Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġi rapport Uffiċjali



Yüklə 0,52 Mb.
səhifə5/7
tarix17.01.2019
ölçüsü0,52 Mb.
#99506
1   2   3   4   5   6   7

ONOR. OWEN BONNICI: Kemm hemm bżonn. Onor. Said, inti tgħallimni, kien hemm kawżi li baqgħu sejrin anke billejl. Taf inti, jiġifieri m’hu qed ngħid xejn ġdid.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? Dr Grech.
DR PETER GRECH: Din x’aktarx irid ikun hemm xi ħadd li għandu provi bil-kontra, jiġifieri inti se tikkonferma li nfaqt daqshekk, u l-kawża tkun dwar il-kredibilità tal-provi kontra dak li qed tgħid.
ONOR. CHRIS SAID: F’dan il-każ ifisser li, kif qal il-Ministru, jekk organizzajt coffee morning irrid intella’ lil tal-bus, lil min ġabli l-pastizzi, lil min ġabli l-biljetti tat-tombla, eċċ. Mhux ovvja!
ONOR. OWEN BONNICI: M’hemmx għalfejn.
ONOR. CHRIS SAID: Skużi, mela se tiddeċiedi inti xi provi ntella’ jien jekk jien nista’ nitlef is-siġġu parlamentari?!
ONOR. OWEN BONNICI: Lanqas nazzarda.
ONOR. CHRIS SAID: Se tiddeċiedi inti għal xi ħadd?!

ONOR. OWEN BONNICI: Għalik, Onor. Said, ma niddeċiedi xejn, serraħ rasek.
ONR. CHRIS SAID: Għalija ma tagħmilx differenza! Però, qed nissimplifikaw l-affarijiet meta fil-verità l-affarijiet ma jaħdmux hekk. Allura aħjar ikollna l-affarijiet ċari fil-liġi, milli nagħmlu termini tassattivi ta’ għaxart ijiem u xahar għall-Kummissjoni, meta nafu li l-Qorti Kostituzzjonali taf tieħu ħames snin biex ma tiddeċidix.
ONOR. OWEN BONNICI: Nifhem li l-perċezzjoni hemm barra hija li l-kawżi fil-qorti jdumu kollha, għax għan-nies hemm barra kull kawża hija l-istess. Min jaħdem fil-Qorti jaf li dan mhux minnu. Hemm kawżi li jdumu ħafna, hemm kawżi li jdumu inqas, u hemm kawżi li jgħaġġlu. Il-kawżi li tisma’ l-Qorti Kostituzzjonali relatati mal-eżiti elettorali dejjem jgħaġġlu, u jgħaġġlu ħafna – infallibbilment. Tas-siġġijiet – u qed insemmiha għax, safejn naf jien, dik l-unika kawża li kien hemm wara l-aħħar elezzjoni – inqatgħet f’ġurnata. (Interruzzjonijiet) Imma dik għax għamiltu kawża oħra! Il-mertu għadu pendenti, imma għax ftaħtu proċeduri oħra taħt parti oħra tal-Kostituzzjoni, kif kellkom kull dritt, u l-eżitu tal-Qorti nbaxxi rasi għalih. Però, bħala stat ta’ fatt, il-Qorti Kostituzzjonali fejn jidħlu proċeduri li jitwieldu wara elezzjoni ġenerali huma spediti immensament.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 52. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 52 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 53 – Emenda tal-artikolu 52 tal-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali. Kap. 354
Clause 53 – Amendment of article 52 of the Fourteenth Schedule to the General Elections Act. Cap. 354
THE CHAIRMAN: Rimarki. Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar il-proċedura li titwieled wara l-emenda li daħħalna fil-Kostituzzjoni fejn għedna li jekk xi ħadd jonfoq iktar milli jmissu jew jagħmel dikjarazzjoni falza, jitlef is-siġġu. Hawnhekk qed nitkellmu dwar il-proċedura relattiva kif għandha ssir.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk irridu niftakru li ħames rappreżentanti tal-partit fil-Gvern …
ONOR. OWEN BONNICI: ... jew l-Oppożizzjoni.
ONOR. CHRIS SAID: Jista’ jkun mar fl-oppożizzjoni, imma xorta għandu ħames membri hemm f’dak il-perijodu. Ħames membri ta’ partit wieħed se jkunu qegħdin jiddeċiedu huma kontra min jittieħdu passi jew le.
ONOR. OWEN BONNICI: Kif inhi llum ...
ONOR. CHRIS SAID: Kif inhi llum, u llum għalhekk ma ħadu passi kontra ħadd.
ONOR. OWEN BONNICI: Għalhekk qatt ma ħadu passi qed tgħid?
ONOR. CHRIS SAID: Għax għandek iż-żewġ partiti jiġbdu kontra xulxin. Għax dik hija l-formazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali.

ONOR. OWEN BONNICI: Jiddependi mil-leadership u s-serjetà tal-kap kummissarju.
ONOR. CHRIS SAID: Hekk hu.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 53. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 53 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 54 – Emenda tar-regolament 2 tar-Regolamenti dwar l-Ogħla Infiq għall-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. L.S. 467.01
Clause 54 – Amendment of regulation 2 of the European Parliament Elections (Maximum Expenses) Regulations. S.L. 467.01
THE CHAIRMAN: Rimarki. Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, xtaqt li klawsola 54 u 55 niddiskutuhom flimkien għax qegħdin ngħollu l-capping ta’ kemm jistgħu jonfqu kandidati għal MEPs u kandidati għal kunsilli lokali. Tal-MEPs qed ngħidu li l-iktar li jistgħu jonfqu huma €50,000 u, fir-rigward tal-kunsilli lokali, qed ngħidu li l-iktar li jistgħu jonfqu huma €5,000.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? L-Onor. Chris Said.
ONOR. CHRIS SAID: Fejn jidħlu kunsilli lokali, €5,000 huwa ammont kbir; però, mhux se noqogħdu nfettqu fuq l-ammonti ladarba għaddiet l-€20,000 tal-kandidati …
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, kellna dibattitu twil, għax għall-bidu konna se niddistingwu bejn, pereżempju, Birkirkara u Ħal Għaxaq jew Ħal Safi. Għall-bidu konna tal-idea li nagħmlu din id-distinzjoni; imbagħad, wara li għamilna iktar konsultazzjonijiet u tkellimna internament, dehrilna li tkun aħjar jekk ikun hemm capping wieħed neat u inekwivoku ta’ €5,000.
ONOR. CHRIS SAID: B’€5,000, is-sindku tal-Imdina jagħmlilhom ikla għal xahar sħiħ. (Interruzzjonijiet) Le, San Lawrenz huwa ħafna ikbar mill-Imdina. Illum, f’San Lawrenz hemm 750 vot, waqt li l-Imdina hemm 150 jew 160 vot.
ONOR. OWEN BONNICI: Qed tassumu li dawn se jonfquhom.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? Il-Perit Cacopardo.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Fl-opinjoni tiegħi, l-argument huwa wieħed relattiv għax la aċċettajna l-ammont esaġerat ta’ €20,000 għal kampanja elettorali, nifhem li dawn huma marbutin miegħu. Fl-opinjoni tiegħi, l-ammonti proposti f’dawn iż-żewġ artikli huma esaġerati wkoll.
ONOR. OWEN BONNICI: €50,000 esaġerat?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Iva, anke l-oħra tal-€20,000 hija esaġerata, fl-opinjoni tiegħi.
ONOR. OWEN BONNICI: Anzi, hija baxxa tal-MEPs.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Fl-opinjoni tagħna, għandu jonqos, u anke tal-kunsilli lokali, wieħed għandu jiddistingwi bejn il-qisien differenti tal-kunsilli lokali.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk ikolli nikkritika lili nnifsi, naħseb li €50,000 hija on the low side għall-MEPs.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Anke l-oħra qed tgħid li hija on the low side?
ONOR. OWEN BONNICI: €20,000 fuq distrett wieħed hija raġunevoli ħafna.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? L-Onor. Said.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhek nixtiequ ndaħħlu żieda ma’ dan l-artiklu tal-capping; ovvjament, tmur mal-proposta li għamel l-Onor. Grech fuq il-capping tal-partiti fl-elezzjoni ġenerali. Hawnhekk qed nipproponu capping ta’ €1.3 miljun għall-elezzjonijiet tal-MEPs u kunsilli lokali mill-partiti. Issa, bl-emendi li saru fil-liġi, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali se jsiru flimkien. (Interruzzjonijiet) Le, ma naqbilx miegħek li hija ħaġa tajba, għax il-kunsilli lokali se jkunu tilfu mill-importanza tagħhom! Però, that’s beside the point, mhux qegħdin niddiskutuh hawnhekk. Il-proposta tagħna hija li f’dawn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali flimkien, il-partiti politiċi jkollhom capping ta’ €1.3 miljun.
ONOR. OWEN BONNICI: Għandek xi emenda bil-miktub?
ONOR. CHRIS SAID: Le, imma qed nipproponuha. Jekk taqblu, nagħmluha.
ONOR. OWEN BONNICI: Le, m’hemmx qbil għax, kif għedt, ladarba tfajt limitu ta’ kemm wieħed jista’ jagħti donazzjonijiet, jiġu ppubblikati u allura kulħadd qiegħed on the same level playing field bl-istess regoli japplikaw għal kulħadd. Allura, ma nistax nimmilita kontra min hu kapaċi u għandu l-ħila li jimmobilizza n-nies, jattira interess u dawn l-affarijiet kollha lejh.
ONOR. CHRIS SAID: Diġà spjegajna li ma naqblux ma’ dan l-argument għax id-donazzjonijiet ma jsirux biss għall-kampanja elettorali, imma jsiru biex jitmexxa partit politiku matul iż-żmien kollu. Però, jekk għandek capping dwar kemm jistgħu jonfqu l-kandidati tal-kunsilli lokali u l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, bl-istess mod għandu jkun hemm capping dwar kemm jonfqu l-partiti politiċi.
ONOR. OWEN BONNICI We are not comparing like with like. Għandu jkun hemm capping fil-każ tal-kandidati biex ma jkunux biss is-sinjuri li jistgħu jiġu eletti, mentri partit m’għandux ikollu capping, għax ir-realtà hija differenti. Il-capping m’għandux ikun fuq kemm jonfoq, għax iktar m’għandu ħila jattira donazzjonijiet, iktar aħjar. Il-capping huwa fuq l-ammont ta’ donazzjoni massima li għandu jieħu.
ONOR. CHRIS SAID: Ma naqblux.
ONOR. OWEN BONNICI: Għandek kull dritt.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija klawsola 54. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.

Klawsola 54 għaddiet, u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 55 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 2 – Tifsir
Clause 2 – Interpretation
(Posposta minn Laqgħa Nru 49)

THE CHAIRMAN: Rimarki? Il-Ministru.
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, hawnhekk qed nitkellmu fuq l-iktar klawsola importanti, għax hija d-definitions clause. L-aħħar darba kien hemm dibattitu dwar il-kumpaniji li jagħtu donazzjonijiet, u l-Onor. Grech kien qal li għandna nagħmlu mezz biex il-partit li jakkwista donazzjoni, at the end of the day ikun jaf mingħand min qed jirċeviha, jiġifieri mhux jiġi xi ħadd jistaħba taħt xi trust nebuluża u l-partit ma jkunx jaf. Jien qbilt miegħu u għedtlu li rridu nistudjawha biex niktbuha bl-iktar mod li jagħmel sens u jkun effettiv. Il-Malta Independent irrapportawni li jiena għedt li se nistudjaha, u min qara r-rapport ħaseb li jien kelli second thoughts fuqha. Għedt li ridt nistudjaha mhux għax ma naqbilx magħha, imma għax irridu nkunu ċerti li niktbuha bl-iktar mod li jagħti riżultat massimu. Xtaqt nagħmel din il-kjarifika, for all it is worth.
ONOR. CLAUDIO GRECH: Nista’ nikkonferma li l-Ministru qabel mal-konċett; però, aħna qbilna li rridu naraw id-drafting, però fil-prinċipju jidher li kontu qed taqblu.
ONOR. OWEN BONNICI: Nirringrazzjak ħafna. Nibdew mid-definizzjoni ta’ “awditur” fejn ma naħsibx li għandu jkun hemm kontroversja. “Awditur” għandha l-istess tifsira mogħti lilha f’artikolu 2 tal-Att dwar il-Professjoni tal-Accountancy. Din għamilnieha biex ħadd ma jaħseb li awditur jista’ jkun bħalma jsir fil-każini tal-baned. Darba nħtart awditur ta’ każin ta’ banda meta kont għadni student. Kif tafu, hemm id-drawwa li jaħtru awditur li ma jkun awditur xejn. Jiġifieri, hawnhekk qed ngħidu li jrid ikun awditur skont l-Att dwar il-Professjoni tal-Accountancy.
ONOR. CHRIS SAID: Li tfisser li kull min għandu warrant ta’ awditur. Ma naqblux, imma diġà ddiskutejnieha.
ONOR. OWEN BONNICI: Issa, ngħaddu għad-definizzjoni ta’ “donazzjoni” li hija importanti ħafna.
“Donazzjoni” tfisser kull benefiċċju riċevut fir-rigward tal-attivitajiet jew il-funzjonijiet ta’ partit politiku, minn jew f’isem partit politiku, minn membru ta’ partit politiku, minn kandidat jew minn xi organizzazzjoni, kemm jekk tkun korporata jew le li fiha l-partit politiku, direttament jew indirettament jeżerċita amministrazzjoni effettiva u kontroll …”
– Pereżempju, anke NET Television jew One Television ...
ONOR. CHRIS SAID: M’għandniex kontroll.
ONOR. OWEN BONNICI: Direttament jew indirettament. It-tifsira tkompli tgħid:
“… u għandha tinkludi, sakemm jiġi pprovdut mod ieħor:


  1. kull rigal ta’ flus, jew proprjetà oħra;




  1. kull sponsorship;



  1. kull flus li jkunu ntefqu minn donatur jew donaturi sabiex jitħallsu xi spejjeż li jkunu saru b’mod dirett jew indirett, minn jew f’isem partit politiku ...”

– Kif taraw, hija wiesgħa ħafna. Paragrafu (d) jgħid:


“(d) Kull self mogħti fuq kondizzjonijiet iktar favorevoli …”
– Jiġifieri, jekk tajtu loan bil-1% u, kieku mar fis-suq, kien jeħodha bil-4%, dik it-3% differenza tiġi donazzjoni –
“(e) Il-prezz kemm jiswa lill-persuna li tipprovdi proprjetà jew is-servizz ...”
Jiġifieri, jekk wieħed jiġi jbajjadli, tani donazzjoni ta’ kemm jiswa dak is-servizz. Però, imbagħad għedna, in line mar-realtajiet ta’ pajjiżna, li jekk hemm volontier li ilu membru tal-partit 50 sena, u darba fis-sena jmur ibajjad il-kwartieri jew il-każin, dik ma tiġix li hija donazzjoni, u anke xi ħadd li jħalli fil-wirt proprjetà lill-partit. Hawn nies li jgħidu li jixtiequ jħallu garaxx lill-Partit Laburista jew lill-Partit Nazzjonalista. Wieħed jista’ jagħmilha dik u ma tiġix meqjusa bħala donazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-Att. Lanqas jekk il-Labour Party taż-Żejtun iqabbad perit u jagħmillu pjanta biex jirranġa l-bar b’xejn, pereżempju, dik ma tiġix meqjusa bħala donazzjoni, basta dak il-perit ikun membru tal-istess partit, għax inkella nkunu qegħdin immorru over the moon. Irridu ndaħħlu l-emenda tal-Onor. Grech.
ONOR. CHRIS SAID: Sur President, aħna qegħdin nipproponu din l-emenda għal klawsola 2:
“AO” Fil-paragrafu (e) tal-artikolu 2, fid-definizzjoni ta’ “donazzjoni”, wara l-kliem “skont kondizzjonijiet kummerċjali jew taħt il-valur tas-suq”, għandu jiżdied il-kliem “anke jekk din il-proprjetà tkun waħda pubblika u tkun mogħtija bi kwalunkwe titolu, iżda l-prezz imħallas ma jkunx skont il-valur tas-suq”.
“AO” In paragraph (e) of article 2, in the definition of “donation”, after the words “on commercial terms or below the market value”, there shall be added the words “and this applies also to public property which is held by the party with any title, where the amount paid is not according to the market value”.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Filwaqt li naqbel mal-ispirtu ta’ dak li qed jingħad, naħseb li hija inkluża kif inhi, mhemmx ħtieġa.
ONOR. OWEN BONNICI: Il-liġijiet tal-kera huma inklużi fiha din?
DR PETER GRECH: Il-punto di partenza huwa li dawn huma donazzjonijiet, mhux kuntratt ta’ negozju, ta’ kera, ta’ bejgħ.
ONOR. CHRIS SAID: Dr Grech, jekk jien nagħti kirja ta’ post lil partit A u nagħtih dik il-kirja b’€10 fis-sena, skont il-paragrafu (e) tad-definizzjoni ta’ “donazzjoni”, id-diskrepanza hija donazzjoni. Mela għal Ċikku u Peppa hija donazzjoni, imma għall-Istat mhijiex donazzjoni?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Jien naħseb li m’hemmx ħtieġa tal-emenda, għax kif inhi diġà qiegħda ċara fl-opinjoni tiegħi, u tinkludi wkoll tal-gvern.
ONOR. CHRIS SAID: Naqblu li tinkludi wkoll tal-gvern? Jekk naqblu, ma nagħmilx l-emenda, u tiġi recorded li naqblu li tinkludi wkoll tal-gvern. Jekk ma tinkludix tal-gvern, qegħdin inħallu barra d-donazzjonijiet tal-gvern.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Naqbel ma’ dak li qed jgħid l-Onor. Chris Said fis-sens li, jekk ma tkunx interpretata kif qed jingħad, hija lakuna kbira; imma, naħseb li kif inhi tinkludi kollox.
ONOR. OWEN BONNICI: Dr Grech, dan huwa punt fejn iż-żewġ naħat mhux qed jaqblu. Jien qed ngħid li l-kirjiet antiki ma nistax nikkonsidrahom bħala donazzjoni llum. (Interruzzjonijiet) Mela llum qed isiru xi kirjiet irriżorji?! Ma jsirux illum.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: U jekk il-kirja mhijiex revedibbli? Jekk għandek kirja li mhijiex revedibbli?
ONOR. OWEN BONNICI: Ma jistax ikollok kirja mhux revedibbli.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Mela m’għandekx kirjiet mhux revedibbli!
ONOR. OWEN BONNICI: Ara l-liġi, dażgur li għandek kirjiet revedibbli. Is-sidien tal-każin ta’ Ħal Qormi għamlu kawża biex jirrevedu l-kera. (Interruzzjonijiet) Imma għax tkun revedibbli.
ONOR. CHRIS SAID: Dik tiġi deċiża mill-Qorti. Hawnhekk qed naqblu fuq il-prinċipju. Aħna qed nipproponu li l-prinċipju jrid ikun li anke proprjetà … Hawnhekk qed ngħidu li qed naqblu mal-paragrafu (e) li fil-każ ta’ proprjetà privata, jekk persuna tikri bi prezz ħafna inqas jew inqas mill-prezz tas-suq lil partit A, id-differenza trid tiġi meqjusa bħala donazzjoni. Aħna qed ngħidu li naqblu magħha, hekk għandu jkun; però rridu nkunu ċari li din tapplika wkoll għal proprjetà pubblika, mhux minn proprjetà privata biss. Jekk il-gvern illum jew għada jikri proprjetà, jew hemm proprjetà mikrija minn din id-data ’l quddiem li l-valur tal-kirja huwa ħafna iktar baxx mill-valur kummerċjali, dik trid tiġi meqjusa bħala donazzjoni mill-gvern.
ONOR. OWEN BONNICI: Min jagħtih il-valur?l
ONOR. CHRIS SAID: Min se jagħtih il-valur tas-suq skont paragrafu (e)? Il-valur tas-suq joħroġ minn ...
ONOR. OWEN BONNICI: Onor. Said, fuq dik hemm qbil. M’hemmx qbil bejn iż-żewġ naħat fuq dawk il-kirjiet antiki ta’ qabel l-1979 li iktar ma jgħaddi ż-żmien qed isiru redundant, fis-sens li maż-żmien se jibdew jonqsu u jispiċċaw. Kien hemm régime legali u, taħt dawk il-liġijiet tal-kera l-antiki, il-Partit Laburista għandu proprjetajiet favur tiegħu, waqt li l-Partit Nazzjonalista …
ONOR. CHRIS SAID: M’għandux. Aħna b’ċens għandna ...
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettili, agħtini ċans. Iva, kollox sew.
ONOR. CHRIS SAID: Tah b’ċens wara tender.
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux se nidħol fil-kwestjoni ta’ kif ittieħdu. Jien qed ngħid bħala stat ta’ fatt – ħalli nagħmilha iktar ċara – li ż-żewġ partiti għandhom proprjetajiet – il-Labour għandu iktar mill-PN, biex ma jkunx hemm kwestjonijiet – b’titolu possessorju favur tagħhom b’kirjiet li prima facie jidhru li huma inqas minn dawk kummerċjali. Il-Labour Party – għax l-attakk, jew il-kritika, hija fuq il-Labour Party – għandu numru ta’ proprjetajiet li huma regolati mil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1979 li d-definizzjoni ta’ fair rent tagħa hija waħda li ċerti nies jarawha li mhijiex a proper fair rent. Imbagħad, tara l-Qorti jekk huwiex fair rent jew le. Il-gvern qed jgħid li t-titoli possessorji ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din il-liġi għax, kif iddiskutejna qabel, kirjiet li saru dak iż-żmien saru skont il-liġi. Issa, l-Onor. Said qed jgħid li għandhom jiġu inklużi. Fuq din ma naqblux, però naqblu żgur li rridu nkunu ċerti li dak li qed niktbu huwa dak li jirrifletti l-leġiżlatur. Id-domanda tiegħi hija dik li għamel il-Perit Cacopardo, jekk bil-mod kif inhi miktuba din il-klawsola humiex inklużi jew le l-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1979, peress li hemm partit li għandu xi kirjiet minn dan iż-żmien.
ONOR. CHRIS SAID: L-ewwel nett hemm kirjiet ta’ każini politiċi mill-gvern – tinsiex dawn mhumiex kirjiet mingħand il-privat – u hemm ukoll postijiet li ġew rekwiżizzjonati għal skop ta’ housing u, minflok ingħataw għall-housing, ingħataw lill-Partit Laburista.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Jew ingħataw għall-proġetti.
ONOR. CHRIS SAID: Apparti li hemm proprjetajiet li ngħataw lill-Partit Laburista wara l-1979 b’kirjiet ... Però, insa l-partiti, insa x’għandhom u m’għandhomx il-partiti; aħna qed nagħmlu definizzjoni ta’ x’inhi donazzjoni li fiha qed ngħidu li fejn ikun hemm kirja li mhijiex skont il-prezz tas-suq, fost affarijiet oħra, id-differenza għandha tiġi meqjusa bħala donazzjoni. Aħna qed ngħidu li din trid tapplika wkoll għall-proprjetà pubblika, li fejn partit ikollu titolu fuq proprjetà pubblika li jkun iktar baxx mill-prezz tas-suq – hux ċens, hux kera, hux titolu ieħor – dik għandha tiġi meqjusa bħala donazzjoni. Jekk għada pitgħada jkollok gvern li jfettillu jaqbad proprjetà pubblika u jbigħha through il-Lands lil partit politiku B, u l-prezz tas-suq tagħha jkun €100,000 u jbigħhielu €20,000, dawk it-€80,000 iridu jiġu meqjusa li huma donazzjoni. Dan biex nagħti eżempju bil-bejgħ; imma l-istess japplika għall-kera, ċens eċċ.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Sur President, jiddispjaċini li din id-diskussjoni se tmur biex il-partiti joħolqu privileġġi għalihom infushom. Jew noħolqu regola li se tkun tapplika għal kulħadd, jew inkella dik ir-regola mhijiex tajba, inqattgħu kollox u nibdew … Jiddispjaċini li d-diskussjoni issa, anke bil-mod kif tkellem il-Ministru Bonnici, miexja lejn li l-Labour Party donnu jrid privileġġ għalih, li dak li għandu f’idejh …
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux skont il-liġi ta’ dak iż-żmien? Xi privileġġ?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Le, għal-lum qed ngħidu.
ONOR. OWEN BONNICI: X’tort għandi jekk fl-1979 il-liġijiet tal-kera kienu hekk? Mela jien ktibthom?!
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Mil-lum ’il quddiem, id-differenza bejn dak li qed tħallas bħala kirja u l-prezz tas-suq ta’ dik il-kirja trid tiġi meqjusa bħala donazzjoni.
ONOR. OWEN BONNICI: Taf x’naf – għalija se nitkellem – li jien għamilt avviż legali li żied il-kirjiet ta’ kulħadd, inkluż tal-Labour Party. Taħseb li ngħatajt xi stilla?
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Kompliha f’din ukoll issa.
ONOR. OWEN BONNICI: Anzi, jien x’għamilt? Żidt il-kirjiet. Il-Labour Party qed iħallas iktar, mhux inqas, bl-avviż legali li għamilna. Issa, jekk fl-1979 il-liġi tal-kera kienet hekk, jien x’nista’ nagħmel?
ONOR. CHRIS SAID: Nagħmel liġi.
ONOR. OWEN BONNICI: Skont il-liġi tal-kera.
IL-PERIT CARMEL CACOPARDO: Id-donazzjonijiet mil-lum ’il quddiem …
ONOR. OWEN BONNICI: Ippermettuli, il-liġi tal-kera tapplika għall-każini tal-boċċi, tal-football, tal-banda, tal-ħamiem, tal-politika, il-każini kollha. Irridu nneħħuha dik il-liġi? Noqogħdu attenti x’qed ngħidu.
ONOR. CHRIS SAID: Ministru, m’aħniex qed ngħidu li nneħħu dik il-liġi.
ONOR. OWEN BONNICI: Għax, jekk irridu nneħħu dik il-liġi, se mmissu kemm Alla ħalaq soċjetajiet.
ONOR. CHRIS SAID: Aħna qegħdin niddefinixxu donazzjoni u, jekk hemm partit politiku li qed jirċievi donazzjonijiet mill-Istat, dawk għandhom jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ donazzjoni. Illum, iva, għandna realtà fejn għandna partiti politiċi li qegħdin jirċievu fi proprjetà – li jiswew miljuni x’ħin tgħaqqadhom flimkien – li l-valur tal-kera tagħhom fis-sena jitla’ għal eluf kbar ta’ liri fis-sena f’termini ta’ kera skont is-suq, li rridu nħalluha barra għax dik ġrat 40 sena ilu, għax dik ġrat qabel l-1979. Ġrat meta ġrat, għadha hemm. Jekk kien hemm partit, kien min kien, Partit Laburista, li sal-lum gawda minn dik il-proprjetà, good luck to him; imma, mil-lum ’il quddiem, la qed nagħmlu din il-liġi, jrid ikun hemm a level playing field, u fid-definizzjoni ta’ ‘donazzjoni’ rridu ngħidu li trid tkun applikabbli għal kulħadd, mhux ngħidu li dawk ta’ qabel l-1979 ...
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux qed naqblu għax il-Labour Party qed iħallas bħall-każini l-oħra tal-banda, tal-football u dawk kollha li semmejt.
ONOR. CHRIS SAID: Hawnhekk fuq partiti politiċi qegħdin nitkellmu.
ONOR. OWEN BONNICI: Iva, agħtini ċans nispiċċa. Qed iħallas il-fair rent li titlob il-liġi tal-1979. Jekk il-partit ma jħallasx il-fair rent, qed jistieden li jitkeċċa minn dak il-post. Jekk is-sid jidhirlu li dik mhijiex fair rent, għandu l-proċeduri x’jieħu, bħalma ħadu s-sidien tal-każin tal-Labour ta’ Ħal Qormi, u l-Qorti tista’ taġġusta l-fair rent.
Yüklə 0,52 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin