Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 283,88 Kb.
səhifə35/82
tarix10.01.2022
ölçüsü283,88 Kb.
#99998
1   ...   31   32   33   34   35   36   37   38   ...   82
ONOR. CLAUDE MUSCAT: Madam Speaker, f'dan l-intervent tiegħi ta' llejla nixtieq ngħid xi ħaġa fuq servizz li għadu m'huwiex żviluppat f'pajjiżna, anzi mhux talli m'huwiex żviluppat talli wisq nibża' li r-regolamenti li għandna ma jippermettux li dan is-servizz jiżviluppa kif suppost. Għalhekk jien naħseb li wasal iż-żmien li wieħed jistudja l-possibbilta' li dan is-servizz jieħu spinta 'l quddiem.

Madam Speaker, hawn qed nirriferi għall-bżonn li f'Malta jkollna iktar open-air cafeterias jew restaurants, speċjalment fl-inħawi turistiċi, għax preżentement dawn il-postijiet huma limitati ħafna u wieħed ma jsibx minnhom għajr fi Pjazza Reġina l-Belt u fil-bajja tax-Xlendi ġewwa GĦawdex. Hemm bżonn li f'pajjiżna jkollna iktar postijiet bħal dawn, speċjalment meta għandna t-temp jippermetti, għax postijiet bħal dawn huma apprezzati ħafna kemm mil-Maltin u wisq iktar mit-turisti. Dan li qed ngħid wieħed jista' jikkonfermah mill-attendenza li jkun hemm fl-attivitajiet li jsiru matul il-perijodu tas-sajf mil-lukandi għar-residenti tagħhom.


Jien naħseb li meta wieħed isiefer japprezza ħafna dawk iż-żoni li jkunu allokati lil xi bar jew cafeteria jew restaurant, bħalma hemm fil-belt ta' Nizza li qiegħda fuq il-kosta tan-nofs inhar ta' Franza. La qed insemmi din il-belt, naħseb li jkun tajjeb jekk ngħid li meta darba jien żort dan il-post bqajt immeraviljat għax filwaqt li filgħodu kien hemm pjazza li stħajjiltha qisa l-pitkalija peress li kienet mimlija b'bejjiegħa tal-ħaxix din l-istess pjazza filgħaxija kienet tkun mimlija b'nies jieklu u jixorbu fl-apert. Dan qed ngħidu dwar il-belt ta' Nizza li għandha l-istess kondizzjonijiet ta' temp li għandna aħna imma hawnhekk ta' min iżid li anke f'pajjiżi li ma għandhomx it-temp daqshekk favur tagħhom, bħal ngħidu aħna Brussels fil-Belġju, għandek l-opportunita' li tieħu xi kafe' jew xi xarba fl-arja aperta billi meta tinżel it-temperatura jinxtegħlu l-heaters fuq il-bankina għall-kumdita' tal-klijenti. Meta wieħed jara affarijiet bħal dawn wieħed malajr jirrealizza kemm pajjiżna huwa nieqes minn dawn it-tip ta' postijiet.
Madam Speaker, jien nemmen li anke hawn Malta għandha ssir xi ħaġa biex jinħolqu postijiet bħal dawn għax minbarra li, kif diġa' għidt, dawn il-postijiet huma mfittxija ħafna kemm min-nies tal-lokal kif ukoll mit-turisti - speċjalment fix-xhur tas-sajf - dawn jipprovdu x-xogħol għal mijiet ta' studenti matul il-perijodu tal-vaganzi. GĦalhekk jiena nissuġġerixxi li l-kunsilli lokali, speċjalment dawk li l-lokal tagħhom huwa turistiku bħal, ngħidu aħna l-Belt, Birżebbuġa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, San Ġiljan, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jieħdu l-inizjattiva ħalli flimkien ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jistudjaw dawn il-possibbiltajiet. Peress li f'Buġibba bħalissa qed isir xogħol ta' upgrading, jiena nixtieq inkun naf jekk il-kumitat li qed jieħu ħsieb dan il-proġett għandux xi pjanijiet f'dan ir-rigward. Jien ngħid li huwa fl-interess tal-kunsilli lokali stess li jinħolqu dawn iż-żoni għax dan jista' jkun mezz li jirrendilhom xi forma ta' dħul, speċjalment meta nafu kif il-Gvern preżenti naqsilhom id-budget tagħhom.
Is-sitwazzjoni llum hija tali li ftit huma dawk l-istabbilimenti li għandhom il-permessi biex joħorġu mwejjed jew siġġijiet fuq il-bankini. B'kuntrast imbagħad, hemm ferm aktar stabbilimenti li m'għandhomx dan il-permess imma għax jafu li dan is-servizz huwa mfittex ħafna, speċjalment mit-turisti, dawn xorta joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankina bir-riskju li jiġu mħarrkin mill-pulizija u bit-telf ta' ħin telgħin u niżlin il-qorti.
Madam Speaker, ġaladarba qed nitkellem fuq attivitajiet li jsiru fil-miftuħ nixtieq insemmi wkoll il-problema li qegħdin jiffaċċjaw ċerti setturi oħra nvoluti fil-kummerċ bħal, per eżempju, l-bejjiegħa tal-ħaxix u l-frott minn fuq it-trakkijiet. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-hawkers m'għandhomx il-permess biex joqogħdu f'post wieħed u allura meta fil-post li jkunu ma jkollhomx xerrejja dawn jridu bilfors jiċċaqalqu mill-post li jkunu fih. Jien naħseb li wasal iż-żmien li dan is-settur nagħtuh l-attenzjoni mistħoqqa speċjalment meta llum il-ġurnata għandna Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Self Employed, sabiex wieħed jara x'jista' ssir biex jittaffew il-problemi li dawn qegħdin jiffaċċjaw fil-preżent. Is- suġġeriment tiegħi f'dan ir-rigward huwa sabiex isir studju mil-Land Department flimkien mal-kunsilli lokali ħalli dawn il-hawkers jingħataw b'kera xi sit permanenti u li dan isir bi qbil ma' kulħadd, jiġifieri anke mar-residenti fejn il-hawker ikun sejjer jingħata dan is-sit. B'hekk dan is-settur, li huwa importanti wkoll għall-ekonomija tagħna, jkun jista' jkompli jagħti servizz kif ukoll dawk li joperaw fih ikunu jisgħu jaħdmu u jaqalgħu l-għixien tiegħhom b'inqas inkwiet. Grazzi, Madam Speaker.

Yüklə 283,88 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   31   32   33   34   35   36   37   38   ...   82




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin