Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SELF LOKALI



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə21/232
tarix07.01.2022
ölçüsü1,09 Mb.
#91175
1   ...   17   18   19   20   21   22   23   24   ...   232

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SELF LOKALI

LOCAL LOAN BILL



L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri

Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet

Ikompli mit-13 ta' Mejju, 1998
MADAM SPEAKER: L-Onor. Anton Tabone huwa in possession.
ONOR. ANTON TABONE: Grazzi, Madam Speaker. Nagħmel daqsxejn ta' rikapitulazzjoni ta' dak li għidt il-ġimgħa li għaddiet. Kont qed ngħid li jekk il-Gvern kien qiegħed jaħseb li l-issues ewlenin li ddominaw ix-xena politika Maltija għal dawn l-aħħar tliet snin, cioe' l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u s-sistema tat-tassazzjoni, kienu sejrin jitbiegħdu u l-poplu se jitkellem inqas fuqhom, u li meta l-Parlament ikollu okkażjoni bħal din tal-lum il-kelliema ta' din in-naħa ma kenux se jġibu d-diskors mill-ġdid fuq dawn iż-żewġ issues, naħseb li dan il-Gvern qiegħed jiżbalja bl-ikrah u verament m'għadux iħoss il-polz tal-poplu. Dan għaliex dawn iż-żewġ issues huma ddestinati li jibqgħu l-aktar kwestjonijiet importanti sa l-elezzjoni li jmiss. Nerġa' ngħid li jekk il-Gvern qed jaħseb li ż-żmien sejjer ifejjaq il-pjagi tal-konsegwenzi tal-politika tiegħu qiegħed jiżbalja bl-ikrah.
Imma l-agħar ħaġa hi li qiegħed jiżbalja b'konsegwenzi għall-ekonomija tal-pajjiż li f'dawn l-aħħar tmintax-il xahar staġnat u m'għadx hemm dik il-fiduċja li kien hemm qabel. L-iżvilupp m'għadux għaddej u allura l-konsegwenzi qegħdin fuq il-Maltin u fuq l-Għawdxin kollha. Dawn iż-żewġ issues huma intrinsikament marbutin ma' l-ekonomija tal-pajjiż u ma tistax tifridhom. Fid-dibattitu ta' dan l-abbozz ta' liġi, fejn il-Parlament qiegħed jiġi mitlub jawtorizza lill-Gvern biex ikun jista' jissellef Lm110 miljun, żgur li se jkun hemm riferenza għal dawn iż-żewġ issues ewlenin, kif ġara l-ġimgħa li għaddiet u kif se jkompli jiġri matul il-kors tal-ġurnata tal-lum.
Dan ukoll iġibni għall-punt li, kif jaf kulħadd, il-Gvern qed jipprova bl-aktar mod oxxen jevita li jitkompla d-dibattitu li kien beda f'Ottubru li għadda dwar il-mozzjoni ta' l-Oppożizzjoni fuq ir-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea, fl-isfond ta' sħubija sħiħa. Dan il-Gvern qiegħed jipprova jaħrab milli jġib dik l-issue għal dibattitu, anke meta jaf li minn Ottubru 'l hawn il-klima fil-pajjiż hija dejjem aktar indirizzata favur li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u favur is-sistema ta' tassazzjoni introdotta mill-Gvern Nazzjonalista. Illum il-ġurnata aktar nies qegħdin jifhmu li dik is-sistema kienet aktar effettiva, aktar effikaċi u aktar ġusta. Allura żgur li dan il-Gvern ma jistax jibqa' għaddej qisu din l-atmosfera ma teżistix fil-pajjiż, qishom m'humiex qegħdin jitkellmu fuq dawn iż-żewġ issues in-nies li huma fil-constituted bodies, li għandhom rilevanza kbira fil-ħajja ekonomika u soċjali ta' pajjiżna.
L-istess nies li għandu fi ħdanu l-Gvern ukoll qed jgħidu ċertu diskors fejn juru li ma jaqblux mal-policy li jrid jibqa' għaddej biha. Meta tisma' nies minn ċerti nħawi jitkellmu b'ċertu mod, iċ-challenge għall-Gvern hija fuq policy. M'hijiex kwestjoni li bniedem m'għandux simpatija ma' bniedem ieħor imma hija kwestjoni fundamentali ta' policy. Jekk wieħed qed iħares b'mod differenti lejn dawn iż-żewġ aspetti mill-aktar importanti fil-ħajja tal-pajjiż, jista' jkun li biddel il-fehma tiegħu u jista' jkun li mill-bidu nett kien qed jaraha b'mod differenti milli kien qed jaraha l-istess Gvern. Allura ċertament li

dan huwa mument ta' pawsa biex wieħed ikun jista' jirrifletti fuq is-sitwazzjoni attwali u jaġġorna l-approach tiegħu ma' l-Oppożizzjoni, kif ukoll mal-forzi li jikkomponu l-istrutturi ta' l-ekonomija tal-pajjiż. Pero' dan il-Gvern qed jibqa' stinat u qed jibqa' miexi b'ċertu mod arroganti - għax l-aġir li qed juża ma tista' ssejjaħlu xejn ħlief arroganti - li qiegħed jipperikola l-atmosfera demokratika li kien hawn kemm fil-pajjiż, kif ukoll fl-istess Parlament.


Illum dan il-Parlament qed iħossu mċaħħad milli jesprimi l-fehmiet tad-deputati tiegħu fuq żewġ issues ewlenin li, kif għidt diġa', huma ddestinati li jibqgħu l-iktar żewġ issues importanti sa l-elezzjoni li jmiss, irid x'irid u jixtieq x'jixtieq il-Gvern. Dan l-istat ta' fatt jirrikonoxxieh kulħadd minbarra l-Gvern. Anzi jien ngħid li l-Gvern jirrikonoxxieh ukoll fl-intern tiegħu imma ma jesprimix dan l-istat ta' fatt għax jippreokkupah minħabba li jaf li l-maġġoranza tal-poplu mhux qed tifhem kif qed ikompli jostina rasu u kif qed ikompli miexi qisu fil-pajjiż m'hu qed jiġri xejn, qisu fil-pajjiż m'hawnx reżistenza għall-politika tiegħu u għall-mod kif huwa qed iħares lejn dawn iż-żewġ issues mill-iktar importanti. Illum fil-pajjiż bdew jidhru wkoll il-konsegwenzi ta' dan kollu għax peress li l-ekonomija m'hijiex qed tagħti r-riżultati mixtieqa qed jinħolqu diversi problemi, kemm fil-qasam tax-xogħol, kemm fl-investiment, kif ukoll fi żvilupp ieħor.
Madam Speaker, irridu niftakru li sa sentejn ilu, jiġifieri sa qabel l-elezzjoni li għaddiet, dan il-pajjiż kien jippreżenta stampa ħafna iktar differenti minn dik li qed jippreżenta llum. Biżżejjed ngħid li sa sentejn ilu għalkemm pajjiżna kien żgħir fir-riżorsi tiegħu, fid-daqs tiegħu u fil-popolazzjoni tiegħu, kien kbir bil-ħila li kien kapaċi jiġġenera permezz tal-kunfidenza li kellu, liema kunfidenza bniet proġetti infrastrutturali kbar, li llum il-ġurnata qegħdin hemm biex isostnu l-istess ekonomija tal-pajjiż u l-Gvern preżenti, li wisq nibża' li ħafna drabi tant ikun mehdi jiftaħar bl-affarijiet li jista' jagħmel li jinsa li dawk l-affarijiet seta' jagħmilhom biss minħabba li teżisti l-infrastruttura li kienet inbniet fi żmien il-Gvern Nazzjonalista. Hawn irrid infakkar lill-poplu wkoll fil-kritika li kien jagħmel il-Partit Laburista meta kien għadu fl-oppożizzjoni għal dik l-infrastruttura li kien bena l-Gvern Nazzjonalista, pero' llum dan irrealizza li Allaħares ma kellux dik l-infrastruttura lesta għax kieku llum il-ġurnata ma kienx ikun jista' jiftaħar bil-privatizzazzjoni u bl-iżvilupp kbir li sar fil-qasam tat-telekomunikazzjoni ta' pajjiżna, liema żvilupp imbagħad jiġġenera żvilupp ieħor.
Kif qed naraw illum dan il-Gvern inqabad f'kontradizzjoni għax filwaqt li qiegħed dejjem jattakkana li aħna konna nonfqu żżejjed, fl-istess ħin qiegħed dejjem jiftaħar b'dak li laħaq intnefaq u għalhekk is-sitwazzjoni preżenti xejn m'hi ċara. Il-messaġġi li qed iwassal dan il-Gvern qed joħolqu iktar inċertezzi, tant li minkejja li issa għaddew sena u nofs minn mindu l-Partit Laburista tela' fil-gvern, wieħed għadu mhux f'pożizzjoni li jara d-dawl at the end of the tunnel biex ikun jista' jgħid li fil-pajjiż inħolqot sitwazzjoni ġdida, jew li hawn consensus ġdid li rridu nibnu fuqu biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun tista' tikber, titkattar u tissaħħaħ. Illum pajjiżna jinsab f'din is-sitwazzjoni u bla ebda dubju mhux se nqumu minn din is-sitwazzjoni qabel ma jkun hemm soluzzjoni finali rigward l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u rigward l-aħjar sistema ta' tassazzjoni.
Issa hawnhekk jien xtaqt ngħid xi ħaġa fuq Għawdex għax l-Onor. Membri tal-Gvern, partikolarment il-Prim Ministru, iħobbu jargumentaw li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea l-iktar li se jbatu huma l-GĦawdxin. Sfortunatament meta jien nistaqsi għaliex qed jgħidu dan, qatt ma ningħata raġuni u qatt ma jinġabu l-provi pero' huwa fatt li l-Onor. Membri tal-Gvern ilhom żmien jipprovaw ipinġu lill-Unjoni Ewropea bħala xi ħaġa li tmur kontra l-interessi tagħna. U kemm jieħdu pjaċir ibeżżgħu lill-Maltin u 'l-Għawdxin, speċjalment lil dawk li jaħdmu fis-setturi tal-biedja u sajd! Jien naħseb li llum wasal iż-żmien li xi ħadd iqum u jmeri lill-Gvern billi jgħidlu: Għaliex qiegħed kull darba tagħmel dan id-diskors fieragħ? Għaliex qed tinqeda b'GĦawdex biex tpinġi r-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea fil-kontest ta' sħubija sħiħa kerha?
Jien ngħid bil-maqlub, ċioe' li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea GĦawdex igawdi on two fronts, għax minbarra li jgawdi minn dak li tgawdi Malta minħabba li Malta u GĦawdex huma pajjiż wieħed, Għawdex igawdi għal darb'oħra għax l-Unjoni Ewropea għandha pakketti ta' għajnuna li huma mmirati speċifikament lejn dawk iż-żoni li jkunu qegħdin fil-periferija. Hawn ta' min jirrimarka wkoll li peress li l-Unjoni Ewropea toffri għajnuna speċifika għal dawk iż-żoni li għandhom agrikoltura iktar attiva mill-medja nazzjonali, GĦawdex ikun jista' jibbenefika minn dan ukoll. Sur President, għalhekk l-argument li qed iġib il-Gvern, partikolarment il-Prim Ministru, ċioe' li huma l-GĦawdxin li l-iktar li se jbatu mill-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, hija biss ħrafa li u bla ebda dubju dan l-argument qed jinġieb għal propaganda rħisa għax huwa pprovat li s-sitwazzjoni hija proprjament il-kuntarju, ċioe' li jekk kemm-il darba Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea GĦawdex igawdi darbtejn, darba għaliex jifforma parti minn Malta u darb'oħra għaliex huwa żona fil-periferija tal-pajjiż.

Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   17   18   19   20   21   22   23   24   ...   232




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin