Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,51 Mb.
səhifə2/5
tarix12.01.2019
ölçüsü0,51 Mb.
#95127
1   2   3   4   5

TQEGĦID TA' KARTI




ONOR. JOHN DALLI (Ministru tal-Finanzi): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta’ persuni attivi reġistrati mad-dipartiment tal-VAT, bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21689.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA (Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kopja ta’ strument għall-modifika ta’ ftehim dwar it-tħaddim jew provvista ta’ sistema ta’ telekomunikazzjoni, skond l-Att biex jirregola t-Telekomunikazzjoni, Kap. 399.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? L-Onor. Joe Cilia.
ONOR. JOE CILIA: Mr Speaker, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għall-editorjal li deher dalgħodu fil-ġurnal "in-nazzjon", fejn kien hemm miktub "Joe Cilia jmissu jistħi". Dan wara mistoqsija parlamentari li għamilt jiena f'din il-Kamra ftit jiem ilu. Hawnhekk inħoss li qed niġi intimidat dwar x'tip ta' mistoqsijiet nista' nagħmel hawn ġew u anke t-tagħrif li nista' nitlob bħala rappreżentant tal-poplu, imma ħalli niċċara l-affarijiet.
Meta jiena staqsejt dwar iż-żjara ta' kura li għamel il-Prim Ministru, ma kelli l-ebda intenzjoni li nagħmilha lilu personali, anzi nawguralu fejqan, li jirkupra malajr u ma jdumx ma jkun magħna hawnhekk. Pero' m'huwiex sewwa li din tinbena qisha kampanja tal-Partit Laburista kollu meta jien għamilt sempliċement mistoqsija skond l-istanding orders. Kif jaf kulħadd, jekk aħna nagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-etika jew insemmu xi ħaġa li mhux minnu jiġbdulna l-attenzjoni u dan il-każ ma kienx hekk.
Mr Speaker, nitolbok biex min-naħa tiegħek tinvestiga dan il-każ. Sfortunatament fil-ġranet li niddiskutu l-estimi m'hemmx possibbilta' ta' aġġornament, għax kieku kont inwieġeb ħafna aktar fit-tul u kien ikolli ħafna aktar ħin biex nuri min verament għandu għax jistħi. Grazzi.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tieħu nota. Ngħaddu għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

KUMITAT TA' PROVVISTA

ESTIMI ĠENERALI 2001

L-EWWEL JUM STABBILIT

MINISTERU TAL-FINANZI



L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Michael Bonnici, President tal-Kumitati, jippresjedi.
THE CHAIRMAN: Nixtieq ninforma lill-Kumitat li skond il-mozzjoni numru 172 tas-17 ta' Novembru 2000, il-ħin tad-diskussjoni tal-lum għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-gvern u kelliema ta' l-oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-gvern.
Nistieden lill-Ministru tal-Finanzi sabiex jekk joġgħbu jressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. JOHN DALLI (Ministru tal-Finanzi): Nipproponi:
VOT 23 - MINISTERU TAL-FINANZI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,643,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 23 - Ministeru tal-Finanzi, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT 24 - TEŻOR
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,156,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 24 - Teżor, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.


VOT 25 - PENSJONIJIET
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 776,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 25 - Pensjonijiet, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT 26 - TAXXI INTERNI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 6,375,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 26 - Taxxi Interni, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT 27 - DWANA
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 6,150,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 27 - Dwana, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT 28 - VAT
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 4,015,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 28 - VAT, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT 29 - KUNTRATTI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 362,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 29 - Kuntratti, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
VOT IV - MINISTERU TAL-FINANZI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn Lm 1,870,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot IV - Ministeru tal-Finanzi, kif dettaljata fl-Abbozz ta' l-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2001.
THE CHAIRMAN: Grazzi. L-Onor. Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Sur President, nipproponi din l-emenda:
VOT 23 - MINISTERU TAL-FINANZI
Personal Emoluments
Item 11 - Holders of Political Office
Ħassar iċ-ċifra "Lm 13,691" u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra "Lm 13,690”.
Delete the figure "Lm 13,691" and substitute therefor the figure "Lm 13,690”.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Joe Cilia.
ONOR. JOE CILIA: Grazzi. Illum se niddedika l-ftit minuti li għandi għall-privatizzazzjoni u l-pjanijiet ta' privatizzazzjoni tal-gvern u xi affarijiet li ġraw matul din is-sena. Nafu li fil-budget ta' sena ilu l-ministru tal-finanzi kien ippreżenta l-white paper dwar il-privatizzazzjoni u d-diskors li għamel proprju dakinhar kien idur proprju ma' dan il-kunċett li nbena b'tant pompa. Intqal li dan se jħalli ħafna flus u tajjeb li llum naraw ftit minn dak iż-żmien 'il hawn x'seħħ u nistaqsu għal ftit aktar tagħrif min-naħa tal-ministru.
Dan l-aħħar ingħad li kienu qed isiru diskussjonijiet dwar ix-shares tal-Bank of Valletta li suppost kellhom jinbiegħu lil ċertu bank Taljan u li t-Taljani fl-aħħar mill-aħħar ma komplewx bl-interess tagħhom għas-sempliċi raġuni li riedu garanzija li jkollhom maġġoranza ta' l-isħma. Jien nistaqsi lill-ministru dwar dawn l-affarijiet għaliex jekk ma joħorġux minn dikjarazzjonijiet min-naħa tal-gvern, ċertament li ħadd ma jkun jaf xi jkun qed jiġri. Minn tagħrif li għandna, dawn kienu lesti jixtru l-15% shares li għandhom il-Banco di Sicilia fil-Bank of Valletta imma jidher li bejn il-25% tal-gvern u l-15% li jixtru mill-Banco di Sicilia xorta ma kienx se jkollhom il-maġġoranza li xtaqu li jkollhom f'dan il-bank. Jien nixtieq nistaqsi wkoll jekk huwiex veru li se ssir xi forma ta' share-splitting fejn kull share li għandhom illum ix-shareholders tal-BOV jinqasam f'ħamsa. Huwa veru li jekk isir hekk jiżdiedu fis-suq l-isħma tal-BOV u forsi l-gvern jista' jkollu l-feel-good factor psikoloġiku li jgħid li bniedem li kellu ħames shares issa spiċċa b'25 share f'idejh, pero` dan iġib ċerti konsegwenzi miegħu fosthom li l-valur jonqos għaliex is-supply ikun imkabbar.
Jekk wieħed iħares lejn id-diskors tal-budget ta' din is-sena jara li minn dik il-pompa kollha dwar il-privatizzazzjoni, din is-sena fuq il-privatizzazzjoni kulma hemm huma ftit paragrafi 'l hemm u 'l hawn b'rimarki li dalwaqt se jiġri "hekk" u dalwaqt se jiġri "hekk". Dawn ir-rimarki bir-rispett kollu smajnihom is-sena l-oħra fejn intqal li matul din is-sena kellhom jiġu privatizzati fost l-oħrajn il-Malta Freeport li minn dak li qed jingħad issa waqa' lura. Jien nixtieq li jekk l-affarijiet għandhom isiru jsiru sewwa u b'mod spedjanti għall-ġid ta' kulħadd pero` il-fatt hu li l-miri tal-gvern f'dan il-qasam, partikolarment fil-konfront tal-freeport, waqgħu lura u tajjeb li jkollna ftit aktar tagħrif minn sempliċement sentenza fid-diskors tal-budget li tgħid li x-xogħol waqa' lura u li xtaqna li kien lest qabel. Jien naħseb li l-poplu u anke din il-Kamra jixirqilha li wara dak l-ippumpjar kollu dwar privatizzazzjoni u mhux privatizzazzjoni u bil-white paper b'kollox li kien hawn is-sena l-oħra, tkun taf ftit aktar dwar x'inhu jiġri fil-każ tal-BOV, x'ġara f'dan il-qasam matul din is-sena u x'inhu jiġri aktar fil-konfront tal-ħruġ ta' dawn ix-shares.
Ħaġa oħra li wieħed żgur ikollu jirrimarka fuqha hija l-flopp finanzjarju - jien ngħidilha personali - tal-Ministru Dalli fil-ħruġ tal-privatisation bonds. Fid-diskors tal-budget kien hemm riferenza żgħira between the lines għal dan il-ħruġ fejn intqal li donnu għadna nesperimentaw u naraw is-suq xi jrid u x'ma jridx f'dawn l-affarijiet f'dak il-mod. Jien nixtieq nistaqsi - għax nistaqsi biss nista' allavolja llum jekk tistaqsi jattakkawk - jekk huwiex veru li l-Ministru Dalli kellu l-parir mill-konsulenti tiegħu biex ma joħorġux dawk il-bonds bil-mod kif ippjana hu, fosthom mill-istockbrokers Rizzo & Farrugia, Camilleri Preziosi li kienu l-konsulent legali tal-ħarġa u l-BOV l-underwriters ta' l-istess ħarġa. Jidher li jekk dan kien il-każ il-ministru, minkejja l-insistenzi li kien hemm webbes rasu u m'aċċettax dawn il-pariri u minħabba f'hekk nafu x'ġara. Ħarġu kif kienu oriġinarjament ippjanati dawn il-privatisation bonds taħt l-MGP, li hija entita` bis-Sur Joseph Caruana, ex general manager tal-Mid-Med Bank, bħala chairman, u minn għaxar miljuni li ħarġu taħt din l-iskema nġabru biss ħames miljuni.
Tajjeb li hawnhekk wieħed jistaqsi kif il-BOV jidħol bħala underwriter tal-bonds meta hu stess kien qed jagħti pariri li jmorru kontra l-ħruġ tal-bonds b'dik il-manjiera. Aħna nafu li b'li ġara il-BOV daħal bħala underwriter tal-bonds biex jagħmel tajjeb f'każ li l-bonds ma jittieħdux kollha u b'hekk dan il-bank kellu jidħol għal ħames miljun share. U dan mhux l-ewwel każ li l-BOV, bank ewlieni f'Malta - u nieħu pjaċir li dan l-aħħar fil-gazzetta smajna li dan il-bank ingħata xi titlu u rikonoxximent internazzjonali bħala bank ta' l-affari tiegħu - intuża għal dan il-għan. Jien naħseb li mhux sew li nużaw l-istrutturi li jeżistu llum biex telf u falliment li jkun hemm fuq affarijiet bħal dawn jitħallsu mill-banek. Pero` l-akbar kritika tal-bonds mill-konsulenti ewlenin u l-financial consultants li kien hemm jidher li kienet marbuta l-aktar fuq ir-rata miżera ta' l-imgħax. Kieku wieħed żammhom għaż-żmien kollu tal-ħames snin kif ħarġu kienu jitilgħu għal 2.55%, kważi kważi inqas milli hemm illum f'kontijiet savings.
Biex wieħed ikun qal kollox irrid ngħid li l-argument favur il-ħruġ ta' dawn il-bonds kien li se jkollok preferenza fil-privatizzazzjoni li għandha sseħħ u li smajna ħafna li suppost seħħet matul din is-sena. Pero` kien hemm il-kondizzjoni li meta dawn jinbiegħu, jew ikollhom jixtru kollox jew inkella ma jixtru xejn. U l-pubbliku ċertament kien irrabjat li jara dan it-tip ta' ħruġ li lanqas skeda ta' meta se ssir din il-privatizzazzjoni jew ħaġa jew oħra ma kien hemm magħha, u fejn is-soltu irrikorra għall-stocks tal-gvern, din id-darba baqa' lura għaliex induna li dan kien biss self mingħajr imgħaxx jew b'imgħaxx irħis favur il-gvern. Fil-fatt fil-white paper dwar il-privatizzazzjoni tas-sena l-oħra donnu li kien hemm riferenza, għalkemm forsi ma kenitx daqshekk ċara, fuq x'ġara u x'ma ġarax għal dawn il-bonds iżda żgur li ma kienx hemm riferenza għal dawn it-tip ta' kondizzjonijiet li kienu marbuta magħhom.
Issa ġara - għaliex wieħed issa jista' jitkellem with hindsight, u tajjeb li nitkellmu with hindsight ħalli ma nfixxklux u ma nagħmlux ħsara - li l-BOV biex jagħmel tajjeb se jkun tilef il-flus. Din hija l-istorja kollha. Kieku wieħed kellu jibni average rate ta' self mingħad id-depositanti isib li din titla' għal madwar 4.5% filwaqt li mingħand il-gvern se jkun qed jirċievi biss 2.55%, dejjem jekk jinżammu kif għedt. B'kalkolu sempliċi jidher li d-differenza għandha tkun ta' madwar Lm97,500 fis-sena, dejjem jekk il-bank iżomm għall-ħames snin kollha għaliex jekk le, is-self lill-gvern ikun mingħajr imgħaxx u l-istorja tkun saħansitra agħar. Minn kalkolu sempliċi wieħed isib li t-telf fir-rata ta' l-imgħaxx huwa ta' madwar Lm0.5 miljun. Ħafna jsostnu wkoll li fil-fatt lanqas il-Lm5 miljuni li ttieħdu, ma ttieħdu kollha mill-pubbliku.
Hawnhekk nagħmel riferenza għal mistoqsija parlamentari 21,443 li għamilt jien ftit tal-jiem ilu fejn, mit-tweġiba għaliha, sirna nafu li kien hemm 800 investitur privat li bejniethom xtraw Lm2.15 miljun u Lm2.85 miljun ħaduhom intermedjarji finanzjarji bi pre-placement arrangement. Ma jingħadx kemm mit-800 investitur kienu kumpanniji kummerċjali jew korporazzjonijiet li m'humiex banek, li seta' kellu sehem fihom il-gvern u kemm kienu individwi. Imbagħad fl-aħħar tat-tweġiba tiegħu l-ministru qal hekk - u se nikkwota:
"Ta' min wieħed isemmi, li kif semmejt diġa` fid-diskors tal-budget, li dan it-tip ta' bond huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fuq is-suq Malti li qed joffri lill-pubbliku ċerti benefiċċji minflok il-ħlas ta' imgħaxx. Kif għedt ukoll fid-diskors tal-budget, din l-issue saret biex tkun magħrufa r-reazzjoni tas-suq għal dan it-tip ta' investiment. L-ammont żgħir jindika dan.".
Sur President, dan il-kliem ifakkarni f'meta kienet qed issir il-privatizzazzjoni tal-Mid-Med Bank u l-prim ministru kien qal li Lm10 miljun 'l hemm u Lm10 miljun 'l hawn ma jagħmlux differenza. Jien dan it-tip ta' atteġġjament li nattakka għax m'huwiex sewwa li min ikollu r-responsabbilta` tat-tmexxija fil-pajjiż, jieħu din l-attitudni fil-konfront ta' ġbir pubbliku li jkun jista' jsir. Jien ma naħsibx li dan huwa ta' eżempju tajjeb għal min jismagħna nitkellmu hawnhekk. Illum ma tantx għandna l-lussu li nistgħu noqogħdu nesperimentaw kontra pariri li jingħatawlna minn nies tekniċi u nformati fis-suġġett. Jien qatt ma kont kontra li jsir tibdil fil-pajjiż, pero` li toqgħod tesperimenta bi flus il-poplu u tgħid li Lm10 miljuni m'huma xejn ma naħsibx lil hija xi ħaġa praiseworthy.
Ta' min wieħed jgħid hawnhekk li fl-istess waqt li ħarġu dawn il-bonds ta' l-MGP, ħarġu wkoll għall-bejgħ isħma tad-Datatrack - kumpannija privata ġdida li ma tantx għandha storja li tmur lura, pero` hija innovattiva u teknoloġika - liema isħma nħatfu fi żmien 12-il siegħa. U dan bilfors li jġibek għal ċerti konsiderazzjonijiet. X'ried jagħmel b'din il-ħarġa l-Ministru Dalli u l-gvern li jirrapreżenta? Ried jissellef mingħajr ma jidher li kien qed jissellef? Fil-fatt fid-diskors tal-budget m'hemm litteralment xejn dwar id-dejn pubbliku u b'kemm żdied. Nitkellmu ħafna fuq id-deficit imbagħad fost l-eloġji kollha li nsibu fid-diskors tal-budget dwar kemm mexjin fid-direzzjoni t-tajba li bħalha qatt ma kien hawn fil-pajjiż, ma nsibu xejn dwar l-istess dejn. Anzi, hemm sentenza li tgħid li l-gvern se jerġa' jissellef madwar Lm100 miljun permezz ta' bejgħ ta' stocks. Jien naħseb li għadhom friski fil-memorja ta' kulħadd l-attakki li kienu jsiru lill-gvern Laburista dwar is-self u kienu jsiru kampanji sħaħ kontra l-istess gvern Laburista dwar dawn l-affarijiet.
It-tieni konsiderazzjoni tista' tkun li seta' kien hemm ingann hawnhekk f'dak li hu debt servicing, jiġifieri ħlasijiet fuq imgħaxijiet biex jagħmel tajjeb għad-dejn li jkun hemm, biex b'din il-ħarġa l-gvern jissellef biex ngħid hekk b'xejn. Ta' min jirrimarka hawnhekk li l-imgħaxijiet biss din is-sena se jkunu telgħu għal Lm54.5 miljun. U tajjeb li wieħed jgħid li dan fi żmenijiet meta fl-isfera internazzjonali r-rati fuq l-imgħaxx huma forsi l-anqas li kien hawn għal żmien twil. It-tielet konsiderazzjoni tista' tkun - issa jispjegalna l-ministru - li l-gvern jieħu l-flus minn qabel, jonfoqhom għall-bżonnijiet li għandu, imbagħad ħames snin oħra l-gvern tal-ġurnata jiddeċiedi x'jagħmel. Il-gvern ta' ħames snin oħra jkollu żewġ għażliet; jew iħallas l-MGP bonds lura, jew inkella meta 'l quddiem ibigħ u jagħmel il-privatizzazzjoni, idaħħal Lm10 miljuni inqas. Jiena nħalli f'idejn il-ministru sabiex jagħti xi spjegazzjonijiet u ftit tagħrif aktar milli tagħna s'issa fid-diskors tal-budget.
Fuq il-privatizzazzjoni ta' min wieħed isemmi - għadu frisk f'moħħ kulħadd - it-telf ta' madwar Lm70 miljun li ġarrab il-pajjiż mill-begħ tal-Mid-Med Bank lill-HSBC. Mandankollu l-gvern qed jerġa' jieħu l-attitudni ta' ftit 'l hawn u ftit 'l hemm ma jagħmilx differenza. U nirriferi hawnhekk għal telf ieħor li sar - dwar dan kien hemm anke stqarrija mill-Onor. Sant - mill-bejgħ ta' l-isħma tal-Middle Sea Insurance lill-ex shareholders tal-Mid-Med Bank bir-rata ta' Lm2.28, li hija rata ferm anqas minn dik fis-suq. Waħda mill-probbabilitajiet li se jwassal għalihom dan il-bejgħ hija li jorħsu x-shares tal-Middle Sea Insurance. Fil-fatt huwa kkalkolat li bejn il-prezz li hemm illum u l-prezz li se jinbiegħu bih dawn l-isħma, ix- shareholders se jkolhom telf ta' madwar Lm1.5 miljun. Jista' jkun li hawnhekk il-ministru jgħid li hekk kien il-ftehim, u huwa veru, imma kulħadd jaf min għamlu l-ftehim u l-foresight tiegħu x'kienet. U għalhekk naħseb li min għamel dan il-ftehim għandu jerfa' r-responsabbilta` ta' dak li għamel.
Sur President, minn dik il-pompa kollha li l-gvern għamel is-sena l-oħra fuq il-privatizzazzjoni, din is-sena se nkunu spiċċajna bi privatizzazzjoni zero. U jien nixtieq li l-ministru jagħtina ftit aktar tagħrif u mhux iħallina bid-dikjarazzjonijiet ġenerali li saru fid-diskors tal-budget ta' "dalwaqt" u "nofs is-sena d-dieħla" għaliex dawn id-dikjarazzjonijiet diġa` smajnihom u ma seħħewx. Jien napprezza li l-gvern seta' kellu xi diffikultajiet, pero` l-verita` hi li l-gvern kellu target u waqa' lura. Dawn daħħalhom fil-kalkoli li għamel tal-budget deficit? S'issa jidher li l-gvern ħa żewġ deċiżjonijiet kbar fil-qasam tal-privatizzazzjoni - waħda tal-famuż bejgħ tal-Mid-Med Bank, li jien ngħid li ngħata b'rigal, u l-oħra l-paprata ta' l-MGP li żgur li se nibqgħu nisimgħu ħafna dwarha u li tirrifletti l-paniku li qed jiffaċċja l-gvern tal-ġurnata biex jipprova jaħrab ftit mir-realtajiet. Grazzi.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Leo Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Naħseb li l-akbar żewġ żbalji li wieħed jista' jagħmel meta jifli dan il-budget huma li janalizzah mingħajr ma jeżamina bir-reqqa l-estimi ġenerali li jakkumpanjawh fi ktieb separat, u anke li jħares lejh b'mod iżolat mill-budget tas-sena li għaddiet. Jekk nagħmlu dan ikollna biss stampa mċajpra li tirrendi ruħha aktar vaga aktar ma wieħed iqis in-nuqqas ta' sustanza u ta' proposti konkreti fil-budget li għadu kif ressaq il-ministru tal-finanzi.
Jien personalment ngħid li anke t-tul esaġerat tal-budget deher li kien ippjanat biex inaqqas l-attention-span tan-nies minn fuq in-nuqqas ta' specifics li fih, bil-għan li l-ministru jkun jista' jagħmel skating fuq is-silġ mingħajr ma dan iċedi bih. Iżda fl-aħħar mill-aħħar kull budget jkollu linja ġenerali u sens ta' direzzjoni, kemm jekk ikun budget tajjeb u anke jekk ikun ħażin. Dan ta' din id-darba fil-fehma tagħna kellu quddiemu għażla fundamentali; jew li jkompli jistrieħ fuq il-budget bħala sempliċi strument fiskali li permezz tiegħu l-gvern jista' jkompli jiġbor taxxi kemm jiflaħ, jew inkella li jagħmel mill-budget għodda ekonomika li tgħin biex tistimula l-attivita` ekonomika fil-pajjiż, tiġġenera aktar kummerċ, tagħti lok għal aktar inizjattiva privata u, forsi aktar importanti minn kull fattur ieħor, timla' l-vojt u tagħmel tajjeb għan-nixfa kbira li hawn fl-investiment barrani dirett lejn pajjiżna.
Sfortunatament il-budget jispikka aktar għal dak li ma fihx milli għal dak li fih. Jekk l-ekonomija hija staġnata, tidher li hija destinata li tibqa' hekk minkejja l-istatistika li llum m'għadu jeħodha bis-serjeta` ħadd. Jekk kien hemm min qed jittama fi tnaqqis ta' piżijiet finanzjarji, kemm konsumaturi, ħaddiema u impredituri, kollha baqgħu jittewbu. Jekk min-naħa l-oħra kien hemm min ħaseb li dan il-budget kien se jinċentiva liċ-ċittadini biex jieħdu aktar inizjattivi għat-tkabbir u għat-tkattir ta' l-ekonomija, dawn ukoll baqgħu b'xiber imnieħer. Fl-aħħar mill-aħħar apparti miċ-ċittadini nnfushom, se tmur l-aktar minn taħt fil-fehma tiegħi l-kompettitivita` innifisha ta' pajjiżna għaliex fil-fehma tagħna anke din il-problema baqgħet ma ġietx indirizzata.
Normalment il-Ministru Dalli jħobb jagħti l-impressjoni li tant huwa ċert minnu nnifsu li jargumenta li ċertu tibdil għandna nagħmluh minn rajna u mhux għax ikun qed jiġi dettat mill-Unjoni Ewropea. Iżda din id-darba għandna l-aktar budget mis-sebgħa li ressaq il-Ministru Dalli li mhux daqstant sfaċċat daqs ministri oħrajn imma xorta waħda jinkina, fil-fehma tagħna, quddiem l-Unjoni Ewropea biex jaċċettawlu l-proposti tiegħu, kemm jekk qed nitkellmu dwar ix-xewqa li l-ikel, il-mediċini u l-kotba jibqgħu eżenti bi kreditu kif ukoll anke fuq is-suġġetti bħall-ambjent fejn intqal ħafna u ġie ddedikat kapitlu mingħajr ma ġie verament propost xejn verament konkret dwar ngħidu aħna l-issue taħraq tal-Magħtab. Kulma għamel il-gvern fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea f'dan il-budget kien biss ftit lip-service biex forsi jippaċifka lill-Unjoni Ewropea wara l-ħasla li tat lill-gvern Malti fir-rapport tagħha fin-nuqqas assolut ta' progress fit-titjib ta' l-ambjent ta' pajjiżna. Jidher li issa anke l-Ministru Dalli qed jimxi fil-passi ta' diversi ministri sħabu billi jbaxxi rasu quddiem l-Unjoni Ewropea, ħaġa li bħala pajjiż iddaħħalna f'ċertu mode imbarazzanti, iddaħħalna fi stat neo-kolonjali fejn irridu s-signor si qabel niċċaqalqu, kif ukoll fejn irid ikun il-barrani li jgħidlek kif u x'għandek tirranġa f'darek qabel ma tkun tista' tgħaddi mit-test.
Jien, per eżempju, nitlob konferma min-naħa tal-ministru jekk il-VAT hijiex se tiġi estiża fuq l-items li semmejt aktar kmieni għaliex, għalkemm il-ministru fid-diskors tal-budget tiegħu qal li dawn se jibqgħu l-istess, fuq il-kwestjoni tal-VAT fuq l-ikel, mediċini u kotba xorta qal li dawn l-affarijiet għad iridu jiġu negozjati ma' l-Unjoni Ewropea. Jiġifieri s'issa kulma għandna hija dikjarazzjoni tax-xewqa tal-gvern u xejn aktar. Imma jien issa anke qed nitkellem fuq in-normal rates tal-VAT. L-Unjoni Ewropea għadha kif ħarġet lista aġġornata tar-rati normali tal-VAT fid-diversi pajjiżi membri u bl-eċċezzjoni ta' pajjiż wieħed biss, li huwa pajjiż fundatur, ħadd minnhom ma għad għandu 15% bħala normal rate; kollha għandhom rati li jvarjaw bejn 17.5% u 26%. Aktar 'il quddiem, bil-permess tal-Kumitat, inpoġġi din il-lista fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġu issa għall-budget, jew għall-qalba tal-budget innifsu.
Huwa biss meta wieħed jifli l-estimi li wieħed jinduna x'inhuma l-miri veri ta' dan il-gvern. Tant l-istrutturi tal-budget tas-sena 2000 qegħdin hemm lesti biex jigdmu kemm jifilħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' income tax, bolla u VAT, biex ma nsemmix ukoll tneħħija tas-sussidji, li l-gvern qed jantiċipa li jdaħħal total ta' tax revenue ta' Lm600 miljun. Dan jirrapreżenta xejn aktar minn kwart iżjed milli daħħal l-istess Ministru Dalli fis-sena finanzjarja 1999.

Wieħed jista' jinduna li l-paraguni m'iniex qed nagħmilhom ma' żmienna imma qed nagħmilhom bejn il-Ministru Dalli ta' l-1999 u l-Ministru Dalli tas-sena d-dieħla. Li kellna nagħmlu l-paraguni ma' żmienna, insibu li minkejja l-famużi 33 taxxa li tant għajruna bihom fil-budget ta' l-1998, il-gvern ta' Fenech Adami xorta waħda qed jippjana li jintaxxa lill-poplu Malti u Għawdxi 40% aktar milli konna ntaxxajnih aħna. U minn hawn toħroġ mistoqsija oħra naturali. Jekk it-total recurrent revenue żdied bi 33% fuq dak ta' żmienna, minn Lm504 miljun fl-1998 għal Lm666.4 miljun s-sena d-dieħla, il-kejk nazzjonali se jiżdied daqshekk? Dan juri biċ-ċar li l-gvern qed jintaxxa lill-poplu b'rata ferm akbar u aktar mgħaġġla milli qed tikber l-ekonomija tal-pajjiż.


Huwa nkwetanti wkoll il-fatt li jkollok żieda fir-revenue aktar mgħaġġla minn dik tat-tkabbir reali ta' l-ekonomija tagħna, iżjed u iżjed meta l-GDP, il-kejk innifsu, is-sena d-dieħla se jkun minfuħ artifiċjalment l-aktar mhux b'xi riżultat ta' xi produttivita` iżda bi ftehim li laħaq mal-ħaddiema taċ-ċivil. U minn hawnhekk toħroġ mistoqsija naturali oħra. Fiċ-ċirkostanzi attwali ta' pajjiżna, dan il-ftehim huwa sostenibbli għall-pajjiż, meta suppost li s-settur pubbliku kellu jara n-nefqa tiegħu u n-numru ta' nies fi ħdanu jiġu jekk mhux downsized, għallinqas kif jgħidu l-Amerikani, right-sized? L-eħfef ħaġa fid-dinja huwa li tilħaq ftehim malajr malajr ma' dak li jkun mingħajr skossi biex tixtri l-paċi industrijali aktar u aktar meta tkun se ddaħħal mill-ġdid il-konċertina li permezz tagħha, ta' fuq se jiġu aġevolati b'mod ferm aktar sostanzjali minn dawk ta' taħt.
Din bħaż-żieda tal-prim ministru u tal-ministri. Jekk tistaqsuni jekk il-pagi ġodda tagħhom jagħmlux sens, jiena, li nħobb inkun oġġettiv, ngħid li iva, għaliex meta tqabbel x'jaqla' prim ministru jew ministru ma' manager fis-settur privat, issib li jaqla' l-loqom minkejja r-responsabbiltajiet kbar li jġorr. Iżda min-naħa l-oħra ma taħsbux li fiċ-ċirkostanzi tal-lum, meta tant ħaddiema qed jiġu mitluba jagħmlu tant sagrifiċċji, il-gvern kellu jagħti xi ftit eżempju u juri xi ftit solidarjeta` ma' dawn l-istess nies? Jiena nħoss li mqar bħala ġest simboliku, il-gvern imissu ppospona din id-deċiżjoni li l-ministri jżidu lilhom infushom għallinqas għal meta l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż kienet tippermetti u kienet tiddetta mod ieħor. Niġi issa għall-argument li fil-fehma tiegħi ħarab lill-Ministru Dalli tul id-diskors tiegħu.
Qed nirriferi għall-fatt li b'riżultat ta' gidma akbar ta' l-istrutturi li ħoloq huwa stess fil-budget, se jkompli jbaxxi l-livell ta' l-għajxien tal-ħaddiema Maltin u jkompli jnaqqar il-kwalita` tal-ħajja ta' dawn l-istess ċittadini. Dan il-budget mhux biss jirrappreżenta opportunita` mitlufa biex il-gvern jirrimedja dak li issa qed jammetti li kienu sagrifiċċji li wikka bihom liż-żgħar u anke lill-faxx tan-nofs is-sena li għaddiet, iżda fir-realta` qed jispiċċa jgħabbihom b'piżijiet akbar, hekk kif aktar nies se jinqabdu fil-famuża xibka tas-sena li għaddiet. U dan biex ma nsemmix l-inċertezzi għall-pensjonanti li bl-iskuża li r-rapport tal-kummissjoni Galdes tar-riforma soċjali għadu ma tlestiex, tħallew fid-dlam mingħajr ma wieħed jaf x'se jkun il-futur u d-destin mhux biss tal-pensjonant tal-lum imma b'mod partikolari tal-pensjonant ta' għada u ta' pitgħada.
Lill-pensjonanti mhux talli ma tawhomx leħen fl-MCED, talli ħallew it-talbiet tagħhom kollha fuq l-ixkaffa mingħajr l-iċken ħjiel dwar x'joffri l-ġejjieni għalihom. Il-budget tas-sena l-oħra kellu jkun wieħed ta' serħan il-moħħ - almenu hekk kien qalilna l-Ministru Dalli - iżda kulħadd jaf kif dan spiċċa ta' ħmar il-lejl għal ħafna, kemm minħabba l-miżuri li kien fih, kemm minħabba l-miżuri li missu kellu u ma kellux, kif ukoll minħabba d-direzzjoni ġenerali u l-linja ewlenija ta' policy li kellu. Minn din it-triq ta' sagrifiċċju l-Ministru Dalli ma biddel xejn għax ir-rotta baqgħet l-istess, anzi l-piżijiet li kien hemm qabel żdiedu fit-toqol tagħhom. U lil min qed jgħid li dan il-budget ma fihx piżijiet ġodda għall-ħaddiem ngħidlu li dan kien ikun il-każ biss li kieku l-gvern għoġbu jew għażel li jirrimedja l-inġustizzji u l-piżijiet li saru s-sena li għaddiet. Iżda fortunatament, illum il-poplu Malti u Għawdxi tgħallem jasal għall-konklużjonijiet waħdu u naħseb li hekk se jagħmel din id-darba wkoll.
Jiena ngħid li jkun meta jgħaddi dan il-budget minn dan il-parlament u jibda jiġi fis-seħħ li l-poplu se jinduna x'daqqa ta' ħarta qala' b'dan il-budget kif ukoll x'doċċja kiesħa ddobba. F'ħaġa waħda biss kien konsistenti dan il-gvern; fil-logħba ta' ngann li lagħab. Ara meta ġie biex iżid il-bolla, minflok ħabbar iż-żidiet sena wara l-oħra, kien ħabbar iż-żewġ żidiet flimkien ħalli meta l-ħaddiem jiġi għat-tieni daqqa mingħalih li ma jħosshiex għax ikun diġa` aċċettaha bil-quddiem. Din id-darba l-gvern qed jagħmel l-istess fuq il-prezz tal-fuel għax minflok ħalla għas-sena d-dieħla biex iħabbar dan, qalilna minn issa li l-prezz tal-fuel imports se jkun marbut mal-prezz tas-suq internazzjonali b'seħħ mill-1 ta' Jannar, 2002. U dan bil-għan li meta tiġi din id-data, mingħalih li kulħadd ikun aċċetta dan bil-quddiem bħala xibka ġdida minflok jaħsad lin-nies mil-lejl għan-nhar. U tajjeb li nfehmu lill-poplu d-differenza bejn il-politika Laburista u dik Nazzjonalista dwar din l-issue għaliex hemm min qed jipprova jgħid li anke gvern Laburista kien miexi f'din it-triq.
Sur President, aħna li konna wegħedna kien biss roħs jekk jinżlu l-prezzijiet taż-żejt bħala kumpens għaż-żidiet li konna għamilna aħna stess fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Ara dan il-gvern se jimxi mod ieħor. Bl-iskuża tal-forzi tas-suq, il-gvern se jgħolli l-prezz taż-żejt u tad-diesel appena dan jiċċaqlaq barra l-pajjiż u jraħħas, biex inkun fair miegħu, jekk u meta jorħos. Fi kliem ieħor, jekk jinqabeż il-benchmark ta' $US33 l-barmil, jiġifieri l-prezz tal-lum, se jkun il-poplu Malti li jkollu jagħmel tajjeb għal din iż-żieda, minkejja l-assigurazzjoni ta' l-Onor. Fenech Adami li l-gvern tiegħu ma kellu ebda ħsieb li jmiss il-prezzijiet ta' l-enerġija. U jiena ngħid li din ukoll hija diżonesta` politika, xejn xejn għall-mod li bih ġiet spustata u preżentata din il-proposta.
Id-diżonesta` politika tkompli tispikka meta l-Ministru Dalli fid-diversi inkontri li kellna l-ġimgħa li għaddiet fuq it-television, għal darba, darbtejn naqas li jagħtina l-garanzija li tlabtu li la l-gvern u lanqas il-korpi parastatali m'huma se jżidu l-ebda tariffi matul is-sena finanzjarja ġdida li m'hemmx provvediment għalihom fil-budget. Allura fid-dawl ta' nuqqas ta' dikjarazzjoni simili, kif jista' l-privat bħala settur jippjana bis-serjeta`? Għaliex tas-settur privat kienu jħambqu tant dwar żidiet fin-nefqa rikorrenti, u issa ħafna minnhom ma qalu xejn, meta din se tiżdied b'9% matul is-sena finanzjarja l-ġdida?
Il-Ministru Dalli qalilna li s-sitwazzjoni finanzjarja qiegħda taħt il-kontroll, iżda kemm huwa minnu dan meta kulħadd jaf li għandu partita accruals pendenti u meta mhux l-ewwel darba li t-Teżor ingħataw struzzjonijiet diretti jew indiretti biex jimxu bil-mod meta jiġu biex jipproċessaw ċerti pagamenti? X'sar minnha, per eżempju, iċ-changeover għas-sistema ta' accrual system fejn il-gvern ikun jaf minnufih x'inhu dovut iħallas u mhux ikompli jħalli l-kontijiet fil-kexxun jew tal-ministeru tal-finanzi jew agħar minn hekk tal-ministeri individwali ċerti drabi mingħajr ma jkun jaf il-ministeru tal-finanzi nnifsu? F'liema sena effettivament se ssir iċ-changeover għall-accrual-based system? Dan qed ngħidu għaliex filwaqt li f'domanda parlamentari ssemmiet is-sena 2003, fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar Malta, tissemma s-sena 2005. U jiena naħseb li l-inqas li jista' jagħmel il-Ministru Dalli fiċ-ċirkostanzi huwa li jgħidilna liema hija d-data korretta li l-gvern qed jittargittja għal dan il-għan.
L-ipokrezija tal-gvern taraha kullimkien, anke fir-rigward tal-benchmarking tas-self-employed. Meta dan aħna sejjaħnilu ex officio kienu qamu l-irwiefen kollha. Jista' jkun, kif għedt diġa` f'okkażjoni oħra, li l-gvern se jipprova jadotta metodi aktar raffinati jew soffistikati, iżda l-għan aħħari tiegħu huwa dak li kellu gvern Laburista u għalhekk jiena ngħid li anke f'dan il-każ, din hija ipokrezija grassa meta wieħed iqis kemm kienu żeffnu fin-nofs id-drittijiet tal-bniedem u drittijiet oħra mirfusa u mkassbra meta gvern Laburista ta' l-imgħoddi kien miexi f'din id-direzzjoni.
Kontradizzjoni oħra tal-gvern hija rigward is-self. Sena ilu l-ministru ftaħar li x'aktarx li lanqas biss kien se jkollu għalfejn jissellef. U hekk għamel. Ħareġ biss rolled-over stocks u ssellef short-term b'rati irħas bħala treasury bills. Issa oħroġ il-għaġeb, ġie l-budget 2001, u proprju fl-istess seduta l-ministru ressaq għall-ewwel qari abbozz ta' liġi li jipprovdi għal self ta' Lm100 miljun oħra. Veru li forsi ma jissellifhomx kollha imma l-abbozz ta' liġi hekk jgħid u l-ewwel qari nqara proprju dakinhar li tressaq il-budget.

Sieħbi, l-Onor. Cilia, diġa` tkellem fuq il-privatisation u jien se ngħid kelmtejn oħra. Jidher li dwar il-privatizzazzjoni l-gvern falla sew fil-miri tiegħu, tant li anke fil-budget il-ministru kellu jammetti li dan il-pjan ma mexiex bir-ritmu mistenni. Jiġifieri l-konferma li l-privatisation plans waqgħu lura mhux aħna qed ngħiduha biss bħala oppożizzjoni imma qalha l-ministru tal-finanzi stess fid-diskors tiegħu tal-budget. U issa ovvjament kollox se jsir bl-għaġġla fis-sena l-ġdida ħalli jfittxu jagħmlu tajjeb għal dak li waqgħu lura fih. Jiena nawgura biss li ma jkollniex privatisations oħrajn ta' kafkaf fejn l-agħar li jmur ikun fl-aħħar mill-aħħar it-taxpayer Malti nnifsu.


Dwar il-privatisation bonds aħna lill-Ministru Dalli konna avvżajnih mill-bidunett li kien se jkollu fjask. Dawn mhux biss ma nbiegħux kollha talli hu mifhum li min-naħa tal-ministeru tal-finanzi saret pressjoni fuq il-BOV biex ma jixtrux bonds tad-Datatrack li kienu interessati fihom biex ikunu jistgħu jixtru l-akbar numru possibbli ta' bonds ta' l-MGP. L-informazzjoni li għandi hija li l-BOV xtraw 57% minn dawn il-bonds li nħarġu u b'hekk ironikament se jispiċċaw jingħataw preferenza li jixtru x-shares tagħhom stess meta jiġu privatizzati. Fil-fatt ikun tajjeb li l-ministru jgħidilna t-tmien applikanti għall-privatisation bonds kenux kollha individwi jew kenux jinkludu wkoll istituzzjonijiet finanzjarji. Għalkemm kien hemm min ħareġ imerina - forsi għaliex ġie mbuttat biex jagħmel dan - aħna konna għamilniha ċara mill-bidunett li t-tir tal-gvern kien li jissellef b'irħis minn fuq dahar il-poplu. Wara d-disfatta li l-gvern diġa` kellu bi ħruġ ta' stocks oħra, il-gvern spiċċa biegħ biss Lm5 miljun privatisation bonds meta kien qiegħed jirriżerva d-dritt li joħroġ sa madwar Lm20 miljun. Dan kollu juri li l-gvern għal darba darbtejn qara ħażin fejn kien qed iħabbat il-polz fis-suq.
Il-Ministru Dalli fil-budget qal li qed jilħaq il-miri li kien issettja għalih innifsu fl-1992. Din għaliha hija l-akbar daħka fil-wiċċ għaliex jekk wieħed jara l-andament tal-finanzi ta' pajjiżna bejn l-1993 u l-1996, meta kien ministru tal-finanzi l-istess Onor. Dalli, mhux biss isib li l-gvern Nazzjonalista kien mexa f'direzzjoni żbaljata, iżda jsib li l-famuża ħofra kienet tħaffret proprju dakinhar, tant li l-Onor. Dalli kien kostrett jibgħat il-famuż memorandum lill-kabinett, liema memorandum spiċċa serva ta' katalista biex il-pajjiż ikollu elezzjoni bikrija minħabba li l-qagħda finanzjarja kienet ħarbet 'il hinn mill-kontroll tal-gvern tal-ġurnata. Il-kantaliena l-ġdida tal-gvern hija li naqqas id-deficit aktar milli kien qed jistenna u naqqas sostanzjalment dak li ħallejna aħna bi 33%.
L-ewwelnett ta' min wieħed jgħid li t-tbagħbis beda jsir appena tela' l-Ministru Dalli fl-1998 meta d-deficit ta' Lm78 miljun Alla jbierek ġabu Lm150 miljun sa tmiem is-sena u dan bit-tir ovvju li jpinġi ikrah kemm jista' jkun lill-gvern Laburista u fl-istess ħin iwitti t-triq għal turn-around artifiċjali fil-performance finanzjarja tiegħu għas-sena ta' wara. Li l-poplu huwa obbligat jiftakar, minbarra l-fatt li d-deficit li ħallejna aħna kien ta' Lm78 miljun u mhux Lm150 miljun, huwa li l-ministri Nazzjonalisti - m'iniex qed nirriferi għall-Ministru Dalli biss imma anke għal ta' qablu - qatt ma bbilanċjaw budget mill-1987 sal-lum; li fl-1987 utilizzaw ir-riżervi kollha li sabu; li f'sena waħda biss ħadu Lmm60 miljun mill-price stabilisation fund; li bejn l-1987 u l-1996 nefqu 'l fuq minn Lm187 miljun fi profitti akkumulati ta' diversi korporazzjonijiet pubbliċi; li sas-sena 1996 tellgħu l-garanziji u l-letters of comfort għal Lm520 miljun minn Lm92 miljun fl-1990; u li għalkemm skond il-manifest tagħhom kellhom irażżnu d-dejn nazzjonali - l-uniku commitment li hemm fuq finanzi fil-manifest ta' l-1998 hija li jirrimedjaw il-problema tad-dejn nazzjonali - dan baqa' tiela' b'pass imgħaġġel fid-direzzjoni ta' kważi Lm1 biljun. U dan wara li l-gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996 kien żied id-dejn nazzjonali b'Lm450 miljun bejn l-1987 u l-1996. Illum kulħadd jaf li dawn qegħdin iduru fuq is-sinking funds, inaqqsu s-sussidji kemm jifilħu, jaħsbu biex inaqqru s-servizzi soċjali, naqqsu għall-ewwel darba l-paga li jieħu d-dar miegħu l-ħaddiem Malti u minkejja ż-żidiet kollha fid-dħul, xorta ma kenux kapaċi jlaħħqu maż-żieda kostanti fin-nefqa rikorrenti tal-pajjiż.

Ħaġa li fil-fehma tiegħi spikkat - din kienet l-ewwel impressjoni li ħadt appena qrajt il-budget dakinhar stess - huwa n-nuqqas ta' ħolqien ta' pjan komprensiv dwar kif għandha tiġi ndirizzata n-nefqa pubblika. Il-Ministru Dalli meta jiġi kkonfrontat b'din il-mistoqsija jgħidilna: Għiduli minn fejn se naqta'. Naqta' l-pagi? Naqta' l-pensjonijiet? U mhux ovvju li aħna mhux qed ngħidulu biex jagħmel dan! Mela allura l-cost control, pagi u pensjonijiet biss jinkludi? Ma jinkludix tberbiq? Ma jinkludix kirjiet lavish li jagħmel il-gvern fuq postijiet privati? Ma jinkudix il-mod kif joħorġu ċerti tenders? Ma jinkludix kontroll fuq l-execution ta' ċerti tenders, direct orders u konsulenzi? Jiftakar jew ma jiftakarx il-ministru li hu stess darba kien qal li billi żżid ir-revenue tal-pajjiż ma tkunx qed tagħmel biżżejjed?


Jiena naf li hemm korpi kostitwiti li fl-MCED għamlu proposti konkreti lill-gvern biex jesplora u jidentifika areas speċifiċi fejn jista' jsir cost-cutting bis-serjeta` mingħajr ma jitbaxxa s-servizz tas-settur pubbliku. Naf li kien hemm korpi kostitwiti li lmentaw formalment li ta' l-Unjoni Ewropea ma kenux qed jallokawlna pre-accession funds adegwati. U m'iniex qed nirriferi għall-GWU, imma qed nirrifieri għal korp kostitwit li huwa favur is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni. Biex imbagħad morna Bruselles ġimgħatejn ilu fuq il-joint parliamentary committee u qalulna ċar u tond, kemm Verheugen u anke r-rappreżentant tal-Presidenza Franċiża, li aħna kulma se nieħdu hija s-somma per capita skond id-daqs tal-popolazzjoni li għandna! U dan biex ma nsemmix dak li qalulna dwar derogi u żmenijiet tranżitorji li speċjalment fejn jidħlu l-four feedoms, il-prinċipji fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, dawn lanqas beħsiebhom jiċċaqilqu pulzier. Issa jidher ċar li l-famużi Lm100 miljun li kienu ssemmew mill-ex foreign minister, minflok se jiġu minn Brussels, se jiġu self minn but il-poplu Malti u Għawdxi, liema self ovvjament se jkompli jżid is-servicing costs għoljin li diġa` għandu l-gvern u l-pajjiż.
Kien hemm korpi kostitwiti li tkellmu wkoll dwar l-overmanning u dwar l-iskills mismatching li hemm fis-servizz pubbliku. Imbagħad jiġi l-ministeru tal-finanzi u minflok iservi ta' eżempju għal sħabu l-ministri l-oħra - din qed ngħidha għaliex ħarġet minn domanda parlamentari, jiġifieri m'iniex qed ngħid xi ħaġa kunfidenzjali - jirriżerva d-dritt li jingaġġa nies temporanjament bil-kuntratt fil-ministeru tiegħu stess, dan kollu għaliex jista' jkollu xi nies qegħdin b'extended sick leave jew b'long term sick leave.
Dwar ir-ristrutturar ekonomiku rrid ngħid li dan mhux biss qed isir fuq bażi piecemeal, fuq skala nazzjonali, iżda qalulhom ċar u tond li qed isir b'mod żbilanċjat fis-settur pubbliku, fejn l-affarijiet mexjin b'pass ta' nemla. U x'verament jaħseb li se jikseb il-ministru din is-sena wara li ilu jisma' dan l-ilment sena wara l-oħra fix-shopping lists, l-aktar ta' dawk li jħaddmu?
Suġġett li ma nistax ma nittrattax ukoll huma l-pjani tal-gvern biex jilleġisla dwar l-indipendenza tal-bank ċentrali. L-ewwelnett tajjeb li wieħed jgħid li jekk nidħlu fil-euro mhux talli ma nkunux qed insaħħu l-indipendenza tal-bank iżda l-bank jispiċċa effettivament iċedi l-poteri kollha tiegħu lill-European central bank u jgħid addio darba għal dejjem lit-tfassil tal-politika monetarja tal-pajjiż. Iżda f'kuntest aktar lokali, dak li ntqal indirettament mill-gvernatur tal-bank ċentrali dwar il-każ Daewoo fl-ikla annwali ta' l-istitut tal-bankiera la jawgura tajjeb għall-gvernatur innifsu, la jawgura għat-trasparenza li wieħed jippretendi li dan il-bank għandu jmexxi bih, u wisq anqas jawgura tajjeb għall-indipendenza u nuqqas ta' ndħil politiku li għandu jkun hemm fid-day-to-day management tiegħu.
Iżda wara kollox ħadd m'għandu jiskanta b'xejn għaliex l-informazzjoni li għandna - din diġa` għedtha f'artiklu f'"l-orizzont" u nerġa' ngħidha llum - hija li d-daqqa ta' l-imgħallem ministerjali qed tiġi insistita kull meta jiġi biex joħroġ xi publication importanti, kemm jekk ikun il-quarterly review tal-bank ċentrali u anke jekk ikun l-economic survey. Jien ninsab informat li dawn ġew mgħoddija lill-ministru għas-servizzi ekonomiċi għall-korrezzjoni min-naħa tiegħu qabel għaddew għall-istampar. U forsi huwa għalhekk li l-istatistika m'hijiex tittieħed bis-serjeta` f'dan il-pajjiż u forsi huwa għalhekk li kien hemm credit rating analysts barranin u anke l-EIU li għamlu ħafna mistoqsijiet dwar kif tinġabar effettivament l-istatistika f'pajjiżna. U huwa forsi wkoll għalhekk li l-bank ċentrali u s-COS lanqas jaqblu bejniethom, mhux biss dwar projections għall-ġejjieni - jekk ikollok tliet istituti ta' riċerka, faċli li joħorġu bi tliet verżjonijiet differenti dwar tbassir; dawn l-affarijiet mhux f'Malta biss jiġru imma jiġru wkoll f'pajjiżi barra minn Malta - imma lanqas dwar l-analisi rigward dak li għadda minn fuq l-ekonomija u l-qagħda finanzjarja ta' pajjiżna. Jiġifieri dawn ma qablux mhux dwar il-ġejjieni - nerġa' ngħid li fit-tbissir kulħadd jista' jmur żmerċ fih - imma dwar l-analisi tagħhom tal-peformance passata matul is-sena 1999!
Sur President, huwa forsi għalhekk li llum hawn dan id-distakk kollu bejn l-istatistika u dak li tmiss b'idejk fil-ħajja ta' kuljum. Insa x'jgħidu l-politiċi, insa l-akkużi tat-tbagħbis li jsiru min-naħa tagħna u tkellem man-nies tat-triq. Dawn juruk ċar u tond - din m'hijiex xi ħaġa li nibtet issa imma bdejna nħossuha minn ħafna qabel ma ġie l-budget - li qed iħossu distakk kbir bejn l-istatistika li jisimgħu churned out ta' kuljum mis-COS u dak li jmissu b'idejhom fil-ħajja ta' kuljum. Hawnhekk irrid inkun fair mal-gvernatur tal-bank ċentrali - ma rridx nikkritikah biss imma rrid insemmi wkoll il-pożittiv - u ngħid li kien hemm każi fejn hu ma żammx lura milli jgħid tiegħu kif iħossha. Fi Praga, meta kien għall-IMF meeting, proprju fi żmien meta ministri tal-gvern Nazzjonalista kienu qed jiftaħru kemm ġej gelgul ta' investiment dirett barrani, il-gvernatur qalilna ċar u tond li biex ikollok proċess biex tiġbed l-investiment dirett barrani, l-ekonomija tal-pajjiż mhux trid tkun managed tajjeb u tkun kompetittiva iżda trid tkun turi li hija hekk. Huwa kien żied jgħid li fil-fehma tiegħu għad baqgħalna x'naqdfu biex nilħqu dan il-għan. U jien hawnhekk se nikkwota mill-EU report li ħarġet il-kummissjoni madwar erba' ġimgħat ilu biex nikkuntrastja dak li qed jgħidu l-Ministri Bonnici u Dalli f'xi interventi, fejn qalu li ġej ħafna investiment dirett barrani.
Il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar Malta qalet hekk:
"Other than privatisation deals and capital and reserve inflows of international banking institutions ...",
- jiġifieri għajr għal dak li seta' daħħal il-gvern mill-privatizzazzjoni u minn xi inflows kapitali tar-riżervi tas-settur bankarju internazzjonali -
"... FDI remains lower than expected.",
Jiġifieri l-investiment dirett barrani f'Malta għadu ferm iktar baxx milli kien mistenni. Anzi, biex juri li anke l-gvern huwa konxju tal-problema, l-Unjoni Ewropea qalet li:
"The government is aware that the quality and the quantity of FDI is too low.".
Jiġifieri dawn qalu li l-Gvern Malti huwa konxju u jaf tajjeb li kemm il-kwantita` kif ukoll il-kwalita` ta' l-investiment dirett barrani f'pajjiżna għadu baxx ħafna. Ħalli niġi issa għall-aspett illoġiku ieħor tal-budget, dak li se jżid in-nefqa rikorrenti u jnaqqas in-nefqa kapitali meta din hija meħtieġa biex tgħin l-iżvilupp infrastrutturali tal-pajjiż.
Sur President, jiena ma nafx x'wiċċ kellu l-ministru li dakinhar tal-budget jagħmel intervista f'"in-nazzjon" u jgħid li tlieta mis-setturi ewlenin tal-budget għas-sena 2000, jiġifieri dak li għaddej din is-sena, kienu t-toroq, l-edukazzjoni u s-saħħa. Jekk hemm tliet setturi li kulħadd igorr fuqhom li ma sar xejn suret in-nies, huma proprju dawn it-tliet setturi! U jien ngħid li dan la kien il-każ din is-sena u lanqas jidher li se jkun il-każ is-sena d-dieħla jekk tneħħi n-nefqa li l-gvern se jagħmel fuq l-isptar il-ġdid.
Minkejja l-għajta ta' professjonaliżmu li jħobb idawwar biha l-Ministru tal-Finanzi, jiena nħoss li minflok forecasting li jiġi preplanned bir-reqqa u bil-għaqal kif suppost, din id-darba għandna crisis management at its best u ċifri fil-consolidated accounts structure, jiġifieri l-projections tal-gvern, li rrendew ruħhom irrilevanti, wara li l-gvern għażel li jinjorahom, jissorpassahom u ma jimxix fuqhom l-aktar fejn jidħol il-piż tat-taxxi fuq iċ-ċittadini. L-Onor. Joe Cilia tkellem fuq il-privatizzazzjoni u jien m'iniex beħsiebni nirrepeti li qal hu, pero` rrid ngħid li l-privatizzazzjoni llum kważi kważi saret neċessita' għall-pajjiż sforz il-qagħda finanzjarja li jinsab fiha. Ġejna f'sitwazzjoni fejn kważi spiċċa ż-żmien li din tkun kwestjoni ta' għażla jew ta' ideoloġija u għalkemm aħna se niffokaw fuq il-politika tagħna ta' privatisation fil-policy update aġġornat ekonomiku finanzjarju li qed naħdmu fuqu bħalissa, hemm riskju kbir li sakemm nitilgħu aħna fil-poter fl-elezzjoni li jmiss, jekk il-gvern jibqa' għaddej bil-pjani li għandu, ikun diġa` effettivament biegħ il-fidda kollha u jkun ipprivatizza kollox.
Il-gvern fil-fehma tiegħi qed jintebaħ li m'huwiex kapaċi joħloq budgets kreattivi u immaġinattivi għaliex qed isib li diffiċli toħroġ b'soluzzjonijiet ġodda mill-ħafna kliem fieraħ dwar fiduċja. U kellu raġun il-ministru. Jekk ma qbilt miegħu fuq xejn qbilt miegħu meta qal li dan il-budget huwa wieħed ta' politiku, la ta' accountant u lanqas ta' ekonomista. Anke s-slogan għalih, ironikament minflok ħareġ bih il-ministru fil-budget kif dejjem jagħmlu diversi ministri taħt diversi amministrazzjonijiet, ħareġ bih il-Partit Nazzjonalista nnifsu lejliet il-budget. Jiġfieri anke fuq budget naraw kemm dawn in-nies ma jemmnux fis-separazzjoni tal-poteri bejn partit u gvern. Għalija l-akbar dilemma tal-pajjiż illum apparti mill-problema tad-deficit, hija li għandna pajjiż li sfortunatament żviluppa f'pajjiż fejn minn naħa huwa ntaxxat iż-żejjed u minn naħa l-oħra għandek kategoriji kbar ta' nies li huma evażuri primi tat-taxxa.
Ftit tal-jiem ilu jiena smajt tabib jitkellem fuq Radio 101 - ngħid mal-ewwel li l-ministru ma qabilx miegħu - li bil-wiċċ tost kollu qagħad jitkarrab lill-ministru sabiex jagħtih xi inċentivi finanzjarji jekk jagħżel li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu mat-taxxa. Nerġa' ngħid li l-Ministru Dalli ma qabilx miegħu, imma qed ngħid dan biex nuri l-mentalita` li teżisti f'ċerta klassi professjonista - m'iniex qed ngħid kollha għaliex hemm professjonisti li jkunu in order fit-tax returns tagħhom - kif dawn iħarsu lejn it-taxxa; donnhom iridu xi inċentiv fiskali biex jagħtu lil Ċesri dak li hu ta' Ċesri. U hawnhekk fejn tidħol it-tax compliance unit. Sa mill-bidunett aħna konna tal-fehma li l-gvern kellu jwaqqaf din il-unit b'saħħa ta' liġi ħalli jkollha parametri ċari u definiti b'mod li jifhimhom kulħadd. U din ma kenitx il-fehma tagħna biss, imma kienet il-fehma ta' diversi korpi kostitwiti, pero` sfortunatament dak li qalu lilna privatament ma jidhrux li kellhom il-kuraġġ jgħiduh fil-beraħ.
Il-ministru m'huwiex jiċħad il-problemi loġistiċi li qed ikollu biex isib l-ammont meħtieġ ta' nies professjonali kemm mill-gvern u anke mill-privat biex iħaddem dan il-unit u, għalkemm dan l-aħħar ipprova jserħilna rasna fuq it-television li kien se jsib tarf ta' din il-problema, xorta m'iniex konvint li dawn il-miri se jintlaħqu b'tali mod li t-TCU tkun fully operational sas-sena d-dieħla. Id-dħul ipproġettat mill-income tax kollu din is-sena skond il-budget huwa ta' Lm13, miljun imma skond il-benchmarks li kienet issettjat għaliha nnifisha t-TCU meta ġiet biex titwaqqaf, kellhom idaħħlu Lm2.66 miljun is-sena li qegħdin fiha - din ħalliha għaliex kienet għadha qed tifforma - fl-2001 kellhom idaħħlu Lm16.69 miljun, jiġifieri Lm3.96 miljun aktar milli l-gvern qed jittargitja li jdaħħal mill-income tax din is-sena, filwaqt li fis-sena 2002 l-istess tax compliance unit qed tantiċipa, fil-benchmarks li ssettjat għaliha nnifisha, li ddaħħal Lm28 miljun jew aktar. U għalhekk jien ngħid li xi ħaġa x'imkien żgur li marret żmerċ.
Sur President, jien dejjem sħaqt li din il-unit għandha tkun 'il fuq mill-politika. Rigward il-personnel jien ma nafx kif il-ministru huwa daqshekk kunfidenti li se jsib in-nies meħtieġa meta għandu bżonn 56 persuna fl-investigation section weħidha, 12-il persuna fil-legal services, 10 fl-information management section billi t-TCU ovvjament se tkun tiddependi u tagħmel tajjeb ħafna fuq it-teknoloġija, 12 fuq il-quality management section u sitta fl-executive section. Jista' l-ministru jgħidilna meta qed jaħseb li se jintlaħqu dawn it-targets tar-revenue u personnel fi ħdan it-tax compliance unit? Għalkemm jien m'għandi xejn kontra l-integrita` tal-persuna li semmejt fl-istqarrija għall-istampa xorta nħoss li l-ministru bagħat messaġġ ħażin lit-taxpayers Maltin u Għawdxin meta poġġa assisstent personali tiegħu fuq il-bord ta' l-għażla fil-proċess ta' reklutaġġ fit-TCU. Jista' jkun li dan il-fatt il-ministru qed jirrikonoxxih għaliex dan l-aħħar issemmew nies differenti li qegħdin joqogħdu fuq is-selection board.
Dan il-punt huwa importanti li nisħqu dwaru għaliex fin-nofs hemm it-trasparenza u l-kredibilita` tal-unit, ħaġa li naf li ċerti korpi kostitwiti kitbu speċifikament lill-ministru dwarha.
Diġa` għedt aktar kmieni li ċerti difetti tal-budget se jibdew joħorġu mal-milja taż-żmien, b'mod partikolari ma' l-implimentazzjoni tiegħu. Per eżempju, ċerti korpi kostitwiti damu kważi ġimgħa sħiħa biex intebħu li l-miżuri tal-budget se jżidu l-costs għas-settur privat. Filwaqt li oħrajn m'humiex qed jaraw miżuri li jistgħu jwasslu għall-ħolqien tal-ġid, jiena nħoss li hemm ċertu ottimiżmu żejjed u tamiet żejda fil-Business Promotion Act li jistgħu fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal ċertu diżappunt għaliex wara kollox dan l-abbozz ta' liġi diġa` jinsab sena tard, tant li kien diġa` tħabbar fil-budget għas-sena 2000. Wieħed għad irid jara kemm se tkun effettiva din il-liġi industrijali mhux fid-dibattitu li se jkollna dwarha fil-parlament imma meta tiġi biex taħdem fil-prattika. Studju li għamlet l-FOI sab li t-tassazzjoni totali b'riżultat ta' dan il-budget se tiżidied b'1% għal 36.1% bħala persentaġġ tal-cake nazzjonali. B'hekk naraw x'persentaġġ se jkun hemm ta' tax income in relation mal-cake nazzjonali, jiġifieri mal-GDP.
Dwar ir-ristrutturar ta' l-SMEs jiena nħoss li ftit li xejn issemma b'mod konkret fil-budget. Kull meta l-ministru jsemmilna kemm hu diffiċli li wieħed inaqqas in-nefqa pubblika, ma jsemmi xejn dwar kuntratti b'direct orders, standards ta' xogħol li ftit li xejn isir kontroll fuqhom, konsulenzi u ħafna affarijiet oħra bħal dawn. Jien nixtieq li f'din is-sena finanzjarja ġdida, il-gvern jindirizza din il-problema bis-serjeta` u b'impenn politiku. Niġu issa għall-inflazzjoni.
Jiena ngħid li għalkemm l-inflazzjoni, skond l-istatistika tal-gvern, naqset xi ftit f'dawn l-aħħar xhur, xorta waħda se tkompli tgħolli rasha b'riżultat tal-piż kumulattiv tat-tassazzjoni mposta mill-gvern is-sena l-oħra, liema miżura se jibqa' jkollha ripple effect din is-sena b'riżultat ta' dan il-budget. Meta l-gvern is-sena l-oħra bagħbas it-tax bands, mhux biss qatel l-inizjattiva privata u ddisinċentiva lil ħafna nies tal-klassi tan-nofs, iżda wera li kien qed ifittex biss soluzzjonijiet short-term għall-problemi strutturali tiegħu fejn moħħu biss li jċekken l-income expenditure gap. Qed ngħixu fi żmien fejn is-sħab Ewropej ta' dan il-gvern kollha qed jaqtgħu t-taxxi ħalli jistimulaw l-ekonomija ta' pajjiżhom u jinċentivaw lill-ħaddiema, lin-negozjanti u n-negozju tagħhom. Fis-snin 90 il-gvern Nazzjonalista kien naqqas l-income tax biex itaffi xi ftit il-qrusa tad-dħul tal-VAT. Din id-darba m'għamilx hekk imma żied it-taxxi; żied l-income tax u wessa' l-firxa tal-VAT.
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien ta' produttivita` ogħla fiċ-ċivil, jien wisq nibża' li ħafna minnu huwa biss kliem in aria pero` jkun aktar xieraq li nikkummenta meta joħorġu r-riżultati konkreti. Bħalissa tisma' ħafna kliem dwar il-ħolqien ta' l-ekonomija l-ġdida, dik li tissejjaħ in-new economy, f'ħafna ċrieki ekonomiċi u ta' management, iżda fir-realta` ma nafx kemm ninsabu verament mexjin lejn din id-direzzjoni. Il-ministru qalilna li fit-tarznari s-sussidji se jkunu marbutin mal-livell ta' produttivita`, li hija idea tajba, pero` l-informazzjoni li għandi jien hija li minkejja li żdiedu l-ordnijiet fit-tarznari qed jiżdied ukoll it-telf. U x'se jiġri fil-prattika jekk ċerti productivity levels ma jintlaħqux? Xi ħadd qalli, subject to correction għaliex ma kontx hemm, li meta l-Ministru Dalli kien qed jindirizza korp kostitwit partikolari qalilhom li aħjar ikompli jħallas il-pagi għall-produttivita` tal-lum milli joqgħod iġorr il-piż u l-inkonvenjenza ta' ħafna strikes u nkwiet industrijali. Dwar il-kontroll ta' nefqa pubblika l-Ministru Dalli l-ewwel ikkritika lil dawk li qegħdin jgħidu li m'hemmx rimedju mmedjat, imbagħad fl-istess nifs qal li dan se jkun wieħed mill-prijoritajiet tiegħu għas-sena finanzjarja l-ġdida.
Lejn Ottobru ta' din is-sena l-Ministru Dalli kien ta intervista lil "The Malta Independent" li lili ħawditni mhux ftit. Wara li qagħad jiftaħar kemm qed tikber b'ċerta saħħa l-ekonomija - ħaġa li għamel ukoll l-Onor. Josef Bonnici - qal li ċertu ġid m'huwiex jinħass għaliex hemm ċaqlieqa fl-expenditure patterns tan-nies kif ukoll għaliex l-attivita` ekonomika qed issir b'mod aktar mifrux madwar il-gżira iżjed milli tibqa' kkonċentrata bħal fl-imgħoddi f'xi post jew tnejn. U għalhekk wasal għall-konklużjoni li b'riżultat ta' dan ħafna individwi m'humiex iħossu dan il-ben essere li fil-fatt jeżisti fil-pajjiż. Jien, per eżempju, ma nafx x'ra pożittiv il-Ministru fil-fatt li t-tfaddil tan-nies qed jikber. Dan għalija jfisser nuqqas ta' fiduċja fil-ġejjieni kif ukoll li kulħadd qed jaħseb għas-sold.
Fejn ma qbilt xejn mal-ministru - dan diġa` għedtulu f'diskussjoni li kellna fuq it-television - kien meta qal li l-problema tal-likwidita` ġejja mit-tpartit rampanti li hawn fil-pajjiż, biex jaħbu l-vera turnover tad-ditti u b'hekk jevadu t-taxxi kemm jifilħu. Jiena nitkellem ma' nies fin-negozju ta' kull lewn u kollha kemm huma jgħidulek li t-tpartit huwa s-sintomu tal-qagħda attwali fil-pajjiż u mhux il-kawża nnifisha. Ħrafa oħra li ħareġ biha l-ministru dakinhar kienet li d-dħul mill-VAT qed jiżdied għaliex qed jikber il-konsum fil-pajjiż. Skużi, id-dħul mill-VAT qed jiżdied għaliex qed tinfirex ix-xibka tal-VAT fuq ħafna u ħafna aktar items milli kienet mifruxa fl-imgħoddi. Dwar id-dħul mill-bejgħ tal-proprjeta` lill-ministru ngħidlu li jkun qed jonqos jekk ma jagħtix rikonoxximent lix-xogħol fejjiedi li kien sar taħt gvern Laburista minn kummissjoni indipendenti ta' practitioners f'dan il-qasam, liema xogħol kien tlesta fis-sajf ta' l-1998 imma ma setax jiġi attwat minħabba l-kwestjoni politika li kienet feġġet.
Il-ministru qalilna wkoll li hija ħrafa li meta wieħed ineħħi l-kontribut ta' l-ST Microelectronics mill-figura ta' l-esportazzjoni tal-pajjiż, isib li l-valur miżjud xorta waħda kompla jikber. L-istatistika uffiċjali turi mod ieħor. Id-difett ta' dan il-gvern huwa li minkejja l-ħafna linji ta' direzzjoni li qed jipprova jagħti, effettivament spiċċa kien biss gvern galantom bi flus ħaddieħor. Kemm se jirnexxielu jbiddel il-mentalita` u l-kultura għandi d-dubji serji tiegħi għaliex apparti milli jrid jgħaddi ż-żmien sew biex dan iseħħ, ma nafx kemm huwa ġenwin l-impenn politiku u r-rieda politika tal-Kabinett kollu f'dan ir-rigward.
In-nies li niltaqa' magħhom jgħiduli li l-qtugħ tan-nifs irid jieqaf u jridu arja ġdida. Ma jridux ikomplu jgħixu f'soċjeta` fejn il-gvern jagħfas fuq min jiddikjara kważi l-paga kollha u lil min ilu s-snin jevadi jkompli jħallih joqgħod gallerija. Ilna seba' budgets nisimgħu lill-Ministru Dalli jgħid li huwa mpenjat li jiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa imbagħad taqra l-introduction tal-budget u ssib breakdown dettaljat li huwa ammissjoni ta' l-evażjoni rampanti li għad għandna f'dan il-pajjiż. Meta l-Gvern Ingliż kien ġentilment offrilna s-servizzi ta' ċertu Deacon bħala konsulent dwar l-income tax, huwa kien ikkalkula li kull sena, madwar Lm70 miljun kienu qegħdin jiżolqu u jaħarbu mix-xibka tat-taxxa ta' l-income fejn jidħol is-settur kummerċjali. U allura jien nistaqsi: X'inhi l-qagħda attwali llum? X'inhi l-qagħda li qed jittargitja l-ministru once li tkun fully operational it-tax compliance unit? F'ċirkostanzi bħal dawn in-nies targumenta - u bir-raġun - li dan mhux gvern li għalih xejn m'huwa b'xejn, kif jgħid il-Ministru Dalli, imma li dan huwa gvern fejn xejn m'huwa xejn għalih.
Dwar ir-riżervi l-ministru qalilna ftit li xejn fid-diskors tiegħu. Jien stennejt xi forma ta' indikazzjoni dwar kif niżlu, kemm niżlu u għaliex niżlu u anke dwar il-balance of payments. Anke dan l-imbierek ratio ta' kemm il-cake nazzjonali jmur għand il-gvern irid jibda jonqos bis-serjeta` jekk irridu naslu x'imkien, u jrid jibda jonqos b'rata mgħaġġla jekk verament irridu niksbu riżultati konkreti. Jenħtieġ li mmorru lejn rata ta' infiq li tkun ġusta għall-qies ta' pajjiżna. Il-poplu ilu li ntebaħ li “money no problem” ma kenitx biss għajta propagandistika iżda kienet mentalita` li ilha tirranka u li issa diffiċli nfejquha malajr malajr. Sadanittant ċerti prijoritajiet xorta baqgħu bil-bżonn li jiġu indirizzati.
Biex niżguraw li l-figuri finanzjarji jkunu veritjieri, diġa` għedna, u nerġgħu ngħidu, li hemm bżonn nagħmlu awditjar indipendenti tal-finanzi pubbliċi appena ssir il-bidla fil-gvern. U dan mhux b'diżrispett għall-awditur ġenerali li wara kollox aħna ħtarna flimkien mal-gvern, imma għaliex sal-lum, in-national audit office għad m'għandux il-makkinarju, il-manpower u r-riżorsi biex jagħmel eżerċizzju bħal dan f'temp ta' ftit ġimgħat. Li kieku kellu dan il-manpower ovvjament ix-xogħol konna ngħidu li nagħtuh lilu imma sal-lum għadu jagħmel ħafna farming-out għaliex nerġa' ngħid m'għandux ir-riżorsi umani neċessarji. Niġu issa għall-flus li ħerġin barra l-pajjiż b'rata tal-ġenn.
Ftit ilu kellna diskussjoni fil-programm "Babel" fuq Super 1 Television, li għalih kien mistieden ukoll il-ħabib tiegħi, il-Profs. Lino Briguglio, persuna li jien nirrispetta. Huwa qal li qed jantiċipa li l-gvern se jirnexxielu jġib ħafna flejjes lura lejn il-pajjiż. U jiena ngħidlu: Mela ma tafx it-trend fejn hi miexja? Se mai, ix-xejra tal-flus li joħorġu mill-pajjiż tista' biss taċċellera b'riżultat ta' dan il-budget aktar milli jkollna reversal of trends, kif antiċipa l-Profs. Briguglio.
Rigward il-fringe benefits, għalkemm aħna naqblu fil-prinċipju u konna qed naħdmu f'din id-direzzjoni, konna għadna qed nistudjaw il-parametri ħalli naraw li dawn jiġu introdotti b'sens ta' ġustizzja u mhux nagħmlu kif għamel dan il-gvern li laqat ukoll benefiċċji koperti bi ftehim kollettiv. Huwa veru li aħna konna qabbadna lid-dipartiment ta’ l-income tax jistudja bir-reqqa dan il-proġett, iżda konna għadna la tellajna l-kwestjoni kollha fuq il-livell ta' kabinett u lanqas kienu għadhom ġew definiti b'mod ċar il-parametri min-naħa tad-dipartiment tat-taxxi nterni. Jiena ġentilment nisiteden lill-ministru sabiex fl-intervent tiegħu jikkjarifika xi ħaġa li hemm f'paġna 17 tal-guidelines tal-fringe benefits fejn jissemmew l-ischolarships. Din tfisser li jekk il-gvern, bħala employer, jibgħat lil xi ħadd scholarship, dan se jkun soġġett għall-fringe benefits? Jiena qed ngħid dan ġenwinament mhux biex nitfa' id-dubji, u forsi l-ministru jkollu ċans fl-intervent tiegħu jikkjarifika dan il-punt għaliex naf li hemm ċerti dubji serji anke fost ħaddiema tas-servizz pubbliku li avviċinawni fuq din l-issue.
Punt ieħor li rrid insemmi huwa l-overtime. Jiena wieħed minn dawk li nemmen li l-overtime għandu jiġi mrażżan u ppruvajniha nagħmlu dan anke meta konna aħna fil-gvern, pero` l-mod drakonjan li qed japplika l-gvern ma nafx kemm se jirnexxielu jikseb riżultati konkreti. Jien nistaqsi x'inhu l-iskop li qed jitfa’ l-poteri kollha fuq il-permanent secretary meta suppost ċertu kontroll għandu jiġi vestit fil-kap tad-dipartiment li wara kollox huwa responsabbli biex jamministra l-vot tal-ministeru. Jekk il-gvern ma japplikax din il-miżura b'mod prattiku se jibda jsib ħafna reżistenza passiva, liema reżistenza m'għandha x'taqsam xejn mal-politika - biex ma jaħsibx li aħna qed inxewxu lin-nies min-naħa tagħna - li biha dawn ikunu qed jagħmlu protesta fil-metodu tagħhom sabiex iwaqqgħu lura ċertu xogħol għaliex ma jkunux baqgħu jitħallew jagħmlu l-overtime. Dan jien qed nistaqsih fl-interess wieħed biss, li ma titnaffarx l-effiċjenza fid-dipartimenti tal-gvern u żgur mhux biex niddefendi la s-serq, la l-abbużi u lanqas l-isparpaljar tal-flus.
Nistaqsi wkoll x’politika se jimxi biha l-gvern rigward it-treasury bills. Nafu tajjeb li fl-1999 kellu jissellef Lm50 miljun fi treasury bills, iżda fil-fatt spiċċa qabeż it-Lm83 miljun u din is-sena qabeż anke l-figura ta’ Lm142 miljun. Il-messaġġ u t-tema ewlenija ta’ kull budget għandha tkun li hemm bżonn ġustizzja fiskali u dan m’huwiex rifless fid-diskors tal-ministru f’din il-Kamra. Il-gven għandu jitgħallem jiddistingwi bejn min irid jaħdem u joħloq il-ġid u min irid sempliċement jispekula. U jgħidu x’jgħidu l-Ministri Dalli u Bonnici, l-ekonomija tal-pajjiż għadha fi sqaq. U jiena nistaqsi: Jekk l-ekonomija tal-pajjiż għadha fi sqaq meta sal-lum l-ekonomija dinjija kienet qed tagħmel performance tajjeb, x'se tkun il-pożizzjoni jekk l-indikaturi ekonomiċi ta' economic slowdown fuq skala globali dinjija jimmaterjalizzaw fil-ġimgħat li ġejjin? U nixtieq hawnhekk nikkwota l-istatistika tal-gvern stess.
Veru li l-economic survey ipprova jpinġi kemm jista' l-affarijiet sbieħ imma ċerti figuri ma setax jaħrabhom, speċjalment meta ġie biex jitkellem dwar il-Borża ta' Malta. Paġna 198 ta’ l-istess economic survey titkellem dwar activities on the secondary markets għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-equities. Issa kulħadd jaf li kull stock exchange turi l-livell ta' fiduċja u l-attivita` li jkun hemm fil-pajjiż. Ħalli issa nipparagunaw il-market value of shares traded, jiġifieri l-valur tas-suq tax-shares negozjati, bejn l-ewwel tliet xhur tas-sena u t-tieni u t-tielet tliet xhur tas-sena u kulħadd ikun jista’ jasal għall-konklużjoni waħdu.
Nibdew bil-Bank of Valletta fejn fl-ewwel tliet xhur il-market value kien Lm10.5 miljun, fit-tieni tliet xhur niżel għal Lm2.9 milju u fit-tielet tliet xhur niżel għal Lm1.49 miljun. Fil-każ tal-Lombard Bank, fl-ewwel tliet xhur kien Lm2.5 miljun, fit-tieni tliet xhur niżel għal Lm1.5 miljun, filwaqt li fit-tielet tliet xhur niżel għal Lm921,000. Fil-każ tal-Middle Sea Insurance, fl-ewwel tliet xhur kien Lm1.3 miljun, fit-tieni tliet xhur niżel għal Lm422,000, filwaqt li fit-tielet tliet xhur niżel għal Lm118,000. Fil-każ tal-Maltacom, fl-ewwel tliet xhur kien Lm16.408 miljun, fit-tieni tliet xhur niżel għal Lm7.8 miljun, filwaqt li fit-tielet tliet xhur niżel għal Lm2.41 miljun. Jiġifieri hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq niżla 'l isfel ta' 70% jew aktar fl-andament tas-suq, ħaġa li naħseb li għandha tkun inkwetanti. Aktar ‘il quddiem nitlob il-permess sabiex inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li għandi kif ikkwotajt.
Sur President, in-net effect ta' dan il-budget huwa li meta jiġi fis-seħħ l-1 ta' Jannar se nsibu li l-gvern ħalla lil ta' fuq xorta mxaħxħa filwaqt li t'isfel baqgħu 'l isfel flok qed jitqarrbu lejn in-nofs. Fis-sentejn li għaddew il-maġġoranza kbira tal-Maltin soffrew tnaqqis sostanzjali fid-dħul tagħhom, u dan jammettih kulħadd. Aħna rridu politika li tara li tiżgura l-ġid, iżżid l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi, issaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż u li jkun hawn aktar onesta` u integrita` minn fuq s'isfel, inkluż fit-tmexxija tal-pajjiż. Jien nixtieq inkun naf jekk il-ministru din is-sena għamilx analisi tal-budget impact fuq il-poplu. Dan qed ngħidu għaliex fi Frar tas-sena l-oħra kien ħareġ jgħid li l-poplu mar minn taħt b’52c biss jekk għandu dħul baxx u Lm8.02 jekk qiegħed fil-faxx ta' dawk li jaqilgħu Lm11,000 jew iżjed. Safejn naf jien dakinhar kellu jsir studju mill-MCED u l-gvern la kien għaddilhom il-mezzi, la għaddilhom il-finanzi u lanqas għaddilhom l-għodda biex jagħmlu dan l-istudju u minkejja l-intenzjonijiet kollha taċ-chairman ta' l-MCED, kulħadd kien baqa' b'xiber imnieħer. Li huwa interessanti wkoll li wieħed jinnota huwa li filwaqt li issa l-ministru qed jammetti li bil-budget 2000 il-ħaddiem kien mitlub jagħmel is-sagrifiċċji, tant li skond hu issa l-ħaddiem qed jaqta' l-frott ta' dan is-sagrifiċċju, is-sena l-oħra huwa kien tkellem mod ieħor għaliex kien qal li fil-budget 2000 kien ried jiżgura li dawk bi dħul baxx jintlaqtu mill-inqas u li ħadd ma kien ġie mitlub iġorr xi piż li ma jiflaħx iġorr. Skond hu, kien biss wara li ħa dawn il-fatturi in konsiderazzjoni li l-gvern iddeċieda fuq il-pakkett li jimplimenta. Fil-fatt fi Frar ta' din is-sena l-Onor. John Dalli kien qal li l-budget għas-sena 2000 kien wieħed ta' serħan il-moħħ fejn il-gvern wera li l-problema qiegħda hemm iżda m'hijiex xi waħda li għandha tbeżża' lin-nies.
Is-sena l-oħra l-gvern ma kienx ftaħar bit-TCU li kien se jwaqqaf, anzi kien tefa' ir-responsabbilta` kollha għall-evażjoni tat-taxxa fuq il-poplu nnifsu. Dakinhar il-ministru kien qal li l-poplu Malti u Għawdxi li jrid ikun li jgħin lill-gvern ħalli jinqatgħu l-abbużi ta’ l-evażjoni tat-taxxa u tal-VAT. Jiena diġa` ikkwotajt lill-Ministru Dalli jitkellem f'Babel u se nerġa' nikkwotah illum. Sena ilu l-ministru kien qal li l-messaġġ tiegħu lin-nies huwa biex jaħsbu, jonfqu, ifaddlu, jaħdmu u jinvestu ħalli l-ekonomija tal-pajjiż timxi 'l quddiem. Naħseb li anke fl-ewwel sena ta’ kors ta' l-ekonomija jitgħallmuhom dawn l-affarijiet elementari u m'hemmx għalfejn jgħidha l-Ministru Dalli. Imma hekk għamlu effettivament? (Interruzzjonijiet) Lanqas jien ma nweġibha; la weġibha hu u lanqas inweġibha jien, imma jweġibha l-poplu Malti u Għawdxi li qed jismagħna. U daqstant ieħor kien daħk fil-wiċċ meta l-Ministru Dalli qal li ma jistax ikun li wieħed ikun sinjur f'pajjiż fqir iżda jenħtieġ li lkoll inkunu sinjuri f'pajjiż sinjur. Fil-prinċipju naqblu ma' dan iżda għal min hu taħt, għal min hu batut, għal min qed iċedi taħt il-piżijiet ta' ċertu toqol tal-miżuri tal-gvern, dan huwa nsult li aktar ikompli jitfa' melħ fuq il-ferita milli joffri xi forma ta' soluzzjoni.
Sena ilu l-Ministru Dalli kien ftaħar tant - kif qed jagħmel din is-sena - li lejliet il-budget kien qal li kien se jressaq budget li mhux talli ma kienx wieħed ta' awsterita` talli kien se jkattar l-investiment fil-pajjiż. U jien nistaqsi: L-investiment fejn qiegħed? Jien diġa` tkellimt fuq l-għatx u n-nixfa kbira ta' investiment li hawn u ngħid li r-raġuni ewlenija għalfejn l-ekomomija ma kibritx kienet proprju minħabba l-miżuri drastiċi li ħa l-Ministru Dalli fit-tieni budget tiegħu. L-ekonomija Maltija kienet dgħajfa jekk tneħħi dawk il-kumpanniji tal-manifattura għas-servizzi li huma mmexxijja mill-barranin u li għalhekk ma tantx ikunu effetwati minn żviluppi fl-ekonomija domestika. Id-dħul mit-taxxi żdied l-aktar minħabba l-miżuri tal-budget 2000 u mhux minħabba xi tkabbir ekonomiku jew tnaqqis fl-evażjoni. It-tax income to GDP diġa` spjegajtha imma rrid nerġa' nenfasizza ż-żieda fl-ispiża rikorrenti ħalli jifhimni kulħadd. L-ispiża rikorrenti fl-1998 din telgħet bi Lm17.3 miljun, fl-1999 telgħet b'Lm5.47 miljun, fis-sena 2000 telgħet b'Lm33.8 miljun u s-sena d-dieħla se titla' b'Lm50.13 miljun. Dan ifisser li din l-ispiża se tkun telgħet minn Lm3.5 miljun fl-1998 għal Lm9.1 miljun din is-sena.
Sieħbi l-Onor. Joe Cilia diġa` tkellem dwar x'mar żmerċ taħt din l-amministrazzjoni, imma jiena ngħid li dan il-gvern kellu tliet fjaski kbar din is-sena; meta tniżżlet ir-rata ta' l-imgħaxx fl-istess żmien li tnaqqsu l-capital controls u kien hemm impatt sostanzjali fuq ir-riżervi tas-central bank, kellu fjask ieħor f'Ġunju meta ħareġ stocks b'rati baxxi u spiċċa xtara Lm11 miljun minnhom is-sinking fund tant kemm ma kienx hemm domanda, u l-aħħar fjask tal-privatisation bonds li 57% minnhom marru għand il-Bank of Valletta underwriters u b'hekk se jispiċċaw jingħataw preferenza li jixtru x-shares tagħhom stess meta jiġu privatizzati.
L-ispiża kapitali tal-gvern suppost li tinżel b'Lm1.7 miljun u dan minkejja li l-NPAA mistenni jiswa dak li jiswa u minkejja l-ispiża li hemm - m'iniex qed ngħid li huwa ħażin - fuq l-isptar il-ġdid li mistennija tiżdied b'Lm2 miljun. Bil-miżuri li qed idaħħal il-gvern, se joħroġ aktar kapital minn Malta u se tkompli tiżdied il-prattika ta' ħabi ta' invoices u akkumulazzjoni ta' arretrati. Jekk wieħed jeżamina l-ispiża fuq l-Unjoni Ewropea jsib li din tlaħħaq daqs nofs dak li l-Ministru Dalli qal li se jiġi jiswih il-ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku. Ħalli issa niġu għar-riżervi nfushom, liema riżervi ma tkellimx dwarhom il-ministru.
Bejn Diċembru tas-sena li għaddiet u Settembru ta' din is-sena r-riżervi tal-bank ċentrali waqgħu bi Lm42.8 miljun. Dan fil-prattika jfisser li fejn qabel kellna import coverage tar-riżervi ta' 8, 9, 10 u anke 11 xahar, issa għandna import coverage ta' 4.8 months, wieħed mill-aktar livelli baxxi ta' riżervi li niftakru fiż-żmenijiet riċenti. Jien ngħid li l-flus qed joħorġu minn Malta mhux biss minħabba l-portfolio investments imma anke minħabba l-capital flight li qed ikun hemm minħabba l-mod kif qed issir ir-relaxation tal-capital controls u anke minħabba l-fatt li l-interessi tħallew pegged b'rata li m'hijiex attraenti għall-investituri Maltin. Diġa` kien hemm pressjoni fuq il-bank ċentrali lejn tmiem l-1998 biex jaqtgħu r-rati ta' l-interessi u eventwalment il-bank ċentrali kien ċeda għall-pressjonijiet tal-gvern billi rriduċa l-interessi tliet darbiet fl-1999 taħt il-pretext li l-interessi barra minn Malta kienu neżlin. Ara meta mbagħad kien hemm ir-reversal of trends, jiġifieri l-affarijiet daru mod ieħor fis-sena 2000, il-bank ċentrali ma jidhirx li mexa f'din id-direzzjoni.
Il-bieraħ il-Ministru kellu ċans jelabora fuq il-kwestjoni tal-collective investment schemes. Jiena nifhem it-thinking tal-gvern imma ma naqbilx miegħu u ngħid għaliex. Dak iż-żmien li ġew introdotti s-servizzi finanzjarji, dak il-famuż pakkett li qabel fuqu kulħadd fl-1994, kien hemm l-understanding, written jew le, li l-collective investment schemes kellhom ikollhom ċerta tax advantage biex ikunu ta' ġibda għall-investitur li jkun interessat li jinvesti fihom. Bil-budgetary measure li ħa l-gvern illum, din it-tax advantage qed tiġi eroded u l-agħar li hemm mhux l-implikazzjonijiet tal-miżura imma r-ripple effect li din il-miżura ħalliet mhux biss fost il-practitioners imma anke fost il-poplu in ġenerali. Għax dak li jkun jgħidlek li la l-ministru - kien min kien; seta' kien ministru Laburista jew Nazzjonalista - deffes subgħajh f'dawn l-affarijiet, issa mistenni li fil-ġejjieni jkompli jdeffes subgħajh. U l-mistoqsija li qed jistaqsu ħafna nies hija x'se jkun il-pass li jmiss. Capital gains tax fuq l-equities is-sena d-dieħla? Jien m'iniex qed ngħid li se jsir hekk imma dawn id-dubji jinbtu weħidhom u dawn il-mistoqsijiet xbajt niġi ffaċċjat bihom f'dawn l-aħħar ġimgħa u nofs kemm ilu li ġie ppreżentat il-budget. Għalhekk jiena ngħid li dawn huma affarijiet li l-gvern għandu jindirizzahom b'mod effettiv għaliex dawn huma fatturi li ma tmisshomx b'idejk imma huma fatturi psikoloġiċi li xorta waħda wieħed ma jistax jinjorahom għal kollox.
Sur President, il-kumment konklużiv tiegħi fuq dan il-budget huwa li dan huwa budget bla direzzjoni. Imma l-agħar aspett li għandu dan il-budget b'paragun ma' budgets oħrajn Nazzjonalisti - se ninsa l-budgets tagħna bid-difetti kollha li kellhom u se nagħmel il-paraguni ma' budgets oħrajn li għamel l-istess Ministru Dalli - huwa li dan huwa budget ta' ingann ferm ikbar mill-budgets li ġew qabilhom. F'budgets oħrajn il-gvern, tajjeb jew ħażin, ħa ċerti miżuri, poġġihom fuq il-Mejda u kienu qegħdin hemmhekk biex wieħed jidentifikahom u jmisshom b'idejh. Dan il-budget l-ewwel impressjoni li jagħtik hija li huwa budget newtrali iżda mbagħad malli tibda teżaminah u teżamina l-estimi tinduna li m'huwa newtrali xejn u se jkompli jigdem b'mod progressiv mal-milja taż-żmien. Jiena ngħid li in the long run se jkun budget ta' benefiċċju għalina bħala Partit Laburista għaliex se jkun budget li se jibda jħaffer il-qabar politiku ta' dan il-gvern. Huwa budget li ma jgħid xejn lill-poplu fuq kif se jintnefqu flusu s-sena d-dieħla u lanqas jgħidlu minn fejn se jiġi d-dħul biex id-deficit effettivament jonqos. Dan huwa budget li jkompli jnaqqas it-trasparenza fil-pajjiż u jżid il-frustrazzjoni ta' dawk il-ħafna nies li għadhom jittamaw li dan il-pajjiż xi darba jibda jitmexxa bis-serjeta` u fl-interess tal-poplu. Huwa wkoll budget - u dan l-aspett ma deher imkien fid-diskors tal-ministru - bla wiċċ u bla dimensjoni soċjali, li la joffri tama u lanqas soluzzjonijiet għall-ġejjieni.
Sur President, qabel nagħlaq nixtieq nitlob il-permess sabiex inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi dokumenti li rriferejt għalihom fid-diskors tiegħi.

Yüklə 0,51 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin