Debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 1,42 Mb.
səhifə4/18
tarix30.01.2018
ölçüsü1,42 Mb.
#41308
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18

Nefqa Rikorrenti
In-Nefqa Rikorrenti telgħet bi Lm23.1 miljun iżjed milli kien maħsub għal Lm475.4 miljun. Din iż-żieda fin-Nefqa Rikorrenti, flimkien ma’ żieda oħra ta’ Lm2.4 miljun l-iżjed għall-ħlas ta’ interessi fuq self pubbliku qawwi, ġiet imtaffija b’infiq anqas taħt il-voti kapitali ta’ Lm16 miljun minn dak li kien stmat fil-Budget għall-1996, li seħħ bla konnessjoni mal-bidla fil-gvern - dan it-tnaqqis kien seħħ qabel.
Ammont ta’ Lm9.4 miljun miż-żieda fin-nefqa rikorrenti kien dovut għal ħlas ta’ arretrati ta’ salarji li laħqu s-Lm6.7 miljun, u Lm1.5 miljun għar-reviżjonijiet ta’ allowances.
Programmi u Inizjattivi
Żieda oħra qawwija fl-infiq kontra dak li ġie stmat kienet dik ta’ Lm7.9 miljun fi programmi u inizjattivi. Minn dan l-ammont, Lm3.6 miljun marru fi ħlas ta’ arretrati fil-pensjonijiet. Dan seta’ ġie previst ħalli l-kalkolu ta’ l-iżbilanċ għall-1996 ikun iżjed qrib is-sewwa.
Il-benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali kontributorja telgħu minn total oriġinarjament stmat ta’ Lm111.8 miljun għal Lm113.4 miljun; filwaqt li l-benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali mhux kontributorja telgħu minn Lm24.8 miljun għal Lm26.6 miljun.
Kellha titħallas żieda ta’ Lm1.4 miljun aktar mill-allokazzjoni oriġinarjament approvata ta’ Lm4.9 miljun f’kontribuzzjoni għall-iffinanzjar ta’ l-Iskejjel tal-Knisja taħt il-Ftehim ta’ l-1991. Hemm talbiet ta’ aktar minn Lm2 miljun mill-Knisja li tgħid li ma tħallsux lilha bejn l-1991 u l-1996.
Saret kontribuzzjoni oħra qawwija ta’ Lm4.9 miljun matul is-sena biex tittaffa ż-żieda fil-prezzijiet taċ-ċereali fis-swieq internazzjonali. Dan kellu jagħmel tajjeb għalih il-Gvern ta' qabel b’sussidju biex l-effetti ma jgħaddux fuq il-konsumatur.
Kontribuzzjonijiet lill-Entijiet

Governattivi
Il-kontribuzzjonijiet lill-Entijiet Governattivi telgħu bi Lm2.7 miljun iżjed milli kien stmat. Miljun lira tħallsu bħala spejjeż addizzjonali lill-Kummissjoni Elettorali b’konnessjoni ma’ l-elezzjonijiet ġenerali t’Ottubru li għadda u Lm1.2 miljun tħallsu lill-Universita` f’arretrati lill-istaff mhux akkademiku u għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
L-għotja oriġinali ta’ Lm10 miljun li kienet approvata għall-Korporazzjoni tas-Servizzi ta’ l-Ilma kellha tiżdied b’Lm1.8 miljun oħra. Din il-Korporazzjoni spiċċat għalqet is-sena finanzjarja tagħha f’Settembru tagħżel bejn jew tħallas il-kredituri tagħha, prinċipalment il-Gvern stess, jew tħallas il-pagi u s-salarji lill-impjegati tagħha.
L-ispejjeż rikorrenti biex jitħallsu l-imgħaxijiet u l-pagamenti żdiedu bi Lm2.3 miljun.
Infiq Kapitali
L-Infiq Kapitali fl-1996 niżel għal Lm73.6 miljun minn stima oriġinali ta’ Lm89.6 miljun. Diġa’ għidt li dan sar matul is-sena u għal raġunijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-bidla fil-Gvern. Fost l-infiq inqas kien hemm Lm3.5 miljun fuq il-proġett ta’ l-Isptar San Raffaele u Lm600,000 fuq l-immodernizzar ta’ l-Isptar San Luqa minbarra Lm100,000 oħra fuq xiri ta’ tagħmir għall-istess Sptar.
Kien hemm ukoll infiq anqas taħt il-vot kapitali tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni fejn ammont ta’ Lm283,000 ma ntefaqx fil-programm ta’ titjib u kostruzzjoni fl-iskejjel ta’ l-Istat.
Mill-allokazzjoni oriġinali ta’ Lm2 miljun għall-introduzzjoni ta’ l-Informatika fl-iskejjel primarji, ma ntefqux Lm800,000.
Taħt il-Vot Kapitali tal-Ministeru tal-Finanzi kien mistenni jsir infiq aktar ta’ Lm1.2 miljun għall-Malta Shipbuilding.
Iż-żieda fl-infiq hawnhekk kienet imtaffija b’għotjiet anqas mill-Fond Konsolidat lill-Malta Drydocks taħt il-Ftehim ta’ l-1989. Madankollu saru avvanzi biex jitħallsu l-pagi u salarji ta’ l-impjegati tat-Tarzna mit-Treasury Clearance Fund. Dawn il-pagamenti ma jidhrux direttament fin-Nefqa Pubblika. GĦall-1996 inħarġu Lm10 miljun għal dan il-għan.
L-ammont ta’ Lm1.3 miljun allokat bħala sussidju għal xiri ta’ karrozzi tal-linja ġodda bħala parti minn proġett akbar ta’ tibdil tat-trasport pubbliku ma ntużax.
Taħt il-Vot Kapitali tat-Turiżmu ammont ta’ Lm500,000 baqa’ mhux utilizzat minħabba li fatturi minn operaturi turistiċi li permess tagħhom jintalab rifużjoni ta’ nfiq taħt it-Tour Operators Support Scheme ma waslux fil-ħin biex jitħallsu sa l-aħħar tas-sena għalkemm jitħallsu fl-1997.
Tabella Numru 1, (ara tabella nru 1 annessa) li nitlob lill-Kamra tieħu bħala moqrija, fiha stqarrija finanzjarja tal-Fond Konsolidat li fih hemm paragun bejn id-Dħul u l-Infiq ta’ l-1996 kif kienu oriġinarjament stmati u kif inhuma riveduti. Barra minn hekk qed tingħata spjega tad-differenza bejn l-istimi oriġinali u dawk riveduti fl-istatements annessi ma’ dan id-Diskors.
EntijIEt Pubbliċi
Kif fissirt qabel ma nistgħux nitkellmu fuq il-fondi pubbliċi mingħajr ma nqisu l-operat ta’ l-entijiet pubbliċi. Issa se nitkellem fil-qosor dwar x’uħud speċifikament, għalkemm diġa’ saru xi riferenzi għalihom qabel.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma
L-investiment f’dan is-settur prijoritarju, li ilu sejjer, iqum ħafna u jenħtieġ finanzjament għali. Sa l-aħħar ta’ Settembru 1996, l-ammont ta’ self tal-Korporazzjoni mill-banek kien ta’ Lm28.5 miljun, li jfisser pagament ta’ madwar Lm2 miljun fis-sena bħala imgħax. F’erba’ snin il-Gvern għadda s-somma totali ta’ Lm64 miljun f’sussidju. Kull sena, il-Korporazzjoni rreġistrat telf.
Jenħtieġ titħejja strateġija biex fi żmien meqjus jitnaqqsu l-ispejjeż rikorrenti tal-Korporazzjoni. Qed jiġi ppjanat li x-xogħol ta’ manutenzjoni ta’ l-impjanti tar-Reverse Osmosis jibda jsir mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni stess.
Il-Korporazzjoni Enemalta
Minn sena għall-oħra d-diviżjonijiet ta’ l-elettriku u tal-gas ta’ l-Enemalta qegħdin joperaw b’telf konsiderevoli. Hu meħtieġ li jiġi studjat kif tista’ tiġi ndirizzata din is-sitwazzjoni li qed tkun ta’ dannu għall-Korporazzjoni u ta’ piż għall-pajjiż kollu.
L-Enemalta għandha obbligi kbar għall-pagament ta’ imgħax u kapital. Dan, flimkien ma’ problemi ta’ cashflow li jridu u sejrin jiġu indirizzati, jissikka sewwa lill-Korporazzjoni biex tonora l-obbligi ta’ ħlasijiet fil-ħin ta’ dak li hu dovut lejn il-kaxxa ta’ Malta.
L-Awtorita' tad-Djar
Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, fil-qasam tad-djar sar ħafna xogħol b’ritmu li f’dawn l-aħħar snin ma nżammx.
L-Awtorita` tad-Djar għad għandha madwar 4,500 applikazzjoni quddiemha.
Taħt l-Amministrazzjoni preżenti, l-Awtorita', waqt li tħaddem l-iskemi li kellha, beħsiebha tippjana skemi u kriterji li jirriflettu aħjar il-qagħda tal-lum fil-kontest ta’ ħtiġiet soċjali reali.
Il-Korporazzjoni Telemalta
Il-Korporazzjoni Telemalta, li twaqqfet fl-1975, għamlet snin timxi ’l quddiem.
Il-mod kif ittieħdet id-deċiżjoni, f’Ġunju tas-sena l-oħra, rigward it-tnaqqis fit-tariffi, ma kienx maħsub sewwa. It-Telemalta daħlet ukoll għal inizjattivi mhux misjurin bizzejjed.
It-taxxa tal-VAT kienet fattur ieħor li laqtet lill-Korporazzjoni, speċjalment fuq telefonati magħmula permezz tas-servizz tat-telecell, minħabba l-ftehim xejn feliċi għall-Korporazzjoni mal-kumpannija.
Il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp
Matul dawn l-aħħar 25 sena, il-Korporazzjoni mxiet skond il-politika tal-Gvern tal-ġurnata.
L-amministrazzjoni preżenti għandha x-xogħol li, bla ebda telf ta’ żmien, tpoġġi lill-Korporazzjoni fid-direzzjoni adattata għaliha skond il-politika tal-Gvern u ċ-ċirkostanzi tal-lum. Dan għandu jiġi rifless fil-programm li qed jitħejja għas-snin li ġejjin li permezz tiegħu jiġu razzjonalizzati l-miri u l-attivitajiet ta’ din l-istituzzjoni li tibqa’ hekk importanti meta tqis ir-rwol fundamentali li l-investiment għandu fit-tkattir ta’ l-impjiegi u l-ġid għall-ġejjieni.
Il-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ
Skond ir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni għall-1995/1996, 2,242 persuna, jew 40 fil-mija ta’ dawk li jirreġistraw għax-xogħol, ilhom qiegħda għal iżjed minn sena. Jidher li l-Korporazzjoni għandha bżonn tindirizza din il-kategorija ta’ reġistranti b’mod aktar studjat biex tgħinhom jottjenu snajja’ iżjed adatti għall-ħtiġiet li d-dinja tax-xogħol qed titlob illum. L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol u għandhom iżjed minn 50 sena jew ibatu minn xi diżabilita`.
Il-Freeport
Il-Port Ħieles hu frott ta’ l-investiment u l-ippjanar li saru matul dawn l-aħħar 20 sena biex jiġi sfruttat riżors ewlieni tagħna, il-lokazzjoni tal-gżejjer Maltin f’nofs il-Mediterran. Minkejja dan il-fattur u minkejja l-investimenti li saru u ġew kommessi, il-ħidma li trid issir biex inżommu l-kompetittivita' tagħna f’qasam dejjem iżjed akkanit, hi kbira tabilħaqq.
GĦal dan il-għan iridu jkomplu jiġu mobilizzati u mtejba r-riżorsi kollha mdaħħla fl-operat. Hu dan il-ħsieb li fittxet li tnissel mill-ewwel din l-amministrazzjoni, b’żieda ma’ dak li sar fl-imgħoddi minn dawk ta’ qabilha.
L-ewwel prijoritajiet jridu jkunu li jintużaw faċilitajiet mhux użati biżżejjed, li jrid ikun hemm iżjed marketing u, wkoll, irbit ma’ l-isforz iżjed wiesa’ għall-iżvilupp industrijali tagħna.
Il-Port Ħieles irid jgħasses b’mod viġilanti u b’metodi moderni biex ma jkunx hemm min jaħseb li jista’ jabbuża min-natura bażika tiegħu. Il-Gvern irid isostni l-isforz għat-twettiq ta’ dawn il-miri bl-aħjar mod possibbli.
Posta Ltd
Id-Dipartiment tal-Posta nbidel f’Posta Ltd fl-1 ta’ Ottubru 1995.
Sa l-aħħar ta’ l-1996 il-Kumpannija kienet diġa' fi stat finanzjarju li jitlob eżami kritiku.
Id-deċiżjoni tax-xiri ta’ ċentru f’Ħal-Qormi mingħajr ma ħarġet tender huwa eżempju tan-nuqqas ta’ kontabilita' li tista’ tiżviluppa meta ma jkunx hemm is-salvagwardji meħtieġa dwar l-użu ta’ flus il-poplu.
Wara l-bidla tal-Gvern sar magħruf li f’kuntratt li Posta Ltd għamlet għal ġarr ta’ bulk mail, intilfu f’sena waħda kważi miljun lira.
Dawn it-transazzjonijiet juru li jrid isir aktar ħsieb kif l-interessi pubbliċi jistgħu jiġu mħarsa.
Management Systems Unit
L-iżvilupp u implimentazzjoni tal-ħtiġiet ta’ teknoloġija ta’ l-Informatika fil-Gvern kien qasam ieħor li tħalla għaddej bla kontroll. Il-Management Systems Unit twaqqfet bħala kumpannija. Din kibret f’istituzzjoni b’mhux anqas minn 480 impjegat li minnhom 65 kienu barranin. Bejniethom dawn il-barranin, li mhux kollha kienu meħtieġa, kienu jieħdu kważi 35 fil-mija tas-salarji mħallsa mill-Kumpanija. L-operat tal-MSU fil-Gvern kiber u nfirex tali mod li mhux faċli li tirrazzjonalizza malajr. Iżda jrid ikun hemm riapprezzament raġunat fuq firxa ta’ żmien ħalli dal-mekkaniżmu jinżamm li hemm tajjeb fih u jiġi wżat aħjar.
It-Tarzna
Il-problemi tat-Tarzna f’dawn l-aħħar snin komplew kibru, mhux naqsu. Il-Gvern Laburista jagħraf li jrid ikun hemm bidu ġdid imsejjes fuq premessi ċari. Malta għandu jkollha tarzna effettiva u kompetittiva biżżejjed fejn it-tradizzjoni u l-kultura marittima jiffjorixxu. GĦandu jkun hemm forma ta’ demokrazija industrijali li tikkontribwixxi għall-aħjar triq ’il quddiem. GĦandu jkun hemm management professjonali u sod, marketing professjonali u qawwi, sistemi serji ta’ costings u kontrolli finanzjarji. Kulħadd irid jagħti sehmu biex it-Tarzna ma tibqax il-piż li saret.
Il-Gvern preżenti diġa’ għamel pubblika l-intenzjoni tiegħu dwar dan is-settur. It-twaqqif wara konsultazzjoni mifruxa tat-Task Force, hu biss l-ewwel pass. Irid iwassal għall-oħrajn, meqjusa u determinanti; għal pjani konkreti; għall-bidu tas-soluzzjoni.
Ma rridux nilludu ruħna; m’hemm l-ebda soluzzjoni ħafifa biex tirrisolvi d-diffikultajiet. Iżda lanqas ma nistgħu nħallu l-affarijiet kif inhuma jew ikomplu sejrin għall-agħar. Il-qagħda finanzjarja ħażina li jinsab fiha s-settur pubbliku tinkludi l-fattur tat-Tarzna. Is-soluzzjoni tal-qagħda finanzjarja pubblika trid tinkludi wkoll lit-Tarzna.
Il-Ġejjieni
Il-Gvern beda analiżi kritika ta’ l-andament ta’ kull intrapriża tal-poplu. Dan għandu jwassal biex tibda l-kura meħtieġa li, bħal kull intervent ieħor, tista’ għall-bidu ddejjaq lil xi wħud. Iżda s-serjeta' hekk titlob.
Li jkun hemm direttur-ħaddiem fuq il-bordijiet tal-korporazzjonijiet, kif qed jippromwovi dan il-Gvern, għandu jkun fattur li jgħin ukoll biex ikun hemm tmexxija aħjar għall-ġejjieni.
L-Estimi GĦall-1997
L-1997 trid titqies bħala sena fejn nibdew stabilizzazzjoni sensibbli tal-finanzi pubbliċi. Jeħtieġ li nibdew nirrazzjonalizzaw l-infiq l-aktar dak rikorrenti waqt li rridu wkoll nagħtu direzzjoni lill-investiment kapitali fi pjan għal ekonomija u soċjeta' aħjar. Waqt li naraw xi prijoritajiet jeħtieġ naddottaw, irridu nnisslu l-ordni fi ħwejjiġna. Hemm bżonn li dan kollu nagħmluh mingħajr skossi. Dan huwa proċess delikat ta’ tranżizzjoni għall-ekonomija tagħna li tibqa’ teħtieġ livell tajjeb ta’ investiment koordinat sew pubbliku kif ukoll privat. L-Estimi għall-1997 huma l-bidu ta’ din it-triq essenzjali għal pajjiżna.
Dħul
It-tbassir tad-Dħul għall-1997 qed isir f’xenarju aktar realistiku minn ta’ l-1996. Bħalma semmejt aktar qabel, l-amministrazzjoni l-ġdida qiegħda tipprogramma biex tibda tonora l-pagamenti tal-pendenzi mhux soliti li sabet malli ħadet il-gvern f’idejha, wara li tivverifika l-ħin kollu kif jixraq. Hekk ukoll irridu nsaħħu l-kapaċitajiet li ndaħħlu d-dħul kollu xieraq billi niġbru arretrati dovuti u nikkonsolidaw l-għejjun tar-riżorsi finanzjarji tagħna.
Bħala l-ewwel miżura, il-Ministeru responsabbli mill-Finanzi qed jippjana li jkollu Revenue Enforcement Unit iffukat sew fuq dawk id-Dipartimenti li jiġbru xi dħul għall-Gvern.
Qegħdin nipproġettaw Dħul Ordinarju ta’ Lm514.7 miljun għas-sena li ġejja li, jirrappreżenta titjib fuq il-figura riveduta għad-Dħul għall-1996, anki b’kontribut minn miżuri li se nħabbar.
Taxxa tad-Dħul
Mit-Taxxa tad-Dħul, waqt li r-rati se jibqgħu kif inhuma, nistennew li niġbru Lm114.1 miljun. Minn dan l-ammont, Lm7.9 miljun se jkunu ħlas ta’ arretrati lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’isem il-Malta Drydocks taħt arranġament li se nagħmlu biex għallinqas il-qagħda tal-ħaddiema tkun regolarizzata u għalhekk dan fih ammont ta’ dħul mhux ripetibbli.

Kontribuzzjonijiiet tas-Sigurta' Soċjali
Mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali hu stmat li niġbru Lm144.8 miljun. F’dan l-ammont, bħal fil-każ tat-Taxxa fuq id-Dħul, se jkun hemm fattur mhux ripetibbli billi Lm6.4 miljun ser ikun fi ħlas ta’ arretrati f'isem il-Malta Drydocks. Ma’ dan l-ammont se jsir ħlas ta’ madwar Lm3 miljun mill-Gvern bħala l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat, li wkoll mhux ripetibbli.
Taxxa tal-VAT u li Jidħol Flokha
It-Taxxa fuq l-Valur Miżjud (VAT) tkompli taħdem sa ma tidħol sistema alternattiva għaliha matul din is-sena skond tranżizzjoni li tkun maħsuba biex tassigura li dak li għandu jinġabar, jinġabar. Wara l-mod li bih id-dħul mill-VAT kien stmat għall-1996, li kien ilu minn nofs dik is-sena jidher li mhux se jintlaħaq, id-dħul għall-1997 qiegħed jiġi stmat f’livell ta’ Lm90 miljun, jiġifieri qrib kemm kien miġbur matul l-1996 wara li taġġusta għal rifużjonijiet li saru dwar dazju fuq stocks ta’ l-1994.
Dwana u Sisa
Id-Dħul mid-Dwana u s-Sisa fl-1997 hu stmat fuq is-sistema preżenti tagħhom kif inhi mingħajr l-effett tas-sostituzzjoni tal-VAT. F’dan il-kuntest, id-dħul mid-dazju fuq prodotti li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea, hu stmat li jilħaq Lm9.1 miljun, wara li fl-1996 kien waqa’ lura mill-livell stmat ta’Lm10.7 miljun.
Id-Dħul mis-Sisa hu stmat li jlaħħaq Lm33.1 miljun. Minn dan l-ammont Lm2 miljun għandu jiġi mill-ħlas ta’ arretrati mill-Korporazzjoni Enemalta, u għalhekk mhux ripetibbli.
Liċenzji
Ammont ta’ Lm58.2 miljun mistenni jidħol minn ħlas ta’ liċenzji, taxxi u multi li huma sors ieħor ewlieni għad-Dħul tal-Gvern.
Profitti minn Entijiet Pubbliċi
Minn Entijiet Pubbliċi, d-dħul f’forma ta’ profitti fl-1997 mistenni jkun Lm7 miljun. Mhu jiġi stmat ebda profitt mill-Korporazzjoni Enemalta.
Mill-Bank Ċentrali wkoll mistenni nuqqas ta’ Lm3 miljun għal Lm20 miljun. Dan hu l-livell ta’ profitti tal-Bank għall-1996.
Infiq Rikorrenti
L-Infiq Rikorrenti tul is-snin tħalla jitla’ f’livelli li jeħtieġ li jkunu kontrollati, qabel xejn billi kull infiq isir b’effiċjenza, ekonomija u b’mod effettiv li jagħti valur għal kull lira minfuqa. L-infiq irid isir ukoll, minn kull min hu konċernat b’għarfien sħiħ tal-kost ta’ kull prodott jew servizz, ħalli tinqata’ l-ħala malajr kemm jista’ jkun.
L-Infiq Rikorrenti fl-1997 mistenni jkun Lm493.7 miljun. Barra minn hekk l-ispejjeż konnessi mad-dejn pubbliku, li minħabba li l-iżbilanċ li semmejt se jkompli jikber, mistennija jitilgħu għal Lm36.6 miljun. Dan iwassal għal spiża rikorrenti totali ta’ Lm530.3 miljun. Kif jidher ċar din l-ispiża mhux se tkun koperta kollha mid-Dħul Ordinarju tal-Gvern ta’ Lm514.7 miljun, minkejja l-fatturi speċjali ta’ arretrati li diġa’ semmejt u l-miżuri li se nieħu. Iżda l-expenditure gap għandha tinżel b’madwar kwart taħt dik li writna, għalkemm l-ispiża rikorrenti xorta għadha waħda qawwija, u għal raġunijiet li se nsemmi, kellha tiżdied.
Lm157.5 miljun, jew 30 fil-mija ta’ l-infiq totali rikorrenti, se jmorru fuq pagi u salarji li minnhom Lm15.1 miljun se jitħallsu bħala allowances li hemm provdut għalihom taħt il-ftehim kollettivi varji.
It-taħdidiet bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-Amministrazzjoni preċedenti dwar it-tħaddim ta’ l-iskema tal-Merit Award Allowances se jitkomplew minn dan il-Gvern. Meta jiġi fis-seħħ, it-twettiq se jmur lura għad-data tal-Ftehim, jiġifieri għall-1993, u għal dan il-għan qed nallokaw is-somma ta’ Lm500,000.
L-ispiża fuq sahra trid tkun marbuta ma’ ħtiġiet essenzjali u għandha tkun taħt dik tas-sena l-oħra. Kull settur mistenni li jżomm din l-ispiża taħt analiżi kritika waqt li jfittex dejjem li jwettaq titjib fl-effiċjenza tiegħu.
GĦal spejjeż ta’ Manutenzjoni u Operat qed issir allokazzjoni globali ta’ Lm40.9 miljun.
Qed tiġi vvotata żieda netta ta’ Lm15.2 miljun fuq l-allokazzjoni ta’ Lm245.9 miljun li kien hemm fl-1996 għal dawk li jissejħu programmi u inizjattivi. Il-vot globali propost għal dan il-għan hu ta’ Lm261.1 miljun.
Il-pagamenti tal-Benefiċċji tas-Sigurta` Soċjali fl-1997 mistennija jlaħħqu Lm152.2 miljun, jiġifieri żjieda ta’ Lm12.1 miljun fuq dawk li tħallsu s-sena l-oħra. Din iż-żieda hi dovuta prinċipalment għall-effett taż-żieda għall-għoli tal-ħajja li se tkun mogħtija din is-sena fuq ħafna mill-benefiċċji tas-Sigurta` Soċjali, kif ukoll għall-effett tal-ħlas għal sena sħiħa taċ-ċaqliq li sar fil-benefiċċji taċ-Children’s Allowance u tas-Supplementary Assistance b’seħħ minn Ġunju tas-sena l-oħra.
Lm48.3 miljun, mistennija jitħallsu mill-Gvern bħala kontribuzzjoni għall-Fond tas-Sigurta' Soċjali.
L-infiq addizzjonali li semmejt nistenna li jkun imtaffi b’infiq anqas ta’ madwar Lm2 miljun minħabba li s-sussidju fuq il-prezz tax-xiri tal-qmugħ mhux mistenni jkun daqs dak li kien fl-1996.
Waqt li m’iniex se nsemmi wisq voti, irrid nosserva li taħt il-Vot tal-Kamra tar-Rappreżentanti, hemm allokat somma ta’ Lm100,000 għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-partiti politiċi ma’ l-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Mediterran. Dan hu konsonanti mal-politika tal-Gvern li naħdmu biex insaħħu r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ l-Unjoni u r-reġjun, xi ħaġa li fiha nnfisha hi oġġettiv komuni.
Se jkun hemm ukoll provvediment ta’ Lm200,000 b’konnessjoni mas-smigħ ta’ każi ta’ inġustizzji minn Tribunal li se jitwaqqaf b’liġi apposta. Dan se jikkunsidra każi li setgħu seħħew bejn Mejju ta' l-1987 sa meta beda jaħdem l-Ombudsman.
L-allokazzjoni globali għall-kontribuzzjonijiet lill-Entijiet Governattivi, se tkun ta’ Lm33.3 miljun. Dawn jinkludu Lm12 miljun lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma, Lm7.6 miljun lill-Universita', Lm1.5 miljun lill-Awtorita` ta’ L-Ippjanar, Lm1.2 miljun lill-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ, Lm1.3 miljun għall-isptar Zammit Clapp u Lm800,000 lill-Awtorita` tat-Transport.
Infiq Kapitali

L-ispiża kapitali fl-1997 mistennija tlaħħaq Lm85.6 miljun, li minnha Lm29.6 miljun huma sovvenzjonijiet. GĦalhekk qed nuruhom bħala tali. Biċċa sew min-nefqa kienet diġa' kommessa.


Irridu naraw b’mod sensibbli kif il-fondi meħtieġa għat-tkomplija ta’ xogħlijiet ta’ natura kapitali jibdew jintnefqu b’mod aktar razzjonalizzat. Biż-żmien ikun aktar possibbli li l-evalwazzjoni u, fejn meħtieġ, rettifiki isiru bil-għan li jinkiseb l-aħjar valur. Il-ħsieb hu li, mhux talli ma ssirx ħsara ekonomika, talli jkun hemm return aħjar.
GĦal dawk li huma sovvenzjonijiet, dawn se jkomplu jiġu eżaminati b’mod kritiku ħalli naraw x’hemm li jista’ jsir.


Teknoloġija ta’ l-Informatika
Kif issa sar magħruf minn kulħadd, malli assuma r-responsabbilta' ta’ l-amministrazzjoni, l-Gvern ikkommissjona diversi rapporti biex minnhom jieħu ritratt ta’ xi wħud mill-intrapriżi pubbliċi, inklużi Korporazzjonijiet, Awtoritajiet u Kumpanniji. Sikwit wisq instab li jridu jittieħdu miżuri biex jissanaw il-qagħda.
Eżempju ewlieni kienet l-MSU li diġa' semmejtha. Fl-istess ħin, ma rridux nieħdu miżuri li, waqt li jistgħu jagħmlu sens, jistgħu wkoll ipoġġu l-kumpannija f’qagħda li tutilizza biss nofs l-impjegati tagħha. Irridu nsostnu u nagħtu manutenzjoni lil sistemi diġa’ eżistenti, u jitħallsu l-pagi u s-salarji ta’ l-impjegati kollha u l-ispejjeż. GĦalhekk, f’din il-fażi delikata ta’ transizzjoni se nipprovdu b’ kollox, għal skopijiet rikorrenti u kapitali s-somma ta’ Lm8.7 miljun.
Din is-somma, iżda, b’effett mill-1997, qegħdin nipprovduha f’diversi allokazzjonijiet finanzjarji għax-xogħol tal-MSU taħt il-vot kapitali ta’ kull Ministeru. B’hekk Ministeru jista’ f’konsulenza ma’ l-MSU stess, jiddetermina l-prijoritajiet li jixtieq u jonfoq skond il-flus disponibbli.
Il-ħsieb hu li sena oħra nkunu f’qagħda li tħallina nagħmlu ristrutturar pożittiv f’din il-kumpannija pubblika, li għandha tinbidel fil-Malta Information Technology and Training Services Ltd (MITTS).
It-Tarznari
Is-settur tat-tarznari jrid isir aktar vijabbli, biex ma jibqax jassorbi daqstant sovvenzjonijiet. Nafu li t-tarznari fl-Ewropa kollha, u anki oħrajn, jinsabu f’diffikultajiet. Ftit jibqgħu miftuħa mingħajr ma jsir intervent b’xi mod mill-Istat. Iżda dan l-għarfien ma jfissirx li t-tarznari tagħna jistgħu jibqgħu fil-qagħda li sibnieom. Waqt li jfittex magħhom u ma’ l-Unions il-mezzi kif it-tarznari jaqbdu triq iżjed sana u anqas ta’ toqol għall-pajjiż, il-Gvern jistenna impenn totali mis-settur. Il-komunita` tiddomanda effiċjenza, ekonomija u metodi effettivi biex naċċertaw li jinkiseb valur sħiħ mill-flus li tonfoq f’sovvenzjonijiet li, biż-żmien u bis-sens, iridu jonqsu.
Waqt li t-Task Force li twaqqaf, li qiegħed jiltaqa’ regolarment, jagħmel ix-xogħol tiegħu, u waqt li nistennew progress lejn miżuri prattiċi biex nibdew l-implimentazzjoni tagħhom għall-benefiċċju ta’ kulħadd, nipproponi allokazzjoni ta’ Lm6.3 miljun bħala għajnuna lit-Tarzna ta’ Malta taħt forma ta’ għotja, sovvenzjonijiet u żvilupp kapitali.
Kif għidt dak li jiġi pprovdut għat-tarżna mill-Fond Konsolidat ma jkunx l-uniku ammont użat. Ammonti oħra sostanzjali jinħarġu bħala avvanzi mit-Treasury Clearance Fund għal ħlas ta’ pagi u salarji. Sibna li l-bilanċi dovuti akkumulaw u komplew żdiedu b’dak li kien dovut lil Gvern - u ma ngħatawlux b’mod xejn regolari - bħala kontribuzzjoni għas-Sigurta` Soċjali, bħala taxxa fuq id-Dħul u bħala kera. Ma sarx lanqas il-ħlas dovut għall-konsum ta’ l-ilma u elettriku.
Biex għallinqas nikkristalizzaw is-sitwazzjoni se nipprovdu self speċjali li ma jmurx għand it-Tarzna iżda li jintuża biex jitħallsu dawn il-pendenzi. B’hekk anki l-qagħda tal-ħaddiema nfushom tkun regolarizzata. Din hi qagħda li qatt ma messha żviluppat u li m’għandhiex terġa’ titħalla tinfetaħ.
Ammont ieħor ta’ Lm4 miljun qed jiġi propost bħala għajnuna simili lil Malta Shipbuilding.
Yüklə 1,42 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin