Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 283,88 Kb.
səhifə36/82
tarix10.01.2022
ölçüsü283,88 Kb.
#99998
1   ...   32   33   34   35   36   37   38   39   ...   82
MADAM SPEAKER: Grazz. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, Artiklu 20 tal-Kostituzzjoni ta' Malta jgħid li l-Gvern għandu d-dmir li jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' koperativi. Iżjed minn xprun ta' inċentiv, il-koperativi huma organizzazzjonijiet li jgħinu lill-ħaddiema jwettqu ħidmiethom f'ambjent li jixraq lill-bniedem. Koperativa hija xirka ta' nies li bil-ħila u bl-inizjattiva tagħhom jaħdmu lkoll flimkien f'għaqda u f'solidarjeta' biex imexxu prodott jew servizz u fl-istess ħin ikunu qed jgħinu l-ġid komuni. Il-Kostituzzjoni mhijiex qiegħda hemm sempliċement biex naqrawha u lanqas m'hi xi dizjunarju imma hija miklem li kulħadd irid jimxi fuqu f'għaqda sħiħa sabiex il-pajjiż jimxi 'l quddiem.
Dawk li huma f'koperativa huma kemm ħaddiema mal-koperativa kif ukoll wkoll is-sidien ta' dik il-koperativa. Ħaġa oħra hija li għall-koperativa l-għan soċjali huwa iktar importanti mill-għan ibbażat fuq il-qligħ. Issa f'pajjiżna hawn ħafna nies interessati fil-qasam tal-koperativi u kien għalhekk li l-Gvern Nazzjonalista emmen ħafna f'dan il-prinċipju u ħa diversi miżuri biex il-moviment koperativ ikompli jissaħħaħ. Filwaqt li qabel koperativa aktarx kienet tiġi assoċjata mal-qasam tal-biedja u s-sajd, il-Gvern Nazzjonalista firex dan il-konċett f'oqsma oħra billi twaqqfu koperativi tal-burdnara, tal-furnara, tal-minibuses, ta' l-accountants u l-managers u dan għamilnih għax aħna emminna li l-koperativi jistgħu jkunu wieħed mis-sisien ta' l-ekonomija tagħna. Il-Gvern Nazzjonalista tant emmen f'dan il-moviment tal-koperativi li kien ħa miżura biex il-qligħ tal-koperativi beda jiġi eżentat mit-taxxa tad-dħul kuntrarju għal każ ta' l-limited liability company li trid tħallas it-taxxa tad-dħul.
Miżura oħra li kienet saret kienet fir-rigward tal-ħlas tal-bolla, fejn il-Gvern beda joħroġ nofs il-bolla tal-bdiewa u s-sajjieda full-time li huma msieħba f'koperativi biex b'hekk, apparti li ngħatat għajnuna lil dawn l-oqsma partikolari, jsaħħaħ il-moviment koperattiv.
Kien ukoll sar tibdil fir-regolamenti li jikkonċernaw il-bord ċentrali tal-koperativi biex fejn qabel il-maġġoranza tal-membri tiegħu kienu appuntati mill-gvern din il-maġġoranza għaddiet għand il-membri tal-korperattivi biex b'hekk dawn setgħu jikkontrollaw il-bord huma stess.
Il-Gvern ta' qabel ħa passi biex dik il-parti tal-Liġi tal-Koperativi li titkellem dwar dik li tissejjaħ "Apex", u jiġifieri koperativa li tiġbor fiha l-koperativi l-oħra kollha - li kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fil-fatt tidħol fis-seħħ biex b'hekk, għall-ewwel darba, Malta setgħet tkun aċċettata fl-assoċjazzjoni internazzjonali tal-koperativi li għandha madwar 800 miljun membru f'207 organizzazzjonijiet minn 90 pajjiż.
Pass ieħor importanti li għamel il-Gvern ta' qabel kien it-twaqqif ta' unit li joffri appoġġ lill-koperativi li permezz ta' dan il-unit beda jingħata servizz ta' pariri b'xejn lill-membri tal-koperativi. Aħna dehrilna li l-għajnuna lill-koperativi m'għandix tingħata biss fi flus imma anke f'dawk li huma pariri u servizzi oħra bħal dawn.
Il-Gvern preċedenti kien qal: Għaliex dan il-konċett m'għandniex inkompluh ukoll fl-iskejjel? L-għan kien li minbarra li t-tfal ikunu aktar magħquda dan iservi wkoll biex 'l quddiem dawn it-tfal isibuha aktar faċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Kien propriju għalhekk li ġie mniedi l-proġett SCOOPS, jiġifieri school coperatives, li bih it-tfal ta' l-iskejjel ġew organizzati biex bdew jagħmlu xi xogħol żgħir. Jien nista' ngħid li dan il-proġett irnexxa għax instab li kull wieħed mit-tfal għandu t-talenti tiegħu u b'dan il-mod huma segħu jgħaddu t-talenti tagħhom lil xulxin.
Twaqqaf ukoll il-kumitat konsultattiv tal-koperativi li kien magħmul minn entijiet soċjali li għandhom x'jaqsmu mas-servizz pubbliku.

Għall-ewwel darba f'Malta waqqafna koperativa bejn il-ħaddiema fil-garaxx tal-Gvern liema koperativa bdiet tagħti s-servizzi tagħha lill-kunsilli lokali u jirriżulta li l-membri tagħha għamlu qligħ sostanzjali.


Jidher li f'dawn l-aħħar sitt xhur ħafna minn dawn l-inizjattivi sfortunatament spiċċaw fix-xejn għax il-Gvern tal-lum ifforma biss tliet koperativi li l-ħidma fuq it-twaqqif tagħhom kienet kważi lesta mill-Gvern ta' qabel. Jirriżulta wkoll li ħafna nies li setgħu taw sehemhom fil-moviment koperativ ġew imwarrba mhux mill-Ministru konċernat imma minn xi ħaddieħor. Dan kien dnub għaliex illum qegħdin naraw il-moviment koperativ tant sejjer lura li jidher li Gvern lanqas kien intebaħ li jeżisti d-Dipartiment tal-Koperativi qabel nofs Frar li għadda meta f'daqqa waħda deher avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li ndika t-tali ministru bħala responsabbli għall-koperativi. Kif jista' jkun li Gvern lanqas ikun jaf li għandna l-moviment koperativ! Meta jien għamilt din id-domanda lill-Prim Ministru t-tweġiba kienet li t-tali Ministru kien de facto responsabbli mill-koperattivi. Kieku l-Gvern kien wieħed serju kien ikun jaf x'inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu! Jekk tassew irridu ndaħħlu l-parteċipazzjoni vera f'dan il-pajjiż jeħtieġ li l-ħidma fost il-koperativi tkompli f'kull qasam u mhux tiġi abbandunata minn ministeru li donnu lanqas biss jaf fejn qiegħed. Dan l-aspett qed narawh anke fil-mod kif qed jiġu mwieġba l-mistoqsijiet li jsiru hawn ġew fejn mhix qed tingħata informazzjoni imma qegħdin il-ħin kollu joħorġu stqarrijiet kontra tweġibiet u diskors li jkun għamel il-Ministru. Jiena jisgħobbija li wara ħidma kbira tul ħames snin sħaħ issa bil-mod il-mod dawn mhux talli qed ikissru l-moviment koperativ imma se jġibuh fix-xejn u dan meta l-koperativi huma għal qalb ħafna Maltin. Grazzi.

Yüklə 283,88 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   32   33   34   35   36   37   38   39   ...   82




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin