Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə16/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   10   11   12   13   14   15   16   17   18

PROĠETTI TA' RESTAWR

14618. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti ta' restawr se jibdew fil-ġejjieni qarib f'Malta; u f'Għawdex?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Minbarra l-proġetti ta' restawr għaddejjin bħalissa, hu maħsub li fil-ġejjieni qarib jinbdew il-proġetti taħt superviżjoni tar-Restoration Unit, BED.
a) f'Malta
- Auberge de Baviere

- Auberge d'Italie (tindif faċċata)

- Robert Sammut Hall (Floriana)

- Żabbar Gate (Birgu)

- Bighi Complex, Unit 8 (Kalkara)

- Monte di Pieta' (Valletta)

- 15, Pjazza E.S. Tonna (Floriana)

Kunsill Lokali Floriana

- Arbitration Centre (Valletta)

- Paper Restoration Laboratory

(Valletta)

- Restawr tal-volti tar-resevoir fi

Pjazza 8 ta' Settembru (Valletta)
b) f'Għawdex
- It-Torri ta' Mġarr ix-Xini

- Kappella ta' Santa Ċeċilja

(Għajnsielem)

- Banca Giuratale (Rabat)




IMPJIEGI - REDUNDANCY

14619. L-ONOR. JOE CASSAR staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm nies minn Għawdex tilfu x-xogħol minħabba redundancy matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' nies Għawdxin li tilfu xogħolhom minħabba redundancy matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, kien kif ġej:
Jannar 21

Frar 8


Marzu 11


MARSAXLOKK - ĊENTRU TA' L-ENERĠIJA SOLARI

14626. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fiċ-ċentru ta' Marsaxlokk rigward l-enerġija solari?
ONOR. LEO BRINCAT: Iċ-Ċentru ta' l-Enerġija Solari f'Marsaxlokk fil-preżent hu mmexxi mill-Institute for Energy Technology ta' l-Universita' ta' Malta.
Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.


ELECTRICITY DIVISION - MANUTENZJONI

14627. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq maintenance fl-Electricty Division bejn l-1987 u l-1997, sena b'sena?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Membru tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.


ENEMALTA - SERQ TA' DAWL

14628. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu u kemm instabu ħatja ta' reati ta' serq ta' dawl jew tbagħbis fil-meter tad-dawl matul l-1996 u l-1997?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-Korporazzjoni Enemalta ressqet 85 każ fl-1996 u 86 każ fl-1997.
Fl-istess snin - 1996 u 1997 - il-Qorti ddeċidiet 71 u 48 każ rispettivament li kienu jirriferu għas-snin preċedenti.
Minn dawn il-każi 66 persuna instabet ħatja fl-1996 u 41 oħra fl-1997.

POWER STATION - MARSA

14629. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jindaga xi ħsara qed issir lit-tfal u għalliema ta' l-iskola viċin il-Power Station tal-Marsa u x'rimedji qed tieħu l-Korporazzjoni Enemalta?
ONOR. LEO BRINCAT: Fl-1 ta' Frar, 1998 kien irrapportat li student fl-iskola tal-Marsa ntbagħat id-dar minħabba attakk ta' l-asthma li allegatament ġie attivat minn gass li ħareġ miċ-ċmieni. Wara dan l-inċident, l-istudenti l-oħrajn għamlu protesta. Protesta oħra saret mill-għalliema.
Waqt li jiena konxju ta' din il-problema li taffettwa nies li huma sensittivi, din ma tistax tissolva ħlief li titneħħa l-power station jew isiru tibdiliet kbar fiha.


MINISTERU TAS-SAĦĦA - PROMOZZJONIJIET

14630. L-ONOR. MICHAEL BONNICI staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għal għoti ta' promozzjonijiet li riċentement ingħataw il-ħatra fil-Ministeru tas-Saħħa, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kien hemm spiżjar wieħed biss li ħa l-appointment?
Skond il-mistoqsija parlamentari numru 10986 imwieġba minnek fl-4 ta' Marzu, 1998, dan kien l-uniku complement approvat mill-MPO?
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-pożizzjoni ta' Casual Pharmacists relatati mal-ħtieġa ta' pharmacists li jenħtieġu fl-isptarijiet u kliniċi fis-servizz tas-saħħa pubbliku?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: In-numru ta' Spiżjara li jieħdu l-appointment ikunu skond il-compliment approvat mill-MPO.
Il-Casual Pharmacists fl-isptarijiet u kliniċi fis-servizz tas-saħħa pubblika jingħataw l-appointment kif ikun hemm postijiet battala skond il-compliment approvat mill-MPO.


PA - REF. ECF1396/96/ENMU/NENF

14631. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14391 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe,' tista' tieħu passi biex tittieħed azzjoni immedjata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fi Triq il-Mitħna, iż-Żurrieq bir-riferenza ECF1396/96/ENMU/NENF peress li f'dan il-lokal ingħalaq sqaq pubbliku u saret scrapyard mingħajr permess, għad-detriment tar-residenti ta' l-inħawi u minkejja li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar irriferiet il-każ għad-Direct Action baqa' ma sar xejn?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DJAR - AKKOMODAZZJONI SOĊJALI

14632. L-ONOR. JOE FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni soċjali fiż-Żurrieq mir-residenti ta' l-istess lokal? Id-Dipartiment tad-Djar kemm għandu f'idejh postijiet li jistgħu jiġu allokati? Xi prospetti hemm li jinbnew aktar flats fiż-Żurrieq minbarra s-sulari żejda pproġettati?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Jien informat illi hemm 20 applikazzjoni għal akkomodazzjoni minn residenti fiż-Żurrieq li jixtiequ jibqgħu joqogħdu ż-Żurrieq. Id-Dipartiment m'għandu l-ebda post vojt f'idejh f'dan il-lokal. Hemm prospetti tajbin illi f'dan il-lokal jinbnew numru ta' postijiet oħra minbarra dawk proġettati fis-sulari żejda.


GĦAWDEX - BANKINI

14633. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru bankini fir-Rabat, Għawdex matul l-1997 u sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena? Kemm inħela materjal għalihom, f'liema toroq saru dawn il-bankini, jeżistix xi kwalita' ta' stock control? Kemm swew dawn il-bankini? Jista' l-Prim Ministru jagħti wkoll breakdown ta kemm saru bankini u f'liema toroq?
ONOR. ALFRED SANT: Risposta tinghata f'xi seduta ohra.

PULIZIJA - SNIETER MAQBUDA

14634. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Fir-rigward ta' snieter maqbuda fejn il-kawża tinqata' li l-arma tiġi konfiskata, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra proċeduri fejn is-sid ikollu dritt li jixtri lura l-arma mingħajr kontestazzjoni fejn il-prezz jiġi ffissat minn espert ballistiku?
ONOR. ALFRED SANT: Jien qed ningħata parir li s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant m`għandux jiġi kkonsidrat favorevolment. Il-fatt li persuna taf li l-arma użata fit-twettiq ta` reat hi soġġetta għall-konfiska għandu jibqa' bħala parti mid-deterrent għat-twettiq ta` dak ir-reat, u mgħandix tingħata l-opportunita' li terġa' takkwista b`xi mod dik l-arma.


BIDNIJA - INDOOR RANGE TA' L-ISPARAR

14635. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid meta ħareġ il-permess ta' l-Indoor Range ta' l-isparar tal-Bidnija; inħatarx it-Target Shooting Board; kif ġew magħżula l-membri ta' dan il-bord; hemmx statut eżistenti u jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirriferi l-Onor. Interpellant għall-Ministru kkonċernat. It-Target Shooting Board ġie maħtur u jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Federazzjoni ta' l-isparar, tal-pulizija, tal-forzi armati u għaqdiet oħra interessati fl-isport ta' l-isparar.
Il-Bord m'għandux statut iżda jaġixxi skond il-ħtiġijiet ta' l-isport ikkonċernat.

SNIETER/AIR GUNS

14636. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2613 rigward applikazzjoni għal xiri ta' snieter u air guns, jista' l-Prim Ministru jgħid kif inhuma maqsumin il-505 pendenti, kif inhi fil-preżent is-sitwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet, il-breakdown għal xiri ta' snieter kif inhi, kemm hemm persuni liċenzjati biex iġorru snieter, x'tip ta' snieter għandhom u kemm hemm persuni liċenzjati biex ikollhom air guns? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll kemm minn dawk li għandhom snieter għandhom ukoll air gun?
ONOR. ALFRED SANT: L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra


WTO - COURSES IN TOURISM & HOTEL MANAGEMENT

14637. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Billi bl-istess definizzjoni tagħha ċirkolari għandha tiġi ċċirkolata, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jinvestiga għaliex it-talba għal applikazzjonijiet għal boroż ta' studju għal Courses in Tourism & Hotel Management offerti mill-World Tourism Organization ma ġietx iċċirkolata ma' l-istaff ta' l-ITS kollu?
ONOR. KARMENU VELLA: Il-borża ta' studju li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant ma kenitx offruta mill-Gvern Malti, dehret fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-press lokali iżda mhux permezz ta' ċirkolari. Madankollu, kopja ta' dan l-avviż twaħħal fuq in-notice board ta' l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi bl-iskop li jinġieb għall-konjizzjoni ta' dawk li setgħu jkunu nteressati japplikaw.


ANZJANI - GĦAJNUNA FID-DAR

14638. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: Jista' l-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat li hu t-tul ta' żmien li jgħaddi mill-applikazzjoni biex anzjan ikollu l-għajnuna fid-dar minn CSA għad-data attwali li dan is-servizz jibda jingħata?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mid-data ta' l-applikazzjoni sakemm jingħata s-servizz tal-home help iridu jgħaddu diversi ġimgħat sakemm il-proċeduri kollha jiġu esegwiti. Dawn il-proċeduri jinkludu li ssir żjara fid-dar ta' l-anzjan/a mis-supervisor, jinkiteb rapport, il-każ jitressaq quddiem bord u finalment jiġi allokat is-servizz.
Dan kollu jiddependi wkoll mill-availability ta' assistenti soċjali każwali li fil-preżent jinsabu kollha okkupati.


ITS - STABBILIMENT THE PALMS

14639. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Billi l-Palms ta' l-ITS m'għandu jkun xejn anqas minn stabbilimenti ta' ikel oħra, anzi għandu jkun ta' eżempju, jista' l-Bord ta' Tmexxija f'dan l-Istitut jinvestiga ilmenti ta' servizz ħażin, dewmien fis-servizz, atteġament ħażin u kwalita' ta' ikel fqira li saru regolarment f'dan il-lokal?
ONOR. KARMENU VELLA: L-Onor. Interpellant huwa żbaljat meta jqis il-Palms Restaurant fl-ITS bħala stabbiliment ta' l-ikel peress li l-Palms huwa training laboratory li jipprovdi lill-istudenti l-iżjed kors bażiku fil-catering. Għall-ewwel darba studenti li jattendu dan il-kors qed joqogħdu għall-eżami.
Għadu kemm sar investiment billi tjiebu l-faċilitajiet billi tkabbret il-kċina, u nxtraw pizza counter kif ukoll imwejjed u bankijiet ġodda. Jirriżulta wkoll li sar titjib sostanzjali fuq is-servizz li kien jingħata fis-snin ta' qabel.
Saru diskussjonijiet mal-Kunsill ta' l-Istudenti u dawn fehemu li l-istudenti tal-Palms huma studenti bħalhom u jagħmlu żbalji bħalma jagħmlu studenti f'korsijiet bażiċi oħra. Infatti l-Kunsill qiegħed jagħti appoġġ sħiħ sabiex ikompli jitjieb l-ambjent f'dan il-lokal.


NTOM - TOUR OPERATOR SUPPORT

14640. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid x'politika qed issegwi l-NTOM fil-qasam ta' Tour Operator Support? Apparti milli jsemmi l-irjus u jsemmi n-nefqa taħt kull ras u għal kull suq, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa bl-isem, l-ammont, l-iskop u x-xorta ta' Tour Operator li ngħata fl-1997 kif ukoll fl-ewwel erba' xhur ta' l-1998?
ONOR. KARMENU VELLA: Huwa fatt magħruf li matul l-aħħar sena l-lira sterlina għoliet fil-valur meta mqabbla ma' muniti oħra Ewropej. Barra minn hekk trid tingħata konsiderazzjoni għall-imġieba ta' valuti tal-pajjiżi kompetituri, bħal Spanja, it-Turkija, il-Greċja u t-Tuniżija u fl-istess waqt wieħed iżomm f'moħħu li dawn il-pajjiżi bejniethom jospitaw aktar minn disa' miljun turist Ingliż.
Tajjeb, li wieħed jinnota, li l-muniti ta'dawn il-pajjiżi naqsu sostanzjalment fil-valur tagħhom fil-konfront tal-lira sterlina matul l-aħħar 18-il xahar, filwaqt li l-lira Maltija baqgħet f'saħħitha. Għaldaqstant, it-tisħiħ ta' l-isterlina kien aktar qawwi fil-konfront tal-muniti aktar dgħajjfa tal-pajjiżi kompetituri tagħna, bil-konsegwenza li l-prezzijiet tal-btala f'dawn id-destinazzjonijiet sar aktar kompetittiv.
Għaldaqstant, l-awtoritajiet turistiċi Maltin, sabiex jirribattu dawn l-iżviluppi offrew firxa ta' inċentivi fiskali lill-operaturi turistiċi Ingliżi. Barra minn dan, flimkien ma' l-Air Malta bdew jaħdmu fuq inizjattivi promozzjonali ma' Tour Operators ewlenin.
Riżultat ta' dan kollu huwa rifless fiż-żieda ta' 5% mis-Suq Ingliż fuq l-1997.
Hemm il-ħsieb li jittieħdu inizjattivi oħrajn lejn l-aħħar tas-Sajf 1998 sabiex jiżdied in-negozju fix-Xitwa 1998/9.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura kummerċjali u konfidenzjali.

SISTEMA TAT-TOSS - TIBDIL

14641. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14382, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' l-irfinar fit-tħaddim fis-sistema li semma fir-risposta?
ONOR. KARMENU VELLA: Ma għandi xejn aktar xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 14382.


DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI

14642. L-ONOR. MICHAEL REFALO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim li kellu jsir dwar it-tmexxija ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mal-kumpannija ntlaħaqx? Jekk fl-affermattiv, ġie ffirmat u f'dan il-każ, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. KARMENU VELLA: Ir-risposta hija fin-negattiv.

ŻEJTUN - TRIQ IL-GĦADAM

14643. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol komplut li sar fi Triq il-Għadam, fiż-Żejtun mid-Dipartiment tad-Drenaġġ? Kemm residenzi bbenefikaw minn dan ix-xogħol? Kif ingħatat u minn min prijorita' lil dan ix-xogħol f'din it-triq u ma sarx ukoll xogħol ieħor f'postijiet oħra fiż-Żejtun fejn ilu snin jiġi mitlub dan ix-xogħol u huwa urġenti?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Fix-xogħol li sar ġewwa Bir id-Deheb u Triq il-Għadam, Żejtun irriżultaw diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom kellha titwal ir-rotta u ssir devjazzjoni. Barra minn hekk ix-xogħol kien jinvolvi tħaffir fil-fond ħafna li naturalment kompla jżid fl-ispiża li qorbot l-Lm10,000. Bix-xogħol li sar qed jinqdew 'il fuq minn 25 household.
Qiegħed isir kull sforz biex xogħol ieħor li hemm bżonn isir kemm jista' jkun malajr.


KORDIN - DAWL

14644. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12734 magħmula minni u għar-risposta mogħtija mill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija fejn qal li d-dawl fl-Industrial Estate ta' Kordin kellu jibda jinxtegħel f'April, jista' l-Ministru jispjegalna għaliex sal-lum dan għadu ma seħħx? Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-Korporazzjoni Maltija għal Żvilupp fil-fatt lanqas biss għadha applikat biex isir dan id-dawl?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Kif jaf l-Onor. Interpellant, l-Industrial Estate ta` Kordin qiegħed jiġi upgraded ghal livell għoli. Saru xogħlijiet ta` toroq, bankini, landscaping u sigurta`. Sal-lum id-dawl fil-qasam pubbliku għadu ma nxtegħelx għaliex inqagħlu xi problemi mal-kuntrattur involut, fosthom li ċertu apparat dam ma wasal Malta u li xi cables li kellhom jintużaw biex jingħalaq is-circuit tad-dawl insterqu mingħand il-kuntrattur.
Madankollu, il-Korporazzjoni Maltija għal Żvilupp għamlet arranġamenti sabiex ix-xogħol preparatorju li fadal, jiġifieri li jingħalaq is-circuit tad-dawl jitkompla u jitlesta dan ix-xahar.
L-applikazzjoni biex il-Korporazzjoni Enemalta tissuplixxi d-dawl tista` ssir biss malli x-xogħol hawn fuq imsemmi jitlesta.


KUNSILLI LOKALI - SINDKI

14645. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Peress illi s-sindku huwa meqjus bħala uffiċjal part-time bil-liġi tal-kunsilli lokali, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-allowance li jingħataw is-sindki qed tiġi ntaxxata bl-20% minflok bil-15% kif jiġi ntaxxat xogħol part-time?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Peress li t-taxxa fuq l-allowance tas-Sindku tinħadem fuq il-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax Act), nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirriferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.


AVVIŻ LEGALI 86

14646. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex bl-avviż legali numru 86 ta' l-1998 il-kelma "Mejju" li tidher fl-Avviż Legali numru 153 ta' l-1994 ġiet sostitwita bil-kelma "Settembru"?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emenda bl-Avviz Legali numru 86 ta' l-1998 saret wara rizoluzzjoni li għaddiet unanimament mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li l-għan tagħha kien li l-elezzjonijiet għall-ħatra ta' l-imsemmija Assoċjazzjoni ma jaħbtux fl-istess żmien li jkunu jridu jsiru n-nominazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kungress tal-C.L.R.A.E. (Congress of Local and Regional Authorities of Europe) li ġeneralment isiru bejn Mejju u Ġunju ta' kull sena.


NAZZJONIJIET UNITI - DELEGATI MALTIN

14647. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: a) min kienu d-delegati ta' Malta għall-42nd Session of the Commission on the Status of Women tan-Nazzjonijiet Uniti li saret fi New York bejn it-2 u t-13 ta' Marzu 1998; b) jgħid x'inhi l-funzjoni tagħhom u jekk dawn humiex mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa; u c) ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskorsi li saru f'isem Malta f'din l-okkażjoni?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MTARFA - BINJA BUQANA - LIFTIJIET

14648. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Block A, Binja Buqana, fl-Imtarfa iż-żewġ liftijiet li hemm ma jaħdmux u ilhom hekk diversi ġimgħat, peress li wħud mir-residenti jridu jitilgħu sitt sulari bit-taraġ u jiena mgħarraf li fost ir-residenti hemm ukoll nisa tqal?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Miż-żewġ lifts li hemm stallati fi Blokk A Binja Buqana:-
1. Lift numru 1 għandu transformer maħruq u ġie ordnat ieħor maħdum speċjalment mill-manufatturi ta' dan il-lift. Dan it-transformer mistenni jasal f'qasir żmien.
2. Lift numru 2:- Ir-residenti nkarigaw engineer biex jagħmel rapport fuq il-lift. Ġie rakkomandat li dan il-lift jitwaqqaf sakemm isiru xi tiswijiet meħtieġa. Għalkemm dawn tlestew, ir-residenti ma jixtiequx li l-lift jitħaddem sakemm igibu l-engineer tagħhom biex jiċċertifikah.
Ta' min isemmi li kien hemm okkazjonijiet fejn ir-residenti stess inqabdu jtellgħu oġġetti tqal u materjali ta' bini permezz tal-lift u anke jzommu l-bieb miftuħ għall-perjodu ta' ħin. B'dan il-mod il-lift ikun maltrattat u jkunu kkaġunati ħsarat li għalihom huma responsabbli r-residenti stess.
Għaldaqstant nieħu l-opportunita' li nagħmel appell biex kull min juża l-lifts jużahom bil-galbu għalih innifsu u għall-għajru.


ĦAMRUN - PJAZZA KAPPILLAN MUSCAT

14649. L-ONOR. ANTOINE MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11707 fis-Seduta 179 intqal li: "It-tenders għall-proġett ta' Pjazza Kappillan Muscat issa tlestew u s-sejħa għall-offerti se tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid jekk: a) is-sejħa għall-offerti ħarġitx; b) jekk ħarġet u għalaq iż-żmien ta' l-offerti saritx aġġudikazzjoni ta' dawn l-offerti; u c) jekk sar hekk, jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq din il-pjazza se jibda u kemm se jieħu żmien biex jitlesta?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Jien informat li s-sejħa għall-offerti għadha ma ħarġitx.


ENEMALTA

14650. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus il-Korporazzjoni Enemalta minn bejgħ fis-Sezzjoni tal-gass; u 2) fil-Petroleum Divison mill-1/1/98 sal-lum?
ONOR. LEO BRINCAT: It-tagħrif mitlub tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.

XOGĦLIJIET PUBBLIĊI - ĦLAS LILL-ĦADDIEMA

14651. L-ONOR. FRANCIS AGIUS staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14527 li oriġinarjament kienet indirizzata lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid meta se jsir il-ħlas dovut lill-ħaddiema (Security Officers fi ħdan il-PWD) li wettqu sahra bejn Awissu u Ottubru 1997 fil-ġnien taċ-Ċiniżi f'Sta. Luċija?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Billi d-dipartiment ma ġiex ivvotat flus għal dan il-għan, il-ħlas isir hekk kif jiġu vvotati l-flus.


DIRGĦAJN IL-MALTIN - EX-IMPJEGATI

14652. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid x'differenza tgħaddi minn grupp ta' nies li kienu jaħdmu fid-Dirgħajn il-Maltin li nofshom ġew intitolati għal commuted pension and gratuity u n-nofs l-ieħor, madwar 14,000 familja, ma kienux intitolati?
ONOR. LEO BRINCAT: Billi s-servizz fid-Dirgħajn il-Maltin ma kienx meqjus bħala servizz mal-Gvern għall-fini ta' l-Ordinanza tal-Pensjonijiet, dawk il-membri biss li laħqu appointment regolari mal-Gvern qabel il-15 ta' Jannar, 1979 saru eliġibbli għall-commuted pension u gratuity.


MISCO - ĦLAS

14653. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 14266, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-ħlas li ħadet il-kumpannija MISCO?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Il-ħlas li ħadet il-kumpanija kien ta' Lm12,800.


UNIVERSITA' - SKRIVANI

14654. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14244, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-iskrivani ġewwa l-Universita' ta' Malta u taħt liema sejħa għall-applikazzjoni daħlet kull waħda minnhom?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

OPM - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14655. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. ALFRED SANT: It-tagħrif mitlub tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni f'din is-Seduta.

MINISTERU TA' L-AFFARIJIET BARRANIN - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14656. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.


MINISTERU TA' L-EDUKAZZJONI - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14657. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

MINISTERU TAL-FINANZI - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14658. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. LEO BRINCAT: Il-Kumpanniji jew partnerships ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 fid-dikasteru tiegħi kienu 17.

MINISTERU TAT-TURIŻMU - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14659. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. KARMENU VELLA: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar.

MINISTERU TA' L-INDUSTRIJA - KUMPANNIJI/PARTNERSHIPS

14660. L-ONOR. CHARLES MANGION staqsiet lill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija: Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kumpanniji jew partnership ta' Awdituri/Accountants li ngħataw kuntratti bejn Mejju 1987 u Ottubru 1996 mill-Ministeru tiegħu?
ONOR. JOHN ATTARD MONTALTO: Risposta tingħata f`xi seduta oħra.


ŻEJTUN - TRIQ HECTOR DALLI/SERAFIN XUEREB

14670. L-ONOR. JOE PSAILA SAVONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru għar-riferenza li għamilli għall-mistoqsija parlamentari numru W1,119 li jien kont rajt, peress li t-tweġiba li kien ta għal dik l-interpellanza iġġib id-data tad-19.1.98, jista' l-Ministru jara li, issa erba' xhur wara, is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata?
ONOR. LEO BRINCAT: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14393 nixtieq ngħid li huwa mistenni li jinstab rimedju, bil-koperazzjoni ta' kulħadd, għal din is-sitwazzjoni.


WSC - MAINS TA' L-ILMA

14672. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Water Services Corporation m'għamlitx mains ta' l-ilma permanenti fi Triq Maria Farrugia (N/S in St. Mary Street) f'Bubaqra, Żurrieq u dan in vista tal-fatt li: (i) ir-residenti ta' din it-triq kienu mwiegħda li se jsirilhom main permanenti meta x-xogħol isir f'St. Mary Street, u issa dan ix-xogħol sar; u (ii) li dawn ir-residenti għadhom jinqdew b'kanna dejqa u li saret b'mod temporanju b'distanza ta' 60 metru?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Peress li fiż-Żurrieq hemm ħafna xogħol ta' tqegħid ta' mains xi jsir dawn inqassmu f'fażijiet. L-ewwel xogħol li kellu jsir huwa fuq dawk il-mains li huma l-akbar kawża ta' problemi ta' ħsarat u ta' provvista ta' l-ilma ristretta lin-nies. Għal din ir-raġuni sar ix-xogħol fi Triq Santa Marija u l-main permanenti fi Triq Maria Farrugia se jsir aktar tard jew kmieni s-sena d-dieħla.


OPM - PARENTAL LEAVE

14673. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14210 u ċioe' jgħid kemm kienu dawk il-ġenituri li applikaw u ngħataw il-Parental Leave minn mindu daħlet fis-seħħ f'April 1996?
Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel u minn liema dipartimenti jew ministeri kienu ġejjin?
ONOR. ALFRED SANT: Wara li fis-Seduta Nru. 212 kont tajt tweġiba temporanja għall-mistoqsija parlamentari numru 14210 ta' l-Onor Membru, aktar kmieni f'din is-Seduta poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari numri 14210 u 14673.

KALKARA - ĊENTRU TA' ĦARSIEN IT-TFAL

14674. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 14211 u 14509 u r-risposta li ta l-Ministru, jista' l-Ministru jispeċifika aktar kif se jinħadem is-sussidju għal dawk li se jagħmlu użu taċ-Ċentru għall-Ħarsien it-Tfal fil-Kalkara? Jista' l-Ministru jgħid fuq liema dħul se jingħata s-sussidju ta' Lm8 għal wild wieħed u s-segwenti rati ta' sussidju sa l-inqas sussidju ta' Lm1.50? Jista' l-Ministru jinkorpora wkoll f'każ ta' żewġ ulied?
ONOR. EDWIN GRECH: Is-sussidju għal dawk il-ġenituri li japplikaw biex jagħmlu użu miċ-Ċentru ta' Ħarsien it-Tfal se jkun ibbażat fuq l-istess test tal-mezzi li jintuża għall-allowance tat-tfal u jinħadem permezz ta' persentaġġi, kif spjegat aktar il-quddiem, fuq id-differenza ta' bejn Lm5,500 (l-ogħla dħul li fuqu jingħata s-sussidju meta mal-Lm5,000 dħul tal-familja tgħodd il-bonus u l-income supplement) u dħul dikjarat għal skop ta' l-allowance tat-tfal. Fejn id-dħul ikun anqas minn Lm2,692, l-ammont ta' sussidju jinħadem daqs li kieku d-dħul kien ta' Lm 2,692. Minn Lm4,880 il-fuq, is-sussidju se jibqa' b'rata fissa ta' Lm2 f'każ ta' wild waħda/wieħed u ta' Lm4.40ċ f'każ ta' żewġ ulied.
Il-persentaġġi huma: 16.7% għal familja b'wild waħda/wieħed tattendi/jattendi ċ-Ċentru
37% għal familja b'żewġ ulied jattendu ċ-Ċentru.


ŻURRIEQ - TRIQ BUBAQRA - "IL-ĠIBJUN"

14675. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14216 u ċioe' b'riferenza għat-talba li kien għamel il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex zona magħrufa bħala Il-Ġibjum, fi Triq Bubaqra, fiż-Żurrieq tkun mibdula bħala public open space f'zona residenzjali fejn m'hemmx żvog ieħor għar-residenti? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex: (a) il-Lands fl-20 ta' Novembru, 1995 kien qal li ma jsibx oġġezzjoni li din l-area tkun imsebbħa sakemm ma jintmessux is-siġar u l-ġibjun li hemm f'din l-area (Dok. A); u (b) issa inbidel kompletament il-ħsieb oriġinali u se jitqaċċtu s-siġar biex jagħmel spazju għal terraced houses skond ittra mibgħuta lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fil-21 ta' Jannar, 1997 mill-Planning Authority (Dok. B)?
Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li f'zona residenzjali fejn m'hemmx public open space, u fejn area indikata m'hijiex ta' daqs kbir din għandha tkun żviluppata bħala public open space għall-benefiċċju tar-residenti?
Dokument A, B u mappa diġa' ntbagħtu separatament.
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

ŻURRIEQ - BEBBUX 1 - XOGĦLIJIET

14676. L-ONOR. HELEN D'AMATO staqsiet lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14512 u ċioe' b'riferenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari numri 14205 u 14214, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fil-każ tal-culvert f'Tal-Bebbux 1 fiż-Żurrieq? X'sar minnhom it-tenders li kienu nħarġu fis-sajf ta' l-1997?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Ix-xogħol biex jinġabar l-ilma tax-xita li jaqa' fl-inħawi tal-Bebbux, Żurrieq, se jsir kif ippjanat.

SAĦĦA - POST TA' CONSULTANT PHYSICIAN

14680. L-ONOR. LOUIS DEGUARA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-mili ta' post ta' consultant physician fid-Dipartiment tas-Saħħa f'Għawdex li kien avżat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' Mejju, 1997? Fiex waslu l-proċeduri biex il-post jimtela'?
ONOR. ALFRED SANT: Kien hemm erbgħa applikazzjonijiet ghall-mili tal-post ta' Consultant Physician fl-Isptar Generali ta' Ghawdex kif avzat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta' Mejju 1997.
Il-kandidat gie magħżul u mistenni jibda x-xoghol fl-20 ta' Ġunju 1998.


CIVIL AVIATION DIVISION - DIRETTUR

14682. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru għat-Trasport u Portijiet: B'riferenza għat-talba għal post ta' direttur fis-Civil Aviation Division li se jkollu responsabbilta' lejn il-finanzi u l-amministrazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili, jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal din il-vacancy? Għaliex ladarba d-dipartiment kellu 500 persuna kien jitmexxa minn director general u director operations, issa li d-dipartiment ġie ridott għal wieħed regolatorju bi staff inqas ta' 50 persuna, se jiżdiedlu direttur ġdid biex issa se jkollu tliet diretturi? Fid-dawl ta' dan, din il-vacancy hija ġustifikata?
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Jiena nformat li billi l-applikanti għall-post ta' Direttur (Finanzi u Amministrazzjoni) fid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili kellhom jibgħatu l-applikazzjonijiet tagħhom lis-Segretarju Permanenti ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, d-Dipartiment mhux qiegħed f'pożizzjoni li jwieġeb għad-domanda ta' kemm kien hemm applikanti.
Jiena nformat ukoll li l-ħtieġa ta' dan il-post ta' Direttur mhux marbuta man-numru ta' nies li jimpjega d-dipartiment iżda man-natura tax-xogħol li jrid isir.


SKEJJEL - SKOLA TA' L-ART AND DESIGN

14683. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Iskola ta' l-Art and Design, id-diploma tal-kors ta' l-Industrial Design, li jieħu erba' snin, tintbagħat bil-posta u l-prize day ma ssirx? Jista' l-Ministru jieħu passi biex l-istudenti li ħadmu għal dawn l-aħħar erbgħa snin tingħatalhom id-diploma fi prize day?
ONOR. EVARIST BARTOLO: L-Art and Design Centre kien ippjana l-organizzazzjoni ta' jum il-gradwazzjoni u esibizzjoni għall-5 ta' Marzu 1998.
Dawn l-attivitajiet kellhom jiġu posposti wara li d-Diviżjoni ħarġet ċirkolari fuq parir tad-Dipartiment tas-Saħħa, biex ma jsirux attivitajiet fil-magħluq sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' mard li jittieħed min-nifs.
Din iċ-ċerimonja kellha tiġi posposta għal darba oħra wara li ċ-ċirkolari tat-13 ta' Marzu 1998 maħruġa mid-Diviżjoni fakkret li l-istruzzjonijiet dwar l-attivitajiet fil-magħluq kienu għandhom iseħħu.
L-iskola qiegħda tfittex post u żmien addattat biex din iċ-ċerimonja tista' issir.

KUNSILLI LOKALI - EXTRA FUNDS

14684. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni mogħtija lilu mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali rigward kemm ġew mogħtija extra funds lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa fejn sar il-proġett mill-Buġibba Action Committee?
Skond l-istqarrija maħruġa fit-12 ta' Mejju, jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar m'huwiex meqjus bħala a professional resort management?
ONOR. KARMENU VELLA: Il-Ministeru m'għandu l-ebda informazzjoni li tindika li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar ingħatawlu fondi extra għall-manutenzjoni fejn sar il-proġett ta' Buġibba. Iżda l-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi ddedika numru ta' nies għal dawn l-inħawi li qed iwettqu xogħol ta' manutenzjoni kif ikun meħtieġ, liema xogħolijiet qed jitħallsu mill-fond tal-Ministeru tax-Xogħlijiet u Kostruzzjoni. Wieħed irid jgħid li fil-parti l-kbira tax-xogħolijiet li saru f'Buġibba, l-ispejjez tal-manutenzjoni għandhom ikunu anqas mis-snin ta'qabel, għaliex ħafna mix-xogħlijiet bħal toroq, bankini, u xogħlijiet oħra saru ġodda u ma jirrikjedux il-manutenzjoni ntensiva li kien jinħtieġ qabel.
Il-lokalita' ta' Buġibba hija waħda partikolari ħafna, u hija resort ewlieni turistiku li jeħtieġ tmexxija professjonali u speċjalizzata, li tħares l-interessi ta' l-industrija turistika flimkien ma' dawk residenzjali. Il-kunsill mhux kompost biex jilħaq dan il-għan kif fil-fatt rajna diversi drabi.


ILO - UMPIRE

14685. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: B'riferenza għar-risposta tal-Ministru tal-Ħarsien Soċjali għall-mistoqsija parlamentari numru 14539 magħmula minni fejn talabni nressaq din il-mistoqsija lill-Viċi Prim Ministru, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern Malti talab li jinħatar umpire mill-ILO biex jiddeċiedi fuq differenzi bejn il-Gvern ta' Malta u dak tal-Libja dwar materji ta' social security; u jgħid ukoll x'inhuma dawn id-differenzi u jekk inħatar dan l-umpire, jgħid min huwa u x'inhuma l-kwalifiki tiegħu?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

UE - ZONA TA' KUMMERĊ ĦIELES

14686. L-ONOR. JOE BORG staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid xi studji saru s'issa mill-Ministeru tiegħu jew minn kwalunkwe korporazzjoni jew entita' oħra pubblika li għaliha huwa responsabbli li janalizza jaqbilx għall-ministeru tiegħu jew għall-korporazzjoni jew entita' pubblika kkonċernata li Malta tissieħeb f'zona ta' kummerċ ħieles biss ma' l-Unjoni Ewropea; u dwar x'se jkun l-impatt fuq il-ministeru tiegħu jew fuq kwalunkwe korporazzjoni jew entita' oħra pubblika li għaliha inti responsabbli?
Fi kwalunkwe każ, jista' l-Prim Ministru jindika x'inhuma l-benefiċċji kollha għall-ministeru tiegħu u għal kwalunkwe korporazzjoni jew entita' oħra pubblika li għaliha huwa responsabbli, li jinkisbu b'zona ta' kummerċ ħieles u li ma jinkisbux bi sħubija fl-Unjoni Ewropea?
ONOR. ALFRED SANT: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

KUMMISSJONI TAL-MORALITA' FISKALI - RAPPORT

14700. L-ONOR. EDWIN VASSALLO staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma poġġix fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li ġie mogħti lilu wara li hu stess talab għalih lill-Kummissjoni tal-Moralita' Fiskali dwar l-issue ta' l-invasion of privacy vis-a-vis poteri investigattivi tal-gvern fl-ambitu ta' sistema ta' random sampling prevista mil-liġi tad-Dwana u s-Sisa?
Jista' issa l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport li hu stess talab għalih u li ntbagħat lilu fl-20 ta' Awissu, 1997?
ONOR. ALFRED SANT: Nirriferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 14516 f'seduta 217.

TAXXI INTERNI - ARRETRATI

14701. L-ONOR. CHRIS CARDONA staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jingħata s-somma ta' madwar Lm450 li għandu jingħata bħala arretrati mill-Inland Revenue Department?
ONOR. LEO BRINCAT: Ma naħsibx li għandi nagħti tagħrif konfidenzjali. Jekk l-Onor. Membru jkun awtorizzat mit-taxpayer, nagħti tweġiba lilu privatament.


PA - ĦADDIEMA

14702. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-Planning Authority, f'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika wkoll min jagħmel użu minn karozza pprovduta mill-awtorita', b'riferenza għal parti mit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 10299?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

FORZI ARMATI - MAĠĠUR JOSEPH BRINCAT

14703. L-ONOR. CARMELO ABELA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-kirurgu Maġġur Joseph Brincat M.D., iritira mis-servizz tal-Forzi Regolari tal-Forzi Armati ta' Malta b'seħħ mit-18 ta' Frar, 1998?
ONOR. ALFRED SANT: Il-Kirurgu Maġġur Joseph Brincat, MD irtira mis-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta' Malta minħabba raġuni ta' saħħa.
KAĊĊA - SKRATAĊ

14704. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew importati skrataċ għall-kaċċa matul 1996, 1997 u sa l-aħħar t'April ta' din is-sena? Kif kien il-breakdown bin-numru taċ-ċomb u minn fejn ġew importati?
ONOR. ALFRED SANT: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.


ARMI TAN-NAR - IMPORTAZZJONI

14705. L-ONOR. VICTOR GALEA PACE staqsa lill-Prim Ministru: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 514, jaf il-Prim Ministru li l-kondizzjoni ta' snieter semi-automatic fir-realta' mhux qed tiġi osservata? Jaf li t-terminu slug barrel ma jfisser xejn għaliex snieter normali xorta waħda jistgħu jisperaw slug shots? Ma jidhirlux l-Prim Ministru li sabiex persuna tottjeni liċenzja għal ġarr ta' arma tan-nar għandu jkun hemm test aktar riġidu, bħal per eżempju, li jiġi assigurat li wieħed jkun jaf għal xiex jista' jispara?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat illi jiġu rilaxxati mid-Dwana biss, snieter semi automatic li jkunu mgħammra b'magazine plug insert li jagħmilhom kapaċi li jesgħu żewġ skrataċ fil-magazine u ieħor fiċ-chamber. Dawk il-persuni li jinqabdu bi snieter li ma jikkonformawx ma dan, jittellgħu l-Qorti. Dwar it-terminu slug barrel, jien infurmat, li dan ifisser kanna li tkun cylinder bored u twila bejn 470mm u 508mm, filwaqt li kanna ta' senter tal-kaċċa ma tkunx iqsar minn 600mm. Wieħed dejjem jista' jispara slug shot minn senter tal-kaċċa, pero, kull kaċċatur jaf li jkun qed jagħmel dan b'riskju . Barra minn hekk, iż-żamma ta' slug shots hija projbita.
Ninsab informat ukoll li l-liċenzja għall-kaċċa tingħata wara li l-persuna konċernata tkun għaddiet minn eżami sabiex ikun magħruf, fost l-oħrajn, kemm taf tagħraf l-għasafar u xi jgħidu r-regolamenti għall-ħarsien tal-fawna.

SKEJJEL - GĦALLIEMA GĦAWDXIN

14710. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14528 u jgħid jekk inżammitx l-allowance lill-għalliema Għawdxin tal-mid-day supervision u ta' oħrajn li jgħallmu f'evening classes fl-iskejjel tal-Gvern f'Għawdex, kif ukoll lil min jagħmel watching duties fl-istess Dipartiment ta' l-Edukazzjoni dejjem f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-raġuni li dawk konċernati naqsu li jitħallsu? Kemm kien in-numru ta' dawk li nltaqtu f'kull kategorija? Dawn il-miżuri tteħdu biss f'Għawdex u x'passi ħa l-Ministru biex jinstab rimedju bla dewmien?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

GĦAWDEX - ETC

14711. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14530 u għat-tweġiba mogħtija, jista' l-Ministru jwieġeb ukoll għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari, u ċioe' jgħid meta l-ETC fetħet għall-ewwel darba l-bibien tagħha f'Għawdex u jwieġeb għall-aħħar parti billi jgħid fiex jikkonsistu r-riżultati konkreti għall-ġid ta' Għawdex li nbdew jinkisbu mill-aġġornament organizzattiv?
ONOR. EDWIN GRECH: It-tweġiba mitluba għal din il-mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.

GĦAWDEX - WIED TA' MARSALFORN - XOGĦLIJIET

14712. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: B'riferenza għall-mistosija parlamentari numru W912, jista' l-Ministru jgħid minn fejn jirriżulta li kienu qegħdin jitfasslu disinji kif ukoll jitħejjew dokumenti relattivi għall-pubblikazzjoni ta' tender għat-tkomplija ta' xogħlijiet f'Wied ta' Marsalforn mill-car park lejn il-baħar? Jista' jgħid fiex wasal dan kollu peress li skond it-tweġiba msemmija dan ix-xogħol kellu jkun lest sas-sajf li ġej?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra


GĦAWDEX - REĠISTRAZZJONI GĦAX-XOGĦOL

14713. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tal-Ħarsien Soċjali: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14307, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li appellaw mid-deċiżjoni li jinqatgħu mir-reġistrazzjoni tax-xogħol?
ONOR. EDWIN GRECH: In-numru ta' persuni li appellaw mid-deċiżjoni li jinqatgħu mir-reġistrazzjoni tax-xogħol hu hekk:
JANNAR 1998 - 8 (tmienja)

FRAR 1998 - 6 (sitta)

MARZU 1998 - 18 (tmintax)

APRIL 1998 - 9 (disgħa).




KUMITAT TAT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA - LAQGĦAT

14714. L-ONOR. ANTON TABONE staqsa lill-Ministru tat-Turiżmu u s-Self-Employed: B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14309 u mistoqsijiet preċedenti, jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar laqgħa tal-Kumitat tat-Trasport tal-Merkanzija Sa Maison/Mġarr u jekk ir-rapport kienx iffirmat miċ-Chairman u Membri qabel tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
ONOR. KARMENU VELLA: Nitlob lill-Onor. Interpellant jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

PULIZIJA - PERSUNA REINSTATED

14725. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, li ġie reinstated fil-korp tal-Pulizija wara deċiżjoni tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, qed jieħu salarju ferm inqas minn dawk bħalu fil-korp meta dan kien diġa' intitolat għall-full pay fl-1989?
ONOR. ALFRED SANT: Ninsab informat li l-persuna li qed issir riferenza għaliha kienet telqet mill-Korp tal-Pulizija f'April 1990, meta kienet fuq salarju massimu ta' skala 44.
Skond il-Ftehim tar-Riorganizzazzjoni tal-Korp iffirmat fl-1993, b'effett mill-1 ta' Jannar 1991, il-membri tal-Korp li kienu jokkupaw l-istess grad tal-persuna konċernata tqiegħdu fi skala 10.
Meta din il-persuna reġgħet daħlet fil-Korp f'Marzu ta' din is-sena, bdiet tirċievi salarju fuq skala 10, step 3, jiġifieri Lm4,347 fis-sena. Din il-persuna m'għandiex tagħmel paragun tas-salarju tagħha ma' dak ta' oħrajn fl-istess grad għas-sempliċi raġuni li dawn ikunu ħadu aktar increments li ħadmu għalihom.

GĦARGĦUR - VJAL IR-REPUBBLIKA

14726. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm biex titneħħa siġra li tinstab quddiem il-garaxx proprjeta' ta' Salvu Spiteri ta' Di D'Amour, fi Vjal ir-Repubblika, fil-Għargħur liema siġra qed tagħmel ħsara fis-sistema tad-dawl tas-sid?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.


DJAR - MOSTA - SULARI ADDIZZJONALI

14727. L-ONOR. ANĠLU FARRUGIA staqsa lill-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali: Jista' l-Ministru jara li l-policy attwali fejn hemm propost li jsiru sulari addizzjonali fil-Housing Estate fil-Mosta tiġi riveduta u dan qabel ma jiġu kkonsidrati l-problemi li jiġu kkaġunati lill-istess okkupanti tal-fondi fil-blokki tal-flats ta' dan il-Housing Estate?
ONOR. ALFRED PORTELLI: Nassigura lill-Onor. Membru li fi fteħim li jista' jintlaħaq ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjannar fuq il-proposta li jsiru sulari addizzjonali fil-Housing Estate tal-Mosta, l-ewwel ma jiġu kkonsidrati huma d-diffikultajiet li jista' jkollhom l-okkupanti preżenti. Dan fil-fatt diġa' sar u qed isir fl-inħawi l-oħra fejn dan il-proġett se jitwettaq.

PATATA - ESPORTAZZJONI

14745. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Peress li dan l-aħħar intqal li l-patata tas-sajf qed tiġi esportata f'jumbo bags minflok fi xkejjer, jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża totali ta' ppakkjar kull tunnellata metrika f'każ ta': (i) ippakkjar f'jumbo bags, inkluż ix-xiri tal-jumbo bags; u (ii) ippakkjar fi xkejjer, inkluż l-ispiża ta' l-ixkejjer?
ONOR. NOEL FARRUGIA: Din is-sena l-jumbo bags ġew ipprovduti b'xejn mill-importatur Olandiż u s-sensala aċċettaw li jimlewhom bl-istess rata ta' l-ixkejjer. L-ippakkjar fl-ixkejjer sar mis-sensala bħas-soltu jiġifieri b'30ċ kull xkora. L-ixkejjer iqumu 12ċ8 il-waħda.


WSC - BEJGĦ TA' ILMA

14746. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq bejgħ ta' ilma tax-xorb mill-15 ta' Frar, 1997 sad-29 ta' April, 1997?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: L-ammont li rreġistrat il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-bejgħ ta' ilma tax-xorb mill-15 ta' Frar 1997 sad-29 ta' April 1997 kien ta' Lml,ll0,510.00.

ENEMALTA - BEJGĦ TA' ELETTRIKU

14747. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus il-Korporazzjoni Enemalta minn bejgħ ta' elettriku bejn il-15 ta' Frar, 1997 sad-29 ta' April, 1997?
ONOR. LEO BRINCAT: Bejn il-15 ta' Frar, 1997 u d-29 ta' April 1997 il-Korporazzjoni Enemalta daħħlet Lm7,321,037 minn bejgħ ta' l-elettriku.

PATATA - ESPORTAZZJONI

14748. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Rigward l-esportazzjoni tal-patata tas-sajf ta' l-istaġun 1998, jista' l-Ministru jgħid sal-lum: (i) kull meta saret kull esportazzjoni; (ii) l-ammont (kg) ta' kull esportazzjoni; u (ii) meta waslet kull esportazzjoni msemmija f'(i) fl-Olanda?
ONOR. NOEL FARRUGIA: L-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta tingħata f' seduta oħra.


PATATA - KUNTRATT REBBIEĦ

14749. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Biedja u Sajd: Peress li f'din il-Kamra tal-Parlament ġieli anke ġew ppreżentati Adjudication Reports bid-dettalji kollha ta' kull tenderer fuq diversi tenders, jista' l-Ministru allura jpoġġi kopja tal-kuntratt rebbieħ li permezz tiegħu l-patata ta' l-istaġun tas-sajf tiġi esportata lejn l-Olanda? (Re. PQ 14378)
ONOR. NOEL FARRUGIA: Nirroferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 14378.


ENEMALTA - ELECTRICITY DIVISION

14750. L-ONOR. NINU ZAMMIT staqsa lill-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ: Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14375, jista' l-Ministru jgħid: (i) x'kienu r-raġunijiet li l-unaccounted for units ta' l-Electricity Division tal-Korporazzjoni Enemalta telgħu minn 8.2% (għas-sitt xhur li għalqu f'31/03/97) għall-18.77% fis-sitt xhur li għalqu fit-30.09.97; u (ii) jispjega r-raġunijiet għaliex l-istess persentaġġi żdiedu minn 11.74% (sitt xhur li għalqu fit-30/09/96 għal 18.77% (sitt xhur li għalqu fit-30/09/97)?
ONOR. LEO BRINCAT: Kif diġa' għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14375, il-figuri mogħtija kienu għadhom suġġetti għall-verifika. Meta jkollna din il-verifika nagħtu tweġiba definita.

WSC - KONTIJIET TAD-DAWL U L-ILMA

14762. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma sabiex tinqata' darba għal dejjem l-ansjeta' u l-inċertezza tal-poplu?
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Il-kontijiet tal-lukandiera ntbgħatu fil-bidu ta' din il-ġimgħa.
Il-kontijiet tal-konsumaturi domestiċi mistenni li jibdew jintbgħatu għall-ewwel ġimgħa ta' Ġunju.

KUMPANNIJI PRIVATI/PARASTATALI

14763. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent.: Peress li xhur ilu l-Viċi Prim Ministru kien ta' x'wieħed jifhem li diversi kumpanniji privati u parastatali kienu se jieħdu lura miljuni ta' liri mil-Libja li kienu ilhom dovuti lilhom żmien twil, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dan sarx? U jekk le, jew mhux għal kollox, kemm hu stmat li tammonta din is-somma?
ONOR. GEORGE VELLA: Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

SKEJJEL - STUDENTI LI RRIPETEW IL-FORM V

14764. L-ONOR. JOHN VELLA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali: Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li kienu għalqu s-16-il sena li minn jeddhom irripetew il-Form V fis-snin 1995, 1996 u 1997?
ONOR. EVARIST BARTOLO: In-numru ta' tfal li rripetew il-Form V fis-snin 1995, 1996 u 1997 kien:
SENA NUMRU TA' TFAL
1995 36

1996 10


1997 28


Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   10   11   12   13   14   15   16   17   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin