Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġi rapport Uffiċjali



Yüklə 0,52 Mb.
səhifə1/7
tarix17.01.2019
ölçüsü0,52 Mb.
#99506
  1   2   3   4   5   6   7

MALTA
KAMRA TAD-DEPUTATI


KUMITATI PERMANENTI

GĦALL-KUNSIDERAZZJONI TA' ABBOZZI TA' LIĠI
(Rapport Uffiċjali u Rivedut)
IT-TNAX-IL PARLAMENT
LAQGĦA NRU 64

It-Tlieta, 14 ta' Lulju, 2015
Stampat fl-Uffiċċju tal-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

Malta


Prezz €2.50




IT-TNAX-IL PARLAMENT


KUMITAT PERMANENTI

GĦALL- KONSIDERAZZJONI TA' ABBOZZI TA' LIĠI

LAQGĦA NRU 64

It-Tlieta, 14 ta’ Lulju, 2015






Il-Kumitat iltaqa' fil-Parlament, il-Belt Valletta, fis-4.10 p.m.






Talb


MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru 63, li saret nhar it-Tnejn, 13 ta’ Lulju 2015, ġew ikkonfermati.

THE CHAIRMAN (Onor. Silvio Parnis): Ngħaddu għat-tieni item fuq l-aġenda.

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-FINANZJAMENT TA’ PARTITI POLITIĊI
FINANCING OF POLITICAL PARTIES BILL

Skont riżoluzzjoni fis-Seduta Nru 199 tal-Erbgħa, 12 ta’ Novembru 2014, il-Kumitat iltaqa’ biex jikkonsidra dan l-Abbozz ta’ Liġi.
(Ikompli minn Laqgħa Nru 61 tas-7 ta’ Lulju 2015)

Klawsola 46 – Awdituri li jassistu lill-Kummissjoni
Clause 46 – Auditors to assist the Commission
THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI (Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali): Sur President, nipproponi din l-emenda:
“AM” Il-Klawsola 46 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:
“Awdituri li jassistu lill-Kummissjoni
46. (1) Għall-fini tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha taħt it-Taqsima III u IV, il-Kummissjoni għandha taħtar awditur wieħed jew aktar li għandhom jassistuha fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjonijiet.
(2) Kemm l-imsemmija awdituri, kif ukoll il-Kummissarji, jkunu marbutin bl-obbligu tal-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni li tasal għandhom bis-saħħa ta’ dan l-Att, u li ma tkunx ġiet imqiegħda għall-informazzjoni tal-pubbliku.
(3) L-awdituri msemmija fis-subartikolu (1) għandhom, mal-ħatra tagħhom, jieħdu l-ġurament tal-kariga inkluż fl-Iskeda.”

AM” Clause 46 shall be substituted by the following:


Auditors to assist the Commission
46. (1) For the purpose of the execution of its functions under Parts III and IV, the Commission shall appoint one or more auditors who shall assist it in the execution of the said functions.
(2) Both the said auditors and the Commissioners shall be bound by the duty of confidentiality with regard to the information received by them by virtue of this Act, which shall not have been made available for the information of the public.
(3) The auditors referred to in sub-article (1) shall, upon their appointment, take the oath of office set out in the Schedule.”
L-emenda li qed issir għal klawsola 46 qed tirrepeti dak li diġà kien hawn, però żidna żewġ obbligi partikolari. Kif nafu, il-Kummissjoni Elettorali hija l-awtorità regolatorja; però, ħassejna li għandu jkollha d-dritt li taħtar awditur wieħed jew aktar li jassistuha fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha. Dawn l-awdituri jridu jkunu marbutin bl-obbligi tal-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni li tasal għandhom, kif ukoll għandhom jieħdu ġurament tal-ħatra li huwa inkluż fl-iskeda. Hawnhekk qegħdin indaħħlu element ta’ formalità, mhux sempliċement tinkariga awditur u tgħidlu biex jibda l-għada filgħodu, imma jrid jieħu ġurament. Naturalment, għal min jieħu ġurament li ma jkunx korrett japplikaw is-sanzjonijiet, u allura qegħdin nagħtu l-għodod lill-Kummissjoni biex taqdi l-mansjoni tagħha.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Claudio Grech.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Sur President, xtaqt nissuġġerixxi lill-Ministru biex forsi jikkonsidra li l-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ xogħol ta’ awditjar, tuża awdituri mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Naħseb li lkoll naqblu li llum l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali hu istituzzjoni li ż-żewġ naħat għandhom rispett lejha. Ħalliha li xi kultant ma naqblux fuq il-konklużjonijiet; però, bejnietna hemm tendenza ċara li naċċettaw il-metodu li jaħdem bih, u wara mbagħad niddiskutu l-konklużjonijiet mill-perspettiva rispettiva tagħna. Naħseb li minħabba li, kif tkellimna kemm-il darba, din il-liġi se jkollha bżonn ċertu element ta’ struttura ta’ accounting u ta’ auditing, il-fatt li għandna uffiċċju li, safejn naf jien, huwa wieħed mill-iktar uffiċċji ta’ awdituri ġenerali li ilu jiffunzjona u li huwa rispettat u aċċettat anke fuq livell bejn il-partiti politiċi, allura jagħmel sens li, minflok ma l-Kummissjoni tikkuntratta awdituri individwali, jew ditti, jew persuni, nużaw il-capacity li hemm fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali. Naħseb li jekk fil-pajjiż se jkollna an institutional knowledge ta’ kif għandhom jiġu ttrattati l-auditing tal-partiti politiċi, naħseb li nkunu qed nagħmlu pass kbir ’il quddiem biex ma jibqgħalniex dubji dwar kif se jsir l-auditing u min se jagħmlu. Jien naqbel mal-Ministru li hemm l-obbligu tal-ġurament; però, nafu wkoll li l-uffiċjali tal-Awditur Ġenerali huma regolati b’liġi, u f’dik il-liġi huma għandhom l-obbligu tal-ġurament ukoll. Fl-opinjoni tiegħi, rather than reinventing the wheel, nistgħu nużaw l-istruttura ta’ dak l-uffiċċju.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Diġà kellna dibattitu fuq il-Kummissjoni Elettorali, u l-idea tagħna hija li din tagħmel ix-xogħol ta’ regolatur, imbagħad ikollha external auditors li taħtarhom hi biex jagħmlu xogħol ta’ auditing u jirrapportaw lilha, bħalma jsir f’ħafna kumpaniji privati. Ftit qabel konna għedna li la kumpanija privata għandha ċerti obbligi, kemm jista’ jkun ridna li l-partiti politiċi, compared ma’ dawk l-obbligi, ma jkunux fi stat privileġġjat. Allura, l-idea li jkun hemm awdituri mill-privat iktar hija ta’ konfort għal din it-teżi, milli jekk nużaw awdituri li jaħdmu mal-Awditur Ġenerali. Issa, meta qed insemmi awditur mill-privat, m’iniex nirreferi għal awdituri li huma kuntrattati jew impjegati mal-privat, imma awdituri minn audit firms li huma ta’ repute u ta’ prestiġju.
L-idea tal-Onor. Grech li minflok ma mmorru għall-mudell ta’ auditing firms ta’ serjetà – bħal Grant Thornton u Ernst & Young – immorru għall-mudell ta’ awdituri mill-Awditur Ġenerali, hija idea li għandha l-merti tagħha; mhux qed jgħid li se niskartaha kompletament, anzi għandha ċerta validità. Però, aħna xtaqna nużaw mudell fejn il-Kummissjoni Elettorali tmur għal auditors jew audit firms b’esperjenza on the ground fil-ħajja ta’ kuljum. Wara kollox, kif għedna qabel, aħna ma rridux nagħtu l-impressjoni li hemm regoli mod għall-partiti u regoli mod ieħor għall-kumpaniji, fejn il-partiti jkunu iktar privileġġjati jew preferenzjati. Again, jien nirrikonoxxi li hemm validità fil-kumment tal-Onor. Grech, kif naħseb li hemm ukoll validità fid-direzzjoni li qed jaqbad il-Gvern, li jkollna awdituri b’esperjenza on the ground fil-ħajja ta’ kuljum, biex ma jkunx hemm distakk bejn dak li jgħaddu minnu l-kumpaniji fil-ħajja ta’ kuljum, u dak li jgħaddu minnu l-partiti politiċi.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Claudio Grech.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Ridt nissolleva żewġ punti. L-ewwel nett, il-provision tal-liġi kif inhi bl-ebda mod ma tispeċifika x’tip ta’ audit firm se tkun qed tintgħażel. Hawnhekk qed tgħid li tikkuntratta ma’ awditur wieħed jew iktar, u d-definizzjoni ta’ awditur hi kif inhi definita f’artikolu 2 tal-Accountancy Profession Act, u hawnhekk il-liġi bl-ebda mod mhi qed tagħmel kwalifiki ta’ x’tip ta’ audit firm jew awdituri jintużaw. Fil-fatt, hawnhekk lanqas titkellem fuq ditta, imma titkellem fuq awditur. Jiġifieri, ma nistax nifhem minn fejn toħroġ dik il-kwalifika.
It-tieni punt tiegħi hu li l-Ministru mhuwiex korrett meta qed jgħid li aħna qisna qegħdin nimbuttaw l-idea li l-Gvern ikun regolat b’mod differenti għas-sempliċi raġuni li l-awdituri tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali huma regolati bl-istess regolamenti li huma regolati l-awdituri li jagħmlu l-audits ta’ ditti privati. Ma ninsewx li, kif qal tajjeb il-Ministru, dak daħal għax kellna dibattitu rigward il-bżonn li l-partiti politiċi jkunu regolati bl-istess intensità li huma regolati l-kumpaniji privati. Il-proposta mhijiex tant ta’ diskriminazzjoni bejn privat u pubbliku, imma li għandek struttura li hi rispettata u aċċettata, li l-outcome tagħha – safejn naf jien – fl-aħħar snin ħadd ma qajjem dubji dwaru, u li qiegħda hemmhekk biex inkunu nistgħu nagħmlu użu minnha. Fl-opinjoni tiegħi, m’hemm xejn x’jipprekludi milli nikkonsidraw li nużaw l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-awdituri tiegħu. Ma rridux ninsew li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu skill set eċċezzjonali li m’intix se ssibu f’ħafna mill-audit firms l-oħrajn. Barra minn hekk, għandek ukoll element ta’ spiża li llum diġà qiegħda ssir fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li, jekk se jkollok resource base u speċjalizzazzjonijiet usa’ milli jista’ jkollok f’audit firm żgħira, int se tkun tista’ tagħmel dak ix-xogħol b’mod ħafna iktar effiċjenti. Però, il-punt li għalija jibqa’ l-iktar importanti huwa l-fatt li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jagħti konfort lill-partijiet kollha li x-xogħol li se jkunu qegħdin jagħmlu l-uffiċjali tiegħu – finalment huma uffiċjali tal-Parlament – u nemmen li, fl-ewwel pass li qed nagħmlu f’din il-liġi, proprju l-Parlament ikun l-iktar istituzzjoni idonea biex isserraħ moħħ kull min se jkun qed jissottometti l-financial information tiegħu li se tkun amministrata u regolata bl-aħjar mod.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, kif għedt qabel, dak li qed jgħid l-Onor. Grech huwa argument validu li ta’ min wieħed jikkonsidrah. Jiġifieri, għalkemm qed ngħid li hemm triq aħjar, m’iniex ngħid li dak li qed jgħid l-Onor. Grech mhuwiex validu. Il-mudell li l-Gvern għażel konxjament huwa dak fejn ir-regolatur qed imur għal awditur, jew kumpanija ta’ awdituri li jkollha esperjenza on the ground. Mela, filwaqt li naqbel ma’ dak li qal l-Onor. Grech li l-Awditur Ġenerali għandu knowledge enormi – jien rajtu jaħdem hawn kemm ilni Membru fil-PAC – naħseb li naqblu li kumpaniji li jagħmlu audits ta’ kuljum lil kumpaniji u entitajiet kummerċjali ikollhom kumulu ta’ esperjenza u ta’ know-how li huwa differenti minn dak li għandu x’jaqsam mar-remit tal-Awditur Ġenerali, li naturalment jagħmel audits ta’ entitajiet li fihom dimensjoni ta’ nefqa tal-Gvern. Allura, aħna jidhrilna li l-aħjar triq hija dik li mmorru għal din it-tieni triq.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Xtaqt nagħmel żewġ punti biex inkompli ma’ dak li qal l-Onor. Grech u ma’ dak li għadu kemm qal il-Ministru. L-ewwel nett, il-liġi mkien ma tgħid li awditur irid ikollu ċerta esperjenza on the ground eċċ., imma tgħid sempliċement li l-Kummissjoni għandha timpjega jew tikkuntratta ma’ awditur wieħed jew iktar, u tieqaf hemm. Hawnhekk norbot mal-oppożizzjoni tagħna li l-Kummissjoni Elettorali tkun ir-regolatur f’din il-Liġi. Dik ġiet sorvolata, però li l-Kummissjoni Elettorali se tkun ir-regolatur u se tkun hi li tagħżel lil min trid bħala awditur, se tkompli titfa’ ħafna iktar dubji, mentri jekk almenu nibbilanċjaw li l-awdituri li trid taħdem bihom il-Kummissjoni Elettorali jridu jkunu awdituri mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li huwa uffiċċju li ġie maħtur mill-Parlament b’żewġ terzi, allura dik tibbilanċja ftit mill-problemi li qajjimna mhux aħna biss, imma wkoll il-Perit Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika, u oħrajn, jiġifieri li l-Kummissjoni Elettorali hija maħtura mill-partiti, b’maġġoranza tal-partit li jkun fil-gvern. Jiġifieri, issa sempliċement qed nagħtu l-poter assolut lill-Kummissjoni Elettorali li taħtar ukoll lil min trid hi bħala awditur, mingħajr ebda kondizzjonijiet għax, filwaqt li l-Ministru hawnhekk qed jgħid li jridu jkunu ditti ta’ awdituri b’esperjenza, jew li l-awditur irid ikun ta’ ċerta esperjenza on the ground eċċ., minn imkien ma joħroġ dan fi klawsola 46, għax din titkellem biss fuq awditur, jiġifieri fuq persuna li jkollha l-warrant ta’ awditur. Tista’ tkun persuna li għadha tilħaq awditur, għax il-liġi ma teskludihiex. Jista’ jkun awditur li jaħdem għal rasu f’uffiċċju waħdu, jew tista’ tkun ditta ta’ awdituri. Mhi qed teskludi xejn. Allura, jekk verament irridu nsibu bilanċ dwar il-poter li qed tingħata l-Kummissjoni – li bħala Oppożizzjoni diġà spjegajna għalfejn għandna riżervi kbar għalfejn il-Kummissjoni ma kellhiex tkun ir-regolatur – il-ħatra ta’ awdituri min-naħa tal-Kummissjoni għandhom ikunu mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, għax almenu l-Awditur Ġenerali huwa persuna maħtura b’żewġ terzi tal-Parlament, u hemm liġi ad hoc li tirregola l-ħidma ta’ dan l-uffiċċju.
ONOR. ANTHONY AGIUS DECELIS: Sur President, ma nafx jekk fhimtx tajjeb, imma ma naħsibx li issa se nitfgħu dubji fuq nies professjonali wkoll. Jekk xi ħadd huwa avukat, huwa avukat; jekk xi ħadd huwa perit, huwa perit; jekk xi ħadd huwa awditur, huwa awditur. Ma nistgħux noqogħdu qisna nitfgħu dubju li mhux bniedem professjonali bħall-oħrajn għax tkun għażlitu l-Kummissjoni Elettorali. Ma nafx dan id-dubju li tkellem fuqu l-Onor. Said kif jista’ jneħħih jekk ikunx ġej minn naħa jew minn oħra. Jekk xi ħadd huwa professjonali, irrelevanti minn fejn ikun ġej jew ma’ min ikun qed jaħdem, dak irid jagħmel xogħlu b’mod professjonali.
THE CHAIRMAN: Nistieden lill-Perit Cacopardo biex jintervjeni. Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Sur President, id-diffikultà hija li d-dubju huwa fuq l-iżjed ħaġa bażika. Id-dubju huwa fuq ir-regolatur, u l-għażla tar-regolatur mhijiex għażla li ġiet aċċettata. Hija kkontestata, u dak id-dubju se jibqa’: allura, qed jingħad li għandna ntaffu dan id-dubju billi l-għażliet fejn jidħol l-awditur ikunu għażliet li diġà huma aċċettati minn kulħadd. B’dan il-mod, l-element tad-dubju fuq ir-regolatur b’xi mod jittaffa ftit. Jien naqbel ma’ din il-proposta għax l-Awditur Ġenerali, anke bil-liġi li taħtru, għandu l-poteri u l-mod kif huwa jaħtar lil min jassistih jekk ikun hemm bżonn, allura nissorvolaw din l-issue ta’ kif jintgħażlu u ma jintgħażlux awdituri addizzjonali jekk ikun hemm bżonn. Naħseb li għal xi ħaġa ta’ importanza daqshekk kbira – il-funzjoni ta’ awditur – m’għandniex nagħtu l-poter lill-Kummissjoni Elettorali, iżda għandna nużaw il-poteri kostituzzjonali li diġà jeżistu tal-Awditur Ġenerali u nimxu minn hemm.
THE CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, naqbel mal-Perit Cacopardo li l-Awditur Ġenerali huwa organu kostituzzjonali; però, il-Kummissjoni Elettorali hija wkoll organu kostituzzjonali. Ma rridux nibagħtu l-messaġġ li l-Kummissjoni Elettorali qisha xi organu li mhijiex kapaċi tobdi jew tagħmel jew taqdi …
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Sur President, id-diffikultà mhijiex jekk il-Kummissjoni Elettorali hijiex kostituzzjonali wkoll, imma l-mod ta’ kif tinħatar, għax nofsha tinħatar mill-Gvern u nofsha tinħatar mill-Oppożizzjoni, u ċ-Chairman jinħatar mill-Gvern, bid-differenza li l-Awditur Ġenerali huwa maħtur b’żewġ terzi, li allura hemm kunsens fuqu. Aħna m’għandniex fiduċja li l-Kummissjoni Elettorali tista’ taqdi sew il-funzjonijiet ta’ din il-liġi. Dan għednieh u nibqgħu nsostnuh.
ONOR. OWEN BONNICI: Aħna jidhrilna li l-Kummissjoni Elettorali, li ħadet ħsieb l-elezzjonijiet kollha minn wara l-Indipendenza ’l hawn, u qatt jew ftit kienu l-każi fejn il-kompetenza tal-Kummissjoni tqiegħdet għad-diskussjoni, u għandha kumulu kbir ta’ esperjenza on the ground, se tkun regolatur tajjeb ħafna ta’ din il-liġi. Hawnhekk, mhux ir-regolatur qegħdin niddibattu …
ONOR. CHRIS SAID: L-issue tar-regolatur hija sorvolata għax ħadna vot fuqha; però, l-issue tal-Kummissjoni Elettorali fejn tidħol it-tmexxija ta’ elezzjonijiet tant hemm liġi stretta fejn il-partiti għandhom il-ħin kollu l-overseeing … (Interruzzjonijiet)
ONOR. OWEN BONNICI: Allura din m’għandhiex?
ONOR. CHRIS SAID: Le, din m’hemm xejn. Dik id-differenza, Ministru! (Interruzzjonijiet) Naqbel mija fil-mija, jiġifieri fl-elezzjonijiet il-Kummissjoni Elettorali, għalkemm hija magħżula minn rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, tant hemm liġi elettorali dettaljata li tagħti l-overseeing il-ħin kollu lill-partiti – u dakinhar spjegajt, m’iniex se nirrepeti – li fil-proċess elettorali hemm checks and balances il-ħin kollu mill-partiti kollha, f’kull punto e virgola tal-proċess elettorali. It-tqassim tal-voti tagħmlu l-Kummissjoni, imma nibagħtu r-rappreżentanti tal-partiti mal-pulizija. Il-printing tal-voti jsir mill-Kummissjoni Elettorali, imma waqt il-printing tal-voti jkun hemm preżenti r-rappreżentanti tal-partiti politiċi. Hemm iċ-checks and balances kollha: imma, f’din m’hemm l-ebda checks and balances, u dak huwa l-periklu. Għalhekk m’aħniex qed naċċettawha, u se jkollna l-problemi – u kellna l-esperjenzi – għax nafu li l-maġġoranza fil-Kummissjoni Elettorali hija tal-gvern.
Għaldaqstant, biex intaffu l-issue tal-Kummissjoni Elettorali, ladarba l-gvern irid jibqa’ għaddej fuqha – dan mhux aħna biss qed ngħiduh, imma qed jgħiduh ukoll diversi esponenti oħrajn hemm barra, però l-Gvern għandu d-dritt jibqa’ għaddej – aħna qed ngħidu li l-awdituri m’għandhomx ikunu magħżulin mill-Kummissjoni Elettorali għax il-maġġoranza fil-Kummissjoni Elettorali se jkollha dritt tagħżel lil min trid, se jkollha dritt tagħżel l-awditur A u mhux l-awditur B. Għalkemm kulħadd huwa professjonali, jista’ jkun hemm min għandu ċerti preġudizzji. Hawnhekk nuża l-istess argument tiegħek, Ministru, meta inti għedtilna li jista’ jkun il-Kummissarju dwar l-iStandards, imma din il-liġi rridu ndaħluha malajr, irridu ndaħħluha fis-seħħ, u allura ejja nutilizzaw bħala awtorità regolatorja kummissjoni li diġà teżisti, u l-Gvern mar għall-Kummissjoni Elettorali. Bl-istess argument, f’dan l-istadju jreġi wkoll li mmorru għal awtorità li diġà teżisti – l-Awditur Ġenerali – li għandu l-fiduċja għax magħżul bil-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra, għax inkella ma jġibx iż-żewġ terzi u xorta nistgħu nitilqu niġru, imma almenu nkunu moħħna mistrieħ li l-awdituri li qed jagħmlu dan ix-xogħol huma maħturin bil-mod kif titlob il-liġi dwar l-Awditur Ġenerali. Dak huwa l-punt li qegħdin nagħmlu hawnhekk: imma jekk il-Gvern irid jibqa’ għaddej b’dan il-mod, jibqa’ għaddej.
ONOR. OWEN BONNICI: Il-Kummissjoni Elettorali, fil-fehma tagħna, hija l-aħjar vejikolu. Ma rridx innigges jew nikkritika imma, bħala stat ta’ fatt, din hija liġi li hija long overdue, ilna ħafna snin li kellna ndaħħluha, imissna daħħalnieha ħafna qabel, u hemm bżonn li tidħol malajr kemm jista’ jkun. Din hija liġi li l-ewwel darba li ġiet diskussa kien meta sar ir-Rapport Galdes f’nofs id-disgħinijiet, jiġifieri qed nitkellmu fuq proċess li missu sar 20 sena ilu. Nerġa’ ngħid, qed ngħidha mhux biex nikkritika naħa jew oħra, imma biex ngħid stat ta’ fatt, biex ngħid il-fatti kif inhuma. Allura, hemm bżonn, iva, li din il-liġi tidħol illum qabel għada, u aħna dehrilna li l-aħjar mod huwa li nużaw kummissjoni li diġà eżistenti u li, għall-inqas sa qabel dan id-dibattitu, konna naħsbu li hawn fiduċja sħiħa fiha, li hija l-Kummissjoni Elettorali ...
ONOR. CHRIS SAID: Ejja nkunu korretti, Ministru!
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, Onor. Said.
ONOR. CHRIS SAID: Mill-bidu għedtlek li hemm oġġezzjoni kbira għall-Kummissjoni Elettorali, anke meta ltqajna fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, qabel ma ddiskutejna din il-liġi qed ngħid, fis-sens wiesa’ tagħha. It-tieni punt li rrid nagħmel huwa li l-Kummissjoni Elettorali meta tiġi – u hawnhekk jekk se ngħid xi ħaġa li mhijiex korretta, jikkoreġini l-Avukat Ġenerali – biex tagħmel appointments ta’ dan it-tip, għandha ssegwi r-regoli li huma stabbiliti fejn jidħlu procurement ta’ servizzi ġenerali. Hemm dak li jgħidulu l-kunċett tal-MEAT – Most Economical Advantageous Tender – eċċ.; jiġifieri, m’iniex qed nara l-possibilità li l-Kummissjoni Elettorali taqbad tinjora kompletament ir-regoli li hemm li jorbtu lil kull entità pubblika fejn jidħol il-procurement eċċ. u b’xi mod tagħmel xi tip ta’ appointment ta’ nies li forsi jkunu skomdi b’xi naħa jew oħra, jekk qed nikkwotak korrettement. Anzi, naħseb li l-Kummissjoni għandha d-dmir morali li tibda fuq sieq tajba: il-Kummissjoni Elettorali għandha obbligu li tagħmel ħilitha biex tirbaħ il-fiduċja ta’ kulħadd.
ONOR. CHRIS SAID: Iktar tinkwetana, Ministru, meta tgħid li se timxi bis-sistema …
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, Onor. Said, jien qed nisma’ lil kulħadd, u darbtejn waqaft biex inkompli nisma’ lill-kollegi tiegħi. Jien qed ngħid li l-Kummissjoni Elettorali trid timxi ma’ dak li huwa l-aħjar mod ta’ governanza, u naħseb li naqblu li, fejn tidħol governanza ta’ procurement, il-Kummissjoni Elettorali timxi tajjeb u skont ir-regoli li użaw gvern u ieħor, jiġifieri kull amministrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha obbligu li mill-ewwel passi tagħha, hekk kif tidħol fis-seħħ din il-liġi, tagħmel ħilitha biex tirbaħ il-fiduċja ta’ kulħadd. Naħseb li l-aħjar mod kif tirbaħ il-fiduċja ta’ kulħadd hija li meta tiġi biex tappunta dawn l-awdituri, tappunta l-aħjar awdituri, awdituri li jgawdu l-fiduċja ta’ kulħadd. Kif qal l-Onor. Agius Decelis, lanqas irridu nibagħtu l-messaġġ li qisu l-awdituri Maltin li huma fil-privat mhumiex kapaċi jkunu indipendenti u imparzjali skont il-ġurament li ħadu meta saru awdituri l-ewwel darba. Ejja ma niġux f’sitwazzjoni fejn ma jkollniex fiduċja fl-awdituri. Jien naħseb hawn awdituri Maltin tal-affari tagħhom, tajbin, li jagħmlu l-audit ta’ ħafna kumpaniji kbar anke multi-nazzjonali. Jien għandi fiduċja fl-awdituri, u naħseb li, b’dan il-mod, li jkollna Kummissjoni Elettorali li taħtar awdituri li jkunu tajbin, li għandhom il-liġi li torbothom, li jridu jieħdu ġurament ukoll, li huma marbutin bl-obbligu tal-kunfidenzjalità – se ndaħħluha f’emenda li qed irressqu hawnhekk – naħseb li dan huwa mudell tajjeb.
ONOR. CHRIS SAID: Jiġifieri jista’ jiġi awditur A, jitfa’ tender jew offerta bi quote ta’ €100 fis-sena, ikun imqabbad minn partit politiku A, u dan ikun qed jawditja lill-partit l-ieħor għax kien l-irħas wieħed.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, mhux hekk qed ngħidu.
ONOR. CHRIS SAID: Possibbli, tista’ ssir.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, le. Inti tgħallimni, għax għamilt żmien fil-gvern iktar minni; jiġifieri, inti taf li l-prezz hija konsiderazzjoni kruċjali meta tiġi biex tagħżel persuna minn oħra, però mhux l-unika waħda. Nerġa’ ngħid, inti tgħallimni għax għamilt iktar żmien minni, li hemm konsiderazzjonijiet oħrajn apparti l-prezz, jiġifieri l-esperjenza, in-know-how, l-integrità tal-persuna.
ONOR. CHRIS SAID: Ma naqblux assolutament. Tinsiex li hawnhekk il-Kummissjoni għandha l-poter li timpjega. Tinsiex li l-Kummissjoni għandha maġġoranza tal-partit li jkun fil-gvern, u dik tibqa’ hemm għal dejjem. Jekk irridu ntaffu dik, l-uniku mod kif intaffuha huwa li mmorru għal istituzzjoni oħra li diġà teżisti, li huwa l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jagħmel l-awditjar hu. Allura jkollna moħħna mistrieħ li qed isir minn uffiċċju li diġà jeżisti, uffiċċju li m’hemmx dubju li għandu l-esperjenza, u kulħadd ikun moħħu mistrieħ li l-affarijiet fejn jidħol l-awditjar qed isiru b’mod sew mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

Yüklə 0,52 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin