4676. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn il-Business Plan tal-MSU għal 1997 għadu ma ġiex ippubblikat minkejja li dan kien targeted li joħroġ fi Frar 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Kopja tal-Business Plan tal-Management Systems Unit Ltd għas-sena 1997 tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-seduta
MSU - BUSINESS PLAN
4677. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jispjega x'ġara mill-Inizjattivi Nazzjonali bħal New Age Training u Value Added Networks li ssemmew fil-Business Plan ta' l-MSU għall-1996? X'sar xogħol fuq dawn l-inizjattivi minn Ottubru 1996 sal-lum?
ONOR. ALFRED SANT: New Age Training New Age Training m'hijiex kumpannija tal-Gvern iżda hija inizjattiva li tinvolvi l-MSU bħala wieħed mix-share holders. Fl-1996 ġiet imwaqqfa din il-kumpannija bħala joint venture bejn 14-il-kumpanija ta' l-Informatika. New Age għandha l-Bord tad-Diretturi u l-management tagħha li qed jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom. Dawn il-pjanijiet jikkonsistu filli jsawru l-dan iċ-ċentru f'wieħed li joffri l-ogħla livell ta' korsijiet fil-kamp tat-teknoloija minħabba li f'Malta neqsin ħafna minn dawn it-tip ta' korsijiet.
Tajjeb wieħed jgħid li New Age Training, bħala kumpannija, kienet biss ta' l-isem għax il-kontribut kollu ta' l-MSU f'dak iż-żmien kien ta' Lm1,500, li jirrappreżenta 20% ta' l-ishma. Taħt Gvern Laburista, permezz ta' l-MSU, din il-kumpannija qed tingħata spinta 'l quddiem, u l-kapital tax-share holders kollha se jiżdied. Għaldaqstant, din l-inizjattiva se tkompli b'mod biex New Age topera bl-iżjed mod effettiv, biex sa fl-aħħar tibda tipparteċipa wkoll fit-taħriġ. B'dan il-mod tista tilħaq l-għan ewlieni tagħha.
Value Added Networks Bħalma jaf l-Onor. Membru, il-Value Added Networks kienet biss inizjattiva li ssemmiet mill-amministrazzjoni preċedenti u ma sar kważi xejn xogħol fuqha sakemm ħa l-kariga Gvern Laburista. Sa dak iż-żmien din kienet biss ħolma, u xejn konkret. Issa l-MSU ħadet l-inizjattiva biex tiddiskuti l-possibbilta' li jkun hemm alleanza mal-Korporazzjoni Telemalta biex flimkien jaħdmu id f'id ħalli din l-inizjattiva ssir realta' u tiġi implimentata.
Dan is-suġġett ġie diskuss ukoll mill-Kumitat li rreveda n-National Strategy for Information Technology u ġie nkluż fir-rapport li ħareġ dan il-kumitat.