il-każ tiegħu.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Imma fl-oħrajn, kull min jiftaħ ħalqu, bilfors irid jivverifika.
ONOR. OWEN BONNICI: Ejja nkunu ftit strutturati għaliex naħseb qed naqbdu ħafna .... Nista’ nwieġeb lill-Onor. Beppe Fenech Adami?
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Il-mistoqsija tiegħi hi għalfejn l-istess prinċipju ma ġiex applikat fil-każ tal-Avukat Ġenerali? Għax partikolarment fil-każ taċ-Ċivil, mhemmx diskrezzjoni tal-Qorti, il-Qorti bilfors għandha tagħti dan il-benefiċċju ta’ li tneħħi in solidum. X’inhu l-prinċipju ta’ in solidum? In solidum huwa li inti jkollok tnejn min-nies wieħed mar tajjeb, u l-ieħor probabbli ma tiġbor xejn. Meta jkollna kawża l-Qorti .....
THE CHAIRMAN: Ċivilment xorta se jinġabru b’dan l-artikolu. Kriminalment li se jkun qed jibbenefika.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Il-vantaġġ ta’ in solidum huwa ...
ONOR. CLAUDIO GRECH: Bir-rispett kollu, żgur li m’aħniex qed nifhmu the complexity, meta inti jkollok dan it-tip ta’ frodi.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk tagħtuni ċans nispjega jien ....
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jekk il-bniedem mhux se jkun in solidum, dawn jistgħu ukoll joħolqu skema bejniethom ta’ fejn se jispiċċaw il-flus. Għax biex inti jirnexxielek tipprova li dan ħa €1 miljun, inti tista’ tipprova li hu l-mastermind. U jekk huwa l-mastermind żgur ma tistax teżentah b’xi mod mill-obbligi kollha. Kif tista’ inti meta inti għandek dan it-tip ta’ skemi, u qed ngħidulhom aħna .....
THE CHAIRMAN: Hawnhekk qed tagħmluha fatta, li l-persuna li marret tiftaħ ħalqha, allura l-Avukat Ġenerali, jew min hu, se joqgħod fuq dak li qallu hu. Xorta jrid jinvestiga. Forsi jien whistleblower u ngħid jien kont fil-prattika mhux xierqa u ħadt €100,000, meta fil-fatt ħadt €1 miljun jiena. L-Avukat Ġenerali jista’ jinvestiga, li hemm aktar minn hekk.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk tippermettieli, il-konċett ta’ in solidum x’inhu? Aħna qed nitkellmu fuq jekk għandniex ineħħu l-kelma “għandha”, però ħadna l-opportunità u qed nitkellmu fuq il-klawsola kollha.
Il-konċett ta’ in solidum x’inhu? Jekk jien u l-Onor Deborah Schembri, pereżempju għandna nagħtuk €100, inti għandek dritt tfittex għal €100 jew lil Onor Schembri, jew lili.
Aħna x’qed ngħidu hawnhekk? F’dan il-każ, kuntrarjament għall-prinċipju ċivili, jien qed nippremjak billi ninċentivak tikxef billi nżommok responsabbli għas-sehem li ħadt inti biss. Mela jekk inti ħadt €50, l-€50 trid tirritorna. Dak hu l-prinċipju. Aħna mhux qed ngħidu hawnhekk li l-€50 li ħadt, se żżommhom. Il-€50 li ħadt se tirritornahom, mhux se tirritorna dak li ma ħadtx, dak li qed ngħidu. Tista’ taqbel u tista’ ma taqbilx.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Jien fhimtek perfettament. Li qed ngħidlek hu li fl-eżempju li semmejtlek jien the injured parties bejniethom - dawk l-investituri żgħar li ġew iffrodati - l-€50 se jieħdu.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Mingħand dak se jieħu l-€50 u mingħand l-ieħor jieħu l-€50 l-oħra. Ma tistax titlob l-€100 mingħand wieħed, that’s the only thing. Għax jekk trid €50 u €50, tista’ titolbu l-€100, u tkun ħadt l-€100 mingħandu, fair enough. Imbagħad hu jrid ifittex lill-ieħor għal €50 li he was unjustly enriched by. Li qed tiffrankalu huwa li tgħidlu li jekk inti tgħinna biex aħna dawn l-affarijiet joħorġu fil-beraħ, se niffrankawlek li aħna nitolbuk il-€100 u int tfittex għal €50 lil sieħbek, imma se nieħdu l-€50 mingħandek imbagħad infittxu lill-ieħor aħna.
Inti qed tiffrankalu dik it-transition li hu jrid iħallas kollox, imbagħad idur fuq dan u jgħidlu: isma’ l-€50 għandek qegħdin, mela agħtihom lili. Qed tiffrankalu kawża biex inti tinċentivah. L-inċentiv mhux li l-flus ma jiġux irkuprati, l-inċentiv mhux li ħadd ma jiġi ritornat, l-inċentiv hu biex inti tieħu l-benefiċċju tal-in solidum, that’s all, imma mhux m’intix se tirkuprahom.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ippermettuli ftit. Intom hawnhekk qegħdin tagħmlu dawn l-artikoli. Għalfejn? Mhux biex tibbenefikaw? Mhux sempliċement li persuna tiżvela l-informazzjoni, imma l-persuna li qed tiżvela l-informazzjoni biex tinkixef informazzjoni akbar.
THE CHAIRMAN: Mhux neċessarjment ikbar. Mhix definita hekk fil-liġi.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Issa ħalli nagħmel l-argument, issa ddeċiedu intom xi tridu jew ma tridux. Imma jien irrid inċaqlaqkom biex intom tiddefenuha b’dan il-mod. Inkella hawn ġejja sitwazzjoni, fejn xi ħadd li jkun ħa l-ikbar ammont ta’ flus, se jkollu l-benefiċċju ta’ dan l-artikolu. Għalfejn?
X’inhi d-differenza bejn dan l-artikolu u kif inhi s-sistema llum? Id-differenza hi li inti tista’ tfittxu għall-ammont kollu. Mela xi ħadd li ħa ċertu rikavat għandu interess li jidħol taħt din l-iskema biex issa jiġi mhux in solidum imma jiġi fil-parti tiegħu biss (Interruzzjonijiet) ....Ippermettuli.
ONOR OWEN BONNICI: ...u jikxef.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Għamluha kif tridu. Inkella din tagħti lok għall-abbuż ta’ nies li jkunu ħadu sehem kbir u jieħdu l-benefiċċju tiegħu. Li mhuwiex naħseb dak li intom tridu. Jekk intom taqraw klawsola 5 (3), din tgħid:
“(i)... żvela prattika mhux xieraq li tikkostitwixxi reat..”
imbagħad hemm
“(ii) l-infurmatur jipprova għas-sodisfazzjoni tal-qorti li r-rapport ikun b’hekk għen lill-pulizija.”
Naħseb tant hija minima din, li tagħti lok għal kwalunkwe forma ta’ abbuż ta’ min għandu sehem determinanti f’reat. Issa araw intom. Jekk intom tarawha ġusta li tqegħdu fuq l-istess skalatura xi ħadd li kien hu l-persuna li ħaseb fir-reat, li ħadem ir-reat, li ttanta lill-ħaddieħor, li ħa l-flus mingħand ħaddieħor, u li mbagħad jieħu dawn il-benefiċċji awtomatikament, dik intom tridu tiddeċiedu, mhux aħna, aħna nressqulkom il-konsiderazzjoni tagħna.
Fl-opinjoni tagħna hija żbaljata u għandkom tagħmlu distinzjoni jew tagħtu gwida lill-Qorti, li l-Qorti li trid tiddetermina hawn li min jiżvela, ikollu sehem minuri. Mhux ikollu sehem kbir. Bħalma għamilna aħna fil-kwestjoni tad-droga.
Xtaqt inqajjem punt ieħor, hawn l-Avukat Ġenerali. Għar-rigward l-provisos ta’ subparagrafu (ii) tas-subklawsola (3). Intom fl-ewwel proviso qed tgħidu, “jew tnaqqas aktar il-piena” mill-1 degree jew 2 degrees jew inkella “teżenta l-informatur kompletament mill-piena”. Imbagħad fit-tieni proviso qegħdin tgħidu li l-Qorti trid “tagħmel rapport lill-President tar-Repubblika”.
Jien naraha ftit top heavy, u li għall-ewwel darba qegħdin nidħlu f’sitwazzjoni fejn fl-ebda liġi oħra, m’għandna li l-Qorti trid tagħmel rapport lill-President tar-Repubblika biex tiġġustifika għalfejn hi mhix se tagħti ċertu pieni. Il-Qorti dejjem għandha dritt li tirrakkomanda pereżempju Presidential Pardon, imma hi tikteb imbagħad jispetta l-President x’jagħmel u ma jagħmilx.
Naħseb li din tar-rapport lill-President tar-Repubblika - għalkemm magħmula b’intenzjonijiet tajba - għandek żewġ sitwazzjonijiet. Kostituzzjonalment naħseb li m’aħniex korretti, in prattika ma nafx kemm se taħdem, għax maġistrat se joqgħod jikteb dawn l-affarijiet?
Imbagħad għandek is-subklawsola (4). Intom hawnhekk – u nixtieq nistaqsi, hawn l-Avukat Ġenerali jista’ jweġibni – x’qegħdin tagħmlu? Qegħdin tagħmlu kategorija ġdida ta’ King’s evidence? Jiġifieri biex jeżenta lill-informatur, x’differenza hemm bejn din u l-artikolu 19 tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni? X’qed iddaħlu ġdid? U għaliex qegħdin tagħmluha? U għaliex qegħdin torbtu idejn l-Avukat Ġenerali li jrid jikkonsulta mal-“Kummissarju tal-Pulizija u ma’ imħallef tal-qrati superjuri” meta llum diġà għandu l-libertà assoluta li jista’ jagħmilha. Din mhux se tiġi aktar top heavy? Hija neċessarja din?
Għax inkella tista’ tagħmel u ddaħħal hawnhekk, li “l-poteri li hemm f’dak l-Att japplikaw mutatis mutandis għal dan l-artikolu” u inti tkun streamlined. Mhux qiegħed tagħmel xi ħaġa differenti li l-Qorti jista’ jkollha komplikazzjonijiet fl-interpretazzjoni tagħha għar-rigward din l-eżenzjoni jew eżenzjoni oħra. Hemm min jgħid li l-Qorti għandha ċerta libertà f’ċerti Presidential Pardons jew li m’għandhiex ċertu libertà.
Araw intom, jien qed inressaqhom għall-konsiderazzjoni biex ikun hemm liġi aħjar. Però oqogħdu attenti għalxiex qegħdin tidħlu u mhux qegħdin tidħlu.
THE CHAIRMAN: Ħalli ngħid kumment żgħir fuq l-ewwel parti tal-intervent tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, fuq id-distinzjoni bejn l-aspett ċivili u l-aspett kriminali. Fl-opinjoni tiegħi sa ċertu punt naqbel fejn jidħol l-aspett kriminali, għax jekk hemm benefiċċju ta’ xi ħadd li se jiggwadanja totalment, huwa biss minn proċeduri kriminali. Għax ċivilment għalkemm mhux in solidum, xorta min se jikxef il-parti tiegħu, irid irrendiha lura. Issa, il-biċċa li qed jgħid li ffrankajna, iggwadanjaha xi ħadd ieħor u jrid iħallasha min iggwadanjaha. Però l-aspett kriminali, hemmhekk iva qiegħed joħroġ scott free imma għax għandu inċentiv, li kieku ma tkellimx, ma kienx se jiġi żvelat dik il-prattika mhux xierqa.
U anke f’dan il-każ, meta qiegħed tiżvela reat kriminali - għallinqas anke kif staqsejt l-ewwel lill-Avukat Ġenerali - issa tista’ tintuża bħala xhud. Għax inkella tkun qua akkużati li ma tistax tikkolabora evidenza b’xhud kontra ieħor. Dak l-ewwel argument.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Inti taħseb li xi ħadd illi ħa gwadann, se jiġi u jgħid ara hemm din il-liġi, li lili jistgħu ifittxuni inqas, mela jien se nmur nikxef. Dak li jkun jiġi f’pożizzjoni fejn jibda jħoss li qed issir investigazzjoni tal-pulizija u li tista’ taqbdu. U allura għax jibda jħoss li ġej id-dell fuqu, jitlaq jiġri biex jiskatta din.
Ejja ngħidu A u B, A ttanta lill-B għal permess biex joħorġu ħafna qtates barra kull filgħodu. Mela tah €1,000 u qed joħorġu dawn il-qtates. Taħseb li għandu xi interess li jmur jikxef ladarba qed isir din regolari? Tah l-€1,000 u qed issir. M’għandu l-ebda interess.
Jidħol f’nofs il-kwestjoni tal-kxif, jekk kemm-il darba dan iħoss li l-pulizija qegħdin jidħlu fuqu. Ejja nagħtu kas qegħdin erbgħa u bagħtu għal dan. Mela appena l-pulizija jibdew jidħlu fuqu, jgħid mela la bagħtu għal dan se jilħqu lili, mela nitlaq niġri jien u nagħmilha din il-ħaġa u nieħu l-benefiċċju mhux biss tal-kriminal. U għalhekk għandu raġun l-Onor Fenech Adami jgħidlek tagħmilhiex “għandha” imma għamilha “tista’” f’dan il-każ ....
Dostları ilə paylaş: |