Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġi rapport Uffiċjali



Yüklə 250,25 Kb.
səhifə3/3
tarix03.12.2017
ölçüsü250,25 Kb.
#33728
1   2   3

THE CHAIRPERSON: L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Jien li kont se ngħid huwa li meta rajt il-funzjonijiet kollha tad-day-to-day running ta’ dan il-bord, li huma funzjonijiet li għandhom ċertu piż, u meta tiftakar il-fatt li l-Ministru jista’ jibdel kwalunkwe klawsola minn din il-liġi, inħossni daqsxejn xettiku, u nkun nixtieq li jkun hemm dik il-persuna li m’għandhiex x’taqsam mal-ministeri, ħalli fl-istess ħin toħloq dik is-sudizzjoni biex l-affarijiet ma jinbidlux kif ġieb u laħaq.
ONOR. LEO BRINCAT: Ara jekk hux qed nifhem sew. Jekk ngħidu li jkun hemm Deputy Chairman indipendenti li ma jkunx parti minn struttura, u jkun hemm xi forma ta’ konsultazzjoni fuqu, inkunu qed nilħqu dan l-għan?
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Iva, inkunu qegħdin nagħmlu pass lejn id-direzzjoni t-tajba.
ONOR. LEO BRINCAT: Jista’ jkollok bniedem li mhux bilfors ġej mill-akkademja, jew minn NGO, imma li jista’ jagħti kontribut u jkun aċċettabbli għal kulħadd. Dr. Borg, forsi tista’ tissuġġerixxi xi ħaġa.
THE CHAIRPERSON: Dr. Simone Borg.
AMBAXXATUR SIMONE BORG: Jien, li kont se ngħidilkom ukoll, biex inserrħilkom moħħkom fuq dak li qed tgħidu, hu li meta tara l-funzjonijiet tal-bord, f’subklawsola 11(g) issib li l-Bord hu fid-dmir li jikkonsulta mal-MCESD, u issa se nżidu subklawsola 11(h) ġdida li tgħid li se jkunu l-ENGOs, u nistgħu nżidu lis-Soċjetà Ċivili jekk hemm bżonn. Subklawsola 11(g) eżistenti u l-11(h) li se ndaħħlu aħna – mhux l-(h) li hemm illum – iġiegħlu lill-Bord jikkonsulta, jiġifieri it is obliged to consult.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Li tikkonsulta huwa mod, u li tkun parti mid-decision- making body, li huwa l-ultimate body li se jimbotta anke d-deċiżjonijiet biex jiġu implimentati, għax hemm il-bżonn tal-Bord, is something different. Jien nifhem li diġà hemm funzjoni, u diġa’ tidher ċara r-rieda biex niftħu governanza iktar wiesgħa u iktar trasparenti. Jien naħseb li, kif issuġġerixxa l-Ministru, jekk indaħħlu imqar il-vice chairmanship, inkunu bdejna fit-triq li nixtieq li xi darba li nwasslu lil dan il-pajjiż fiha.
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Nissekonda l-proposta li għamlet l-Onor. Farrugia abbażi ta’ dak li qal il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Dr. Borg, mhux biex nitfagħha f’ħoġrok il-biċċa xogħol – insa il-konsiderazzjonijiet politiċi, dawk nerfa’ ir-responsabbiltà tagħhom jiena – mit-tħaddim tagħha day-to-day, jekk ikun hemm persuna serja u indipendenti, ixxekkel il-prattiċità fit-teħid tad-deċiżjonijiet?
AMBAXXATUR SIMONE BORG: No, l-importanti li jkun well-versed ...
ONOR. LEO BRINCAT: Le, le, bla dubju ta’ xejn, mhux se jkun ...
ONOR. MARTHESE PORTELLI: ... u ma tagħlaqx it-triq biex ikun espert indipendenti, għax il-liġi qiegħda miftuħa.
ONOR. LEO BRINCAT: Ma nistgħux ngħidu “espert indipendenti”?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Nistgħu nżiduha jekk irridu ...
ONOR. LEO BRINCAT: Nistgħu ngħidu “preferibbilment espert indipendenti”, jew mhijiex ta’ sodisfazzjon?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Għax ‘preferibbilment’ fil-liġi, jew tgħidha jew ma tgħidhiex!
ONOR. LEO BRINCAT: Għandi l-iżvantaġġ u l-vantaġġ li ma tgħallimtx il-liġi! Iggwidawni intom mela.
THE CHAIRPERSON: Jekk xi ħadd qed jipproponi emenda formalment, iktbu l-emenda kif qegħdin tipproponuha, imbagħad naraw jekk tgħaddix jew le. Araw naqra fejn tixtiequ ddaħħlu l-emenda.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Kif niktibha nħalli f’idejn l-esperti, għax huma ħafna iktar kompetenti minni. Naħseb huma fehmu l-ispirtu tal-emenda li għamilt jien, issekondatni l-Onor. Portelli, u naħseb li l-Ministru he’s on board on it. Imma rridu niktbuha bl-aħjar mod possibbli.
ONOR. LEO BRINCAT: Jiena napprezza li forsi l-liġi ma tipprovdix għall-kelma “preferibbilment”. M’iniex ngħidikom biex tagħmluha kif qed ngħid jien, għax nerġa’ ngħid li jien m’iniex intiż fil-liġi; imma, meta ministru jkollu l-kelma “preferibbilment”, kważi diġà għandu obbligu, biex ngħid hekk, għax jekk jien qed ngħid li għandi two choices, imma preferibbilment għandi ninkludi “a” u “b” minflok “a”, jekk immur għal option “c”, qed immur lura għall-ispirtu ta’ dak li daħħalt fil-liġi. Imma tridu tiggwidawna intom dwar kif għandha tiġi fformulata.
THE CHAIRPERSON: Mela, x’taħsbu li hu l-aħjar? Ikun hemm emenda bħala parti minn dawn is-subklawsoli li hawn hawnhekk, jew isir proviso kif issuġġerejt inti f’dan is-sens?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Naħseb li aħjar isir proviso, biex iktar tagħmel sens, għax inkella tneħħi s-sekwenza.
THE CHAIRPERSON: L-ewwel nett, araw naqblux li jkun hemm proviso. Imbagħad, bejnietkom tridu taraw x’se jkun hemm f’dan il-proviso.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Tista’ jew tgħid “preferibbilment”, imma jiena bħala jargon legali nippreferi l-kelma “may”. The Prime Minister may ...
THE CHAIRPERSON: Mela nistgħu niktbu l-emenda f’dak is-sens.
ONOR. MEMBRU: Qed ngħidu t-tnejn, iċ-Chair u l-Vice Chair, ikunu indipendenti, jew wieħed?
THE CHAIRPERSON: Il-Vice Chair.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Se jkollu allowance, jekk ma jkunx parti mill-Gvern?
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Din kienet waħda mill-mistoqsijiet tiegħi.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Se jkollu allowance, għax issa l-oħrajn kollha bil-paga u dan huwa part of their work, mentri dan se jkun indipendenti?
ONOR. MEMBRU: They might be related as well, imma mhux se nidħlu f’dan.
THE CHAIRPERSON: Jekk jogħġobkom, kull min ikun qed jitkellem jixgħel il-microphone, u kull min mhux qed jitkellem jitfih, għax inkella jkollna t-taħwid.
ONOR. LEO BRINCAT: Ejjew ma nidħlux f’obbligi finanzjarji meta jien, bħal kull Ministru ieħor, at the mercy tal-Ministru tal-Finanzi, u ma nixtieqx nintrabtu b’affarijiet bħal dawn. Jiena se nitkellem ċar. Fl-intenzjoni tiegħi – kif tista’ tgħid anke Dr. Borg mid-diskussjonijiet interni li jkollna – l-ikbar headache li se jkollna biex taħdem din il-liġi hi li, kif qed jagħmlu gvernijiet oħrajn barra minn Malta, għandna bżonn l-involviment mhux biss tal-Finanzi lokalment, imma idealment l-involviment tas-settur privat anke finanzjarjament. Allura, jien qed ngħid li ma rridux inkunu tassattivi ħafna ħalli, jekk l-affarijiet jinbidlu, inkunu flessibbli. Jien qed nagħtikom il-kelma tiegħi li fuq kwalunkwe tweaking li se nkunu qed nagħmlu fit-tħaddim, se nkunu qed ninformaw lill-partijiet interessati, u ma rridx li tkunu tafu bihom mill-gazzetti biss.
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marlene Farrugia.

ONOR. MARLENE FARRUGIA: Ir-raġuni li semmejt inti tal-involviment tas-settur privat anke fil-finanzjament tal-implimentazzjoni ... (Interruzzjonijiet) Definitely not, imma anke għal dik ir-raġuni għandna niftħu biex is-Soċjetà Ċivili tħossha iktar rappreżentata u hands on. Għal dik ir-raġuni wkoll; però, it’s not the main reason ...
ONOR. LEO BRINCAT: Jekk taqblu, nistgħu nagħmlu kif qed tissuġġerixxi Dr. Borg, imma dejjem jekk taqblu magħha.
THE CHAIRPERSON: Naħseb li hemm qbil. Mela se nipposponi l-vot ta’ Klawsola 10 sakemm tinkiteb l-emenda.
Il-Kumitat qabel li klawsola 10 tiġi posposta.

Klawsola 11 Funzjonijiet tal-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Clause 11 Functions of the Climate Action Board.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Chair, nipproponi din l-emenda:
“B” Il-paragrafu (h) tas-subklawsola (2) ta’ klawsola 11 għandu jiġi enumerat mill-ġdid bħala paragrafu (i) u, minnufih wara l-paragrafu (g), għandu jidħol il-paragrafu ġdid li ġej:
“(h) li jikkonsulta ma’ żewġ rappreżentanti minn għaqdiet ambjentali volontarji, nominati minn għaqdiet ambjentali volontarji reġistrati bħala tali skont il-fini tal-Kapitlu 492 tal-Liġijiet ta’ Malta, dwar kwalunkwe materja relatata ma’ dan l-Att jew kwalunkwe regolament magħmul taħtu;”
B” Paragraph (h) of sub-article (2) of clause 11 shall be renumbered as paragraph (i) and, immediately after paragraph (g), there shall be inserted the following new paragraph:
(h) to consult with the representatives of two environmental voluntary organizations, nominated by registered environmental voluntary organizations in accordance with Chapter 492 of the Laws of Malta as their representatives, on any matters relating to this Act or any regulations made hereunder periodically;”.
Kif spjegajt aktar kmieni, il-fatt li hawnhekk se ninkorporaw l-ENGOs over and above il-konsultazzjonijiet mal-MCESD, naħseb li hija l-iktar firxa wiesgħa. Aħna xtaqna nimmiraw anke għal individual organizations, fosthom iċ-Chamber u l-GRTU, imma mbagħad inkunu wessajniha. Allura nħallu f’idejn l-MCESD biex tidentifika n-nies hi, kif se jħallu f’idejn l-ENGOs biex jagħżlu r-rappreżentanti, kif spjegajt fid-daħla għal din id-diskussjoni.
THE CHAIRPERSON: Grazzi ħafna. Hawn kummenti? L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Ninnota b’sodisfazzjon li dan kien wieħed mis-suġġerimenti li għamilna, li għalkemm ma tteħidx fit-totalità tiegħu, ttieħed fis-sustanza bħala emenda, u ninsab kuntenta bil-proposta kif qiegħda ssir.
THE CHAIRPERSON: Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “B”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “B” għaddiet nem. con.
THE CHAIRPERSON: Il-mistoqsija hi Klawsola 11 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 11, kif emendata, għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 12 – Setgħa li jsiru regolamenti
Clause 12Power to make regulations.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Klawsola 12 titkellem dwar is-setgħat li jsiru regolamenti. Jikkonsulta kemm jikkonsulta l-Ministru tal-ġurnata, at the end of the day huwa l-Ministru li jagħmel ir-regolamenti. Jiġifieri, bażikament hawnhekk għandek regolamenti speċifikati, imma huma affarijiet li żgur mhumiex kontenzjużi. Hemm miżuri biex tnaqqas it-tibdil tal-klima, governanza tajba li tkun konformi ma’ strumenti internazzjonali, eċċ. Fil-fehma tiegħi, din mhijiex kontenzjuża; imma, jekk hawn xi kummenti, tistgħu tagħmluhom.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 12. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 12 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 13 – Proċedura sabiex isiru regolamenti.
Clause 13Procedure for making regulations.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Fi Klawsola 13, hemm il-proċedura biex isiru r-regolamenti. Once again, hawnhekk qed nitkellmu dwar il-proċedura sempliċi ta’ kif għandhom jimxu l-proċeduri quddiem xi bord, kummissjoni, eċċ., li fil-fehma tiegħi hija purament amministrattiva.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 13. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 13 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 14 – Setgħa ta’ delega.
Clause 14 Power to delegate.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Klawsola 14 titkellem dwar is-setgħat. Is-setgħat ħallejnihom apposta, speċjalment għal subklawsola 14 (4), fejn jingħad li:

“Il-Prim Ministru jista’, permezz tar-regolamenti b’konsultazzjoni mal-Ministru, jiddelega kull waħda mill-funzjonijiet tal-Ministru taħt dan l-Att, jew taħt xi regolament magħmul taħt it-termini ta’ dan l-Att, lil xi Ministru ieħor.”


Din hija standard practice li qiegħda anke fil-Liġi tas-Sustainable Development eżistenti u f’liġijiet oħrajn. Biex ngħid hekk, hija inbuilt flexibility biex ma torbotx idejn il-gvern tal-ġurnata.
THE CHAIRPERSON: Hawn iktar kummenti? L-Ambaxxatur Simone Borg.
AMBAXXATUR SIMONE BORG: Forsi, biex wieħed jispjega aħjar, jista’ jagħti eżempju prattiku. Jekk se toħroġ liġi dwar ir-renewables, forsi aktar taqa’ taħt ir-remit tal-Ministeru responsabbli mill-Enerġija milli llum fil-preżent. L-istess jekk hu fuq it-trasport, iktar taqa’ taħt it-Trasport, allura bilfors irid ikollok dik il-flessibilità.
THE CHAIRPERSON: Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 14. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 14 għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 15 – Setgħa tal-Ministru li jagħmel regolamenti fir-rigward ta’ reati u multi amministrattivi.
Clause 15 Power of Minister to make regulations in relation to offences and administrative fines.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Klawsola 15 hija kwestjoni dwar is-setgħa tal-Ministru li jagħmel regolamenti rigward ir-reati u multi amministrattivi. Kien hemm min qal f’xi media – mhux qed nirreferi għall-Oppożizzjoni – li kienu tassattivi wisq; imma tikkoreġini Dr. Borg li dawk kienu eżattament identiċi ma’ environmental crime.
AMBAXXATUR SIMONE BORG: Environmental crime iva, u anke d-direttiva tal-Emissions Trading titlob ċertu ammont. Jiġifieri, if you are fraudulent u l-allowances ma tgħidhomx kif inhuma, every so many tonnes of carbon dioxide teħel €100,000. Allura, f’dak il-każ trid tagħti l-possibbiltà li tkun tista’ tagħmilha u, jekk ma tagħmilhiex hawnhekk, ovvjament ma tkunx tista’ issir. Jiġifieri, dawn kienu well-studied, mhux qbadna u tfajnihom hekk.
THE CHAIRPERSON: Hawn iktar kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 15. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 15 għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 16 – Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Clause 16 Climate Action Fund.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Nipproponi din l-emenda:
“Ċ” Klawsola 16 għandha tiġi emendata kif ġej:
(a) Is-subklawsola (3) tagħha għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:
“(3)(a) Il-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima għandu jiġi amministrat minn bord ta’ gvernaturi iċċerjat miċ-Chairperson tal-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima, jew il-Viċi Chairperson tal-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima bħala delegat tiegħu, maħtura skont l-artikolu 10(1)(a):
B’dan illi l-Membru li jirrappreżenta lill-Ministru għall-Finanzi skont l-artiklu 10(1)(c) ipoġġi fuq il-Bord ta’ Gvernaturi ex officio.
(b) Il-Ministru għandu b’regolament:
(i) jaħtar il-kumplament ta’ kif għandu jkun kompost dan il-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima; u

(ii) jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura ta’ dan il-Bord ta’ Gvernaturi tal-Fond tal-Azzjoni dwar il-Klima.”;


(b) Is-subklawsola (5) tagħha għandha tiġi mħassra; u
(ċ) Fil-paragrafu (ċ) tas-subklawsola (6) tagħha, wara l-kliem “jew kapaċità”, għandhom jidħlu l-kliem “skont il-bżonnijiet nazzjonali u”.
C” Clause 16 shall be amended as follows:
(a) Sub-clause (3)(a) thereof shall be substituted by the following:
(3)(a) The Climate Action Fund shall be administered by a board of governors that is chaired by the Chairperson of the Climate Action Board, or the Vice Chairperson of the Climate Action Board as his delegate, as appointed according to article 10(1)(a):
Provided that the member representing the Ministry responsible for Finance in article 10(1)(c) shall sit on the Board of Governors ex officio.
(b) The Minister shall by Regulation establish:
(i) the composition of the rest of the Board of Governors of the Climate Action Fund; and

(ii) the Rules of Procedure for the Board of Governors of the Climate Action Fund.”;
(b) Sub-clause (5) thereof shall be deleted; and
(c) In paragraph (c) of sub-clause (6) thereof, immediately after the words “or capacity for”, there shall be inserted the words “national requirements and”.
Kif spjegajt iktar kmieni, din l-emenda qed tiġi proposta kemm minħabba l-punti li tqajmu fit-Tieni Qari, u anke biex ikun hemm allowance għal specifics biex jiġu inklużi fis-secondary legislation. Kif semmejt aktar kmieni, l-Onor. Marlene Farrugia għamlet tajjeb li semmiet il-private sector li, filwaqt li jien definitely nemmen ħafna fih, dan l-aħħar, kif spjegajt aktar kmieni, meta kont waqt laqgħa f’Pariġi – din ma saritx biss mill-Ministru tal-Ambjent, imma saret mill-Ministru tal-Finanzi, mill-Ministru tal-Ekonomija u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin – però tista’ tevolvi s-sitwazzjoni li l-private sector involvement, anke skont kif jippikja r-ritmu tal-proċess internazzjonali u mhux bilfors lokali, jista’ ikun hemm bżonn li jinbidel, fejn tgħid li, minflok ikun hemm rappreżentanza fuq il-Governing Board, jista’ ikollok bżonn tagħmel trust fund, biex nagħti eżempju. Ejjew ma nintrabtux u nilbsu strait jacket fuq id-different modalities, imma fl-istess ħin nipprovdu li jkun hemm tieqa miftuħa għal future works. Jiġifieri ma nkunux speċifiċi żżejjed u, ħlief għaċ-Chairperson u l-Finance Representative li huwa essenzjali, naħseb ikun tajjeb – hawnhekk qed nagħtikom il-kelma li jien inkun qed nikkonsultakom – li nħallu dan kollu għas-secondary legislation ħalli, once li tkun għaddiet il-liġi, jkollna moħħ niffukaw fuq secondary legislation u niffukaw fuq il-kompożizzjoni tal-Bord innifsu. L-iktar ħaġa importanti hi li f’din il-liġi jkollna l-konfort – din qed ngħidha formalment biex norbot xi ftit lill-kollega tiegħi – tal-Ministeru tal-Finanzi, ikollna l-financial support u jkollna l-capacity building li għandna bżonn. Għalija din hi ċ-ċavetta ta’ kollox. Jien konvint li, għalkemm f’Malta forsi m’hemmx esperti daqskemm nixtiequ, bir-rieda tajba se nsibuhom l-esperti; imma, jekk mhux se jkollna l-financial support, se nirrokkaw, hemm min hemm fil-gvern.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti oħrajn? L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Se nagħmel kumment malajr malajr. Fuq din is-section, wieħed mill-punti li qajjimna qed nara li se jiġi ndirizzat, anke bl-emenda li issa se tidħol fi Klawsola 3, għax aħna ma tantx konna komdi bil-fatt li kien se jkollna bord ieħor magħmul kważi kollu kemm hu minn political appointees. Però, hawnhekk qed nara li l-Fond ta’ Azzjoni tal-Klima se jkun presjedut jew miċ-Chairperson tal-Bord tal-Azzjoni jew mill-Viċi Chairperson, u din kienet waħda mill-punti li ressaqt ħalli jkun hemm il-link li dak li qed jiġi propost f’kumitat ikun jaf bih il-Fond li se jkun qiegħed iqassam il-flus.
Naqbel ukoll perfettament mal-Ministru li, jekk mhux se jkun hemm flus allokati mill-Gvern direttament għall-Fund, mhux se jkollna s-suċċess li nixtiequ.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti oħrajn? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “Ċ”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “Ċ” għaddiet nem. con.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 16 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 16, kif emendata, għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
THE CHAIRPERSON: Rigward l-Iskeda jidher li m’hawn xejn partikolari li trid tingħad. Mela, ħalli nerġgħu mmorru lura għall-artikoli posposti. L-ewwel artikolu pospost kien għal klawsola 7. Tista’ taqra l-Onor. Marthese Portelli peress li qiegħda tipproponi hi.

Klawsola 7 – Strateġija nazzjonali ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.
Clause 7 National low-carbon development strategy
(Posposta aktar kmieni fil-Kumitat)
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Madam Chair, nipproponi din l-emenda:
“D” F’subklawsola (1) ta’ klawsola 7, wara l-kliem “Il-Ministru għandu, b’konsultazzjoni ma’ kull Ministru ieħor kompetenti li jkun mgħarraf bil-materja”, għandhom jidħlu l-kliem “u b’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-għaqdiet ambjentali u wkoll mal-pubbliku”.
D” In sub-clause (1) of clause 7, after the words “The Minister shall, in consultation with any other Minister competent to take cognizance of the matter,” there shall be inserted the words “and in consultation with civil society, environmental organizations and the general public”.
Jekk l-emenda tiġi approvata, il-klawsola se tiġi taqra hekk:

“Il-Ministru għandu, b’konsultazzjoni ma’ kull Ministru ieħor kompetenti li jkun mgħarraf bil-materja, b’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-għaqdiet ambjentali u wkoll mal-pubbliku, jipprepara strateġija nazzjonali ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju li tikkontribwixxi ...”


Imbagħad jibdew is-subklawsoli (a), (b) u (ċ).
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “A”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “A” għaddiet nem. con.
THE CHAIRPERSON: Il-mistoqsija hi l-Emenda “D”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “D” għaddiet nem. con.
THE CHAIRPERSON: Il-mistoqsija hi Klawsola 7, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 7, kif emendata, għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 8 – Strateġija ta’ adattament nazzjonali
Clause 8 National adaptation strategy
(Posposta aktar kmieni fil-Kumitat)
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marthese Portelli.
ONOR. MARTHESE PORTELLI: Madam Chair, nipproponi din l-emenda:
“E” F’subklawsola (1) ta’ klawsola 8, wara l-kliem “Il-Ministru għandu, b’konsultazzjoni ma’ kull Ministru ieħor kompetenti li jkun mgħarraf bil-materja”, għandhom jidħlu l-kliem “u b’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-għaqdiet ambjentali u wkoll mal-pubbliku”.
E” In sub-clause (1) of clause 8, after the words “The Minister shall, in consultation with any other Minister competent to take cognizance of the matter”, there shall be inserted the words “and in consultation with civil society, environmental organizations and the general public”.
Jiġifieri l-klawsola se tiġi taqra hekk:
“Il-Ministru għandu, b’konsultazzjoni ma’ kull Ministru ieħor kompetenti li jkun mgħarraf bil-materja, b’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mal-għaqdiet ambjentali u wkoll mal-pubbliku, iħejji strateġija ta’ addattament nazzjonali li tikkontribwixxi għal”.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “E”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “E” għaddiet nem. con.
THE CHAIRPERSON: Il-mistoqsija hi Klawsola 8, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 8, kif emendata, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

Klawsola 10 – Il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Clause 10 Climate Action Board.
(Posposta aktar kmieni fil-Kumitat)
THE CHAIRPERSON: L-Onor. Marlene Farrugia.
ONOR. MARLENE FARRUGIA: Madam Chair, nipproponi din l-emenda:
“F” Immedjatament wara paragrafu (d) ta’ subklawsola (1) ta’ klawsola 10, għandu jidħol dan il-proviso ġdid li ġej:
“B’dan illi l-Ministru jista’ jaħtar viċi chairperson li jkun indipendenti mill-Gvern:”
F” Immediately after paragraph (d) of subclause (1) of clause 10, there shall be added the following new proviso:
Provided that the Minister may appoint a deputy chairperson who is independent from Government:”
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “F”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “F” għaddiet nem. con.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 10, kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 10, kif emendata, għaddiet nem. con., u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

EMENDA VERBALI ĠENERALI
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Chair, nipproponi din l-emenda verbali:
“Kull fejn tidher il-kelma “bjar” fit-test Malti tal-Abbozz ta’ Liġi, għandha tinbidel bil-kelma “sinks”.
THE CHAIRPERSON: Hawn kummenti? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda Verbali. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-emenda verbali għaddiet nem. con.
Klawsola 1, kif emendata verbalment, għaddiet nem. con. u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
It-Titolu għadda nem. con. u ġie ordnat biex isir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.

ONOR. LEO BRINCAT: Nipproponi li l-Kumitat jawtorizza lill-Iskrivan tal-Kamra biex jikkoreġi xi żbalji tal-ortografija, jagħmel ir-rinumerazzjoni meħtieġa u xi emendi żgħar li jista’ jkun hemm bżonn.
Il-Kumitat qabel li jawtorizza lill-Iskrivan tal-Kamra biex jikkoreġi xi żbalji tal-ortografija, jagħmel ir-rinumerazzjoni meħtieġa u xi emendi żgħar li jista’ jkun hemm bżonn.

Il-Kumitat qabel ukoll li l-President tal-Kumitat għandu jirrapporta lill-Kamra li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jistabbilixxi Qafas għal Azzjoni dwar Tibdil fil-Klima” għadda mill-istadju tal-Kumitat b’emendi.
THE CHAIRPERSON: Il-Ministru Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Chair, irrodd ħajr lilek, liż-żewġ naħat tal-Kamra li kienu preżenti, lil kull min ta kontribut fit-Tieni Qari – li naħseb li kien importanti ħafna – u nkun qed nonqos jekk ma nirringrazzjax lill-esperti tekniċi li għandi hawnhekk, li kienu ta’ għajnuna kontinwa u għamlu ħafna xogħol behind the scenes, u verament jixirqilhom kull apprezzament. Jien konvint li dan jirrifletti anke l-fehma taż-żewġ naħat tal-Kamra. Grazzi bil-quddiem. Issa l-impenn huwa tagħna biex flimkien dak li qbilna fuqu nħaddmuh fil-prattika. Grazzi.
THE CHAIRPERSON: Grazzi, Ministru, u grazzi lil kull min ta l-kontribut tiegħu f’dan il-Kumitat.

Fis-7.35 p.m. id-diskussjoni fi stadju ta’ Kumitat ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi ġiet konkluża.

Yüklə 250,25 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin