Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 283,88 Kb.
səhifə37/82
tarix10.01.2022
ölçüsü283,88 Kb.
#99998
1   ...   33   34   35   36   37   38   39   40   ...   82
MADAM SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Tony Abela.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, jien ma nistax ma nsemmix in-nuqqas serju ta' meta naħa tal-Kamra tkun taf li xi membru min-naħa l-oħra huwa marid ma jintużax l-etikett billi jekk ikun hemm bżonn bniedem għandu jibqa' pass lura u ma joqgħodx ifittex il-punto e virgola. Aħna naċċettaw ir-ruling li tagħti s-Sinjorija Tiegħek, pero' mil-banda l-oħra ma nistgħux ma nawgurawx fejqan ta' malajr lill-Onor. Eddie Fenech Adami kif ukoll li nirringrazzjawh talli kontra l-parir tat-tabib tiegħu ġie hawnhekk biex jaqdi dmiru lejn il-poplu u b'hekk ma jagħtix lok li l-Gvern jipprova jrazzan id-drittijiet li għandu kull membru ta' din il-Kamra. Issa ħalli niġi għal xi ħaġa differenti minn dan.
Madam Speaker, il-banek Maltin kull sena joħorġu rapporti tagħhom fejn jgħidu, fost affarijiet oħra, kemm qalgħu miljuni u kemm ix-shares tagħhom żdiedu fil-valur tagħhom. Sfortunatament jien smajt li biex jagħmel qligħ akbar, b'seħħ minn nhar il-Ħamis li ġej, il-Mid Med Bank qed jimponi li dawk li m'għandhomx kont kurrenti u jridu jħallsu xi kontijiet billi jużaw bank draft - anke għax xi kultant hekk titlob il-liġi - għandhom iħallsu Lm1, liema ħlas sas-sena l-oħra kien ta' 25c li mbagħad kien żdied għal 30c. L-istess bank qed jgħid ukoll li jekk bniedem jagħmel query fuq il-kont tiegħu u jinstab li dak li jkun ma jkollux raġun dan se jkollu jħallas is-somma ta' Lm2 għal dik il-query. L-istess bank qed jgħid ukoll li jekk bniedem ikun jabita f'ċertu area, allura l-bank qed jippretendi li dan l-individwu għandu jżomm il-kontijiet tiegħu fil-branch ta' dik l-area. Jiena ma nħossx li din hija xi ħaġa tajba għaliex spiss jiġri li meta bniedem ikollu kont bankarju, mingħajr ma jrid u kultant anke minħabba l-mod kif huwa jagħmel in-negozju tiegħu, jinħoloq ċertu rapport bejnu u bejn il-manager u l-istaff tal-branch li fih ikollu l-kont tiegħu. Allura jaf jiġri li jekk dan il-bniedem ikollu opinjoni differenti jew karattru differenti minn min ikun qed imexxi l-branch tal-lokalita' tiegħu dan se jsib ruħu f'pożizzjoni li jew irid ibiddel il-bank jew inkella, jekk ma jkunx jista' jinqeda, jżomm il-flus taħt il-maduma!
Madam Speaker, l-ewwel punt li rrid nagħmel huwa li l-Gvern stess jitlob li ċerti ħlasijiet li jridu jsiru lilu, speċjalment lill-Commissioner of Inland Revenue f'kuntratti u f'mod ieħor, għandhom isiru permezz ta' bank draft, biex imbagħad min-nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla - għaliex il-Ħamis se tkun festa - lil kull min se jmur jagħmel bank draft għand il-Mid-Med Bank dan se jżidlu l-ammont ta' charges bi 333%. Fl-opinjoni tiegħi, din hija sitwazzjoni li għandha tiġi riveduta mill-aktar fis possibbli.
It-tieni punt li rrid inqajjem hu li nhar it-Tnejn wara nofsinhar mort sa Tas-Sliema fejn rajt li l-car-park reġa' qiegħed miftuħ u dan f'ġieħ l-omnipotenza u t-tolleranza tal-Planning Authority! Il-ġimgħa l-oħra ħadt pjaċir nara f'gazzetta partikolari ritratt tas-sid tal-kumpannija li bniet il-car-park ixejjer minn ġol-karozza tiegħu għaliex il-car-park reġa' nfetaħ. Jien nispera li ma jerġax ikun hemm xi persuna li terġa' tipprova tagħmlilna xi ċajta ta' l-ewwel ta' April billi terġa' tagħlaq dan l-imbierek car-park f'Tas-Sliema! Ta' min jgħid ukoll li filwaqt li dan il-car-park kien għadu magħluq, tliet kwarti tan-naħa ta' Tower Road, Bisazza Street, Tigne' Street u postijiet oħra f'Tas-Sliema għamlulhom id-double yellow lines u minħabba f'hekk kif ukoll minħabba l-konferenza wieħed ma setax jipparkja. Kif diġa' għidt, peress li dan il-car-park kien magħluq biex wieħed imur Tas-Sliema kellu jew jipparkja Tigne' ġewwa nett jew inkella jħalli l-karozza f'post ieħor u jidħol sal-parti ċentrali ta' Tas-Sliema, bix-xarabank. Madam Speaker, jiena ngħid li n-nies li bnew il-car-park - u nies oħra bħalhom - ma ħaqqhomx min jagħlqilhom il-bieb f'wiċċhom imma ħaqqhom tifħir u minn hawn ngħid li min fil-Planning Authority għalaq dan il-car-park għal darba, tnejn u tlieta ħaqqu l-kundanna ta' kull Malti għaliex dawn, jew bi qżież jew għal xi raġuni oħra, qegħdin iżommu lill-Maltin li għandhom mentalita' ta' intrapriża milli jagħtu servizz lill-poplu kemm bl-ideat tagħhom kif ukoll bi flushom.
Madam Speaker, it-tielet punt li xtaqt inqajjem huwa li ftit wara l-ftuħ ta' dan il-Parlament kont għamilt diversi domandi lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni fejn indikajt li l-Manikata, li taqa' taħt il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, tinsab fi stadju prekarju f'dak li għandu x'jaqsam ma' infrastruttura. Għal domanda minnhom il-Ministru Buhagiar weġibni li ċerta triq ma setgħetx issir minħabba li l-angolu tal-pendil tat-telgħa li tlabt biex tiġi rranġata kien iżjed milli suppost ikun. Fil-fatt dan m'huwiex minnu għax meta qabbadt nies - bi spejjeż tiegħi - sabiex ikejlu kemm jiġi l-angolu ta' din it-triq vis a vis t-triq l-oħra, irriżulta li t-triq li tagħti minn Manikata Road għal Triq Mejjiesa bħala angolu hija wisq iżjed baxxa mit-triq li hemm fil-wied li jagħti minn ħdejn il-pumping station għal ħdejn l-iskola tal-Mellieħa. Dan huwa raħal żgħir ta' bdiewa u kulma qegħdin jitolbu dawn ir-residenti hu li biex jgħaddu minn dawn it-toroq m'għandux bilfors ikollhom xi Land Rover. Dawn jixtiequ li t-toroq ma jkunux skond id-daqqa tal-lum - qed insibu l-ħofor kullimkien! - u qegħdin jitolbu li dawn jitranġaw, titranġa l-wesgħa li hemm fi Triq il-Knisja l-Qadima u li tiġi rranġata wkoll il-pjazza li hemm quddiem il-knisja. Dan mhux xi xogħol kbir u għalhekk nitlob lill-Ministru biex meta jitlesta x-xogħol li qed isir f'Buġibba jibgħat lil dawk il-500 ruħ jew 600 ruħ biex jagħmlu x-xogħol li hemm bżonn isir fil-Manikata. Jiena ninsab żgur li fi tlett ijiem dawn kapaċi jlestu x-xogħol kollu għax fil-fehma tiegħi lanqas ġimgħa xogħol m'hemm. Għalkemm dan huwa post żgħir ninsab ċert li ladarba jiġi rranġat dan ir-raħal jista' jkun xempju ta' kif għandhom ikunu t-toroq fagħna.
Madam Speaker, punt ieħor li rrid nagħmel huwa rigward il-hawkers tal-ħaxix fejn naqbel ħafna ma' dak li għadu kif qal l-Onor. Claude Muscat, jiġifieri li hemm bżonn tispiċċa d-diskriminazzjoni li qed issir fejn b'atteġjament politiku ċerti nies jitħallew ibiegħu filwaqt li oħrajn qegħdin jitkeċċew minkejja li kollha ma jkollhomx permess ta' fixed hawkers. Fir-Rabat u fil-kumplament ta' dak id-distrett hemm min jagħmel dan it-ttip ta' xogħol u jiena jidhirli li sakemm wieħed iżomm il-post fejn ikun nadif dan ma jkun qed jagħmel xejn ħażin ħlief li jsebbaħ b'dik il-wirja ta' frott sabiħ. Jekk il-pulizija se toqgħod tissikka fuq dawn l-affarijiet aħna nafu li hemm ħafna nuqqasijiet oħra x'tara. Per eżempju, ftit ilu bniedem ġie mtella' l-qorti u ssentenzjat għax, skond il-pulizija, volontarjament ikkawża iżjed minn Lm50 spejjeż fuq karrozza ta' ħaddieħor. L-istess spettur li tella' lil dan il-bniedem imbagħad naqas milli jtella' l-qorti wkoll lil dik il-persuna li sofriet l-ispjejjeż meta din ipproduċiet l-irċevuti bla VAT. Pero' aħna nafu li dik il-persuna li pproduċiet l-irċevuti bla VAT għandha lil xi ħadd jiġi minnha fil-Pulizija. Mela minkejja li Mr "X" offra li l-ispejjeż li kien għamel f'dik il-vettura jitranġaw a spejjeż tiegħu b'inqas minn Lm50 - jiġifieri ma kienx hemm il-każ li dan jittella' l-qorti - xorta waħda ttieħdu passi kontra tiegħu, mentri lil min ipproduċa l-irċevuti mingħajr VAT ma ttieħdu ebda passi bil-qorti kontra tiegħu. Qed insemmi dan il-każ għax huwa każ li diġa' nqata'. Dan juri li sfortunatament f'ħafna każijiet mhux qed issir ġustizzja kif suppost. Jekk il-Kummissarju jistaqsini biex ngħidlu min hu l-ispettur konċernat jien mhux se ninkwieta biex ngħidlu anzi lest li ngħidlu barra minn din il-Kamra biex jekk għandu jieħu xi azzjoni kontra xi ħadd jeħodha.
Jien naħseb li fuq dawn il-punti żgħar li semmejt f'dawn l-għaxar minuti li kelli għad-dispożizzjoni tiegħi għandhom jittieħdu passi immedjati, speċjalment rigward ir-reviżjoni tal-bank charges li se jiġu ntrodotti mil-ġimgħa d-dieħla,. Aħna ngħidu lin-nies biex iħallsu l-kontijiet tagħhom lill-Gvern permezz ta' bank drafts biex issa l-bank se jimponi fuqhom taxxa ġdida ta' 300% u iżjed milli kienu jħallsu qabel! Grazzi, Madam Speaker.

Yüklə 283,88 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   33   34   35   36   37   38   39   40   ...   82




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin