MALTA KAMRA TAD-DEPUTATI KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI (Rapport Uffiċjali u Rivedut)
ID-DISA' PARLAMENT
Laqgħa Nru. 42 It-Tnejn, 16 ta' Lulju, 2001
Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan
Kamra tad-Deputati
Malta
Prezz Lm1 ID-DISA' PARLAMENT
KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
Laqgħa Nru. 42
It-Tnejn, 16 ta' Lulju, 2001
Il-Kumitat iltaqa' fil-Palazz, il-Belt Valletta, fis-7.12 p.m.
Talba
MINUTI
Il-Minuti tal-Laqgħa Nru. 41 li saret fit-13 ta’ Lulju, 2001 ġew konfermati.
PJAN STRATEĠIKU GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KURRIKULU NAZZJONALI - KONTINWAZZJONI Il-Kumitat irriżuma mit-13 ta’ Lulju, 2001 id-diskussjoni fuq dan is-suġġett.
IĊ-CHAIRPERSON (Onor. Helen D'Amato): Illum se nikkonsidraw iż-żewġ mistoqsijiet li l-Onor. Francis Agius għamel lill-Prof. Kenneth Wain. Prof. Wain, nassumi li għandek kopja tal-mistoqsijiet.
PROF. KENNETH WAIN (Chairman, Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi): Iva, għaddewhomli.
IĊ-CHAIRPERSON: Se naqra l-mistoqsijiet magħmula mill-Onor. Agius lill-Prof. Wain għall-benefiċċju ta' dawk preżenti, pero' qabel xejn nixtieq ngħid li daħlu żewġ mistoqsijiet oħra – u dawn se jiġu ċirkolati - mingħand l-Onor. Evarist Bartolo. Waħda hija dwar l-IT, u hija indirizzata lis-Sur Lawrence Zammit, u l-oħra hija dwar il-Fondazzjoni Skejjel ta' Għada, u hija indirizzata liċ-Chairman, is-Sur Mario Callus. Il-mistoqsijiet ta’ l-Onor. Francis Agius lil Prof. Wain jaqraw hekk:
“Tista’ tagħtina spjegazzjoni dettaljata tal-proċess u l-kwalita' tal-konsultazzjoni li wettaq l-isteering committee biex fassal il-pjan strateġiku? X'kien il-livell ta' impenn ta' diversi stakeholders rappreżentati fuq il-kumitat?
Għaliex inħass il-bżonn ta' kunsill nazzjonali meta diġa' hemm id-Dipartiment tal-Kurrikulu? Kif hu maħsub fil-pjan strateġiku biex dawn it-tnejn jaħdmu flimkien?".
It-tieni mistoqsija hija:
“Appendix 4 tal-pjan strateġiku jirriferi għal parents programme. Jista' wieħed jelabora iżjed fuq din? X'ser ikun sehem il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi f'dan ir-rigward in partikolari, u fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-kurrikulu b'mod ġenerali?
Kif jista' pjan ta' deċentralizzazzjoni ta' tmexxija ta' l-iskejjel jgħin it-twettiq aktar effiċjenti u effettiv tal-pjan strateġiku? Meta se jitfassal dan il-pjan?
X'bidliet huma meħtieġa fil-kurrikulu tal-kors tal-B.Educ. u fit-taħriġ ta' l-għalliema preżenti sabiex nassiguraw li l-gradwati jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa biex jgħinu lit-tfal ma jaqgħux lura fit-tagħlim?".
Issa nħalli f'idejk, Prof. Wain, biex twieġeb. Forsi tajjeb jekk l-ewwel tagħmel il-preżentazzjoni tiegħek u mbagħad twieġeb għall-mistoqsijiet speċifiċi li jistgħu jsirulek.
PROF. KENNETH WAIN: Nibda mill-ewwel mistoqsija li tistaqsi dwar il-kwalita' ta' konsultazzjoni li wettaq l-isteering committee. L-ewwelnett nixtieq ngħid li meta l-isteering committee beda bil-ħidma tiegħu, l-idea kienet li nipprovaw infasslu pjan strateġiku li bħad-dokument tan-national curriculum, ikollu consensus wiesa', u naturalment biex ikollu consensus wiesa', in-nies iridu jkunu informati u konsultati. Jekk wieħed iħares lejn il-parti ta’ l-istrategic plan li għandha x'taqsam max-xogħol li għamel il-kumitat – minn paġna 2 'il quddiem - jara l-mod kif imxejna biex nikkonsultaw in-nies. Għamilna numru kbir ta' laqgħat ta’ konsultazzjoni ma' diversi stakeholders, ma’ nies fil-komunita'. Per eżempju, iltqajna mal-kapijiet taċ-ċivil, stedinna lill-partiti politiċi jibagħtu tliet rappreżentanti jiltaqgħu magħna, iltqajna mal-kunsilli lokali, u kellna numru sostanzjali ta' laqgħat mal-kapijiet ta' l-iskejjel kollha ta' Malta, skejjel ta' l-Istat, skejjel privati u skejjel indipendenti. Barra minn hekk, kellna wkoll laqgħat mal-ġenituri. Il-ġenituri kienu importanti ħafna f'dan il-proċess. L-eżerċizzju ta' konsultazzjoni kien wiesa' ħafna.
It-tieni mistoqsija tistaqsi dwar l-impenn tad-diversi stakeholders rappreżentati fuq il-kumitat. Kif hemm imniżżel fir-rapport, il-kumitat iltaqa' 26 darba tul perijodu ta’ kważi sena. Dawn il-laqgħat jinkludu tliet seminars, wieħed ta' ġurnata u tnejn ta’ nofs ta’ nhar, u bħala medja nista’ ngħid li għal dawn il-laqgħat l-attendenza kienet tajba ħafna. L-attendenza ta’ l-istakeholders, ċioe’, ir-rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-knisja, ta' l-iskejjel indipendenti, l-uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u n-nies appuntati mill-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni, kienet konsistenti. L-unika problema li kellna mil-lat ta’ attendenza, kienet min-naħa tar-rappreżentant ta' l-MUT li kien il-President ta’ l-istess union, is-Sur John Bencini, minħabba l-kwestjoni li kien hemm bejn l-MUT u l-gvern. Fil-fatt, lejn it-tmiem tal-proċess, is-Sur Bencini kien avżani li kien ser jieqaf jattendi l-laqgħat tal-kumitat minħabba direttiva li kienet ħarġet l-MUT biex il-membri tagħha ma jipparteċipawx f'laqgħat bħal dawk. Kien avżani li ma kienx ser jattendi u fil-fatt m'attendiex sakemm l-affarijiet ġew regolarizzati. Voldieri dik kienet l-unika attendenza daqsxejn eratika li kellna.
IĊ-CHAIRPERSON: Prof. Wain, se jkolli ninterrompik għaliex se jkollna mmorru fil-Kamra minħabba sejħa għal quorum. Skużana.
Fis-7.15 p.m. il-Kumitat kienet sospiż minħabba sejħa għal quorum fil-Kamra tad-Deputati u rriżuma fis-7.20 p.m.
IĊ-CHAIRPERSON: Nistgħu nkomplu. Prof. Wain.
PROF. KENNETH WAIN: Niġi issa għall-mistoqsija fejn ġejt mistoqsi għaliex inħass il-bżonn ta' kunsill nazzjonali meta diġa' hemm id-Dipartiment tal-Kurrikulu. Naħseb importanti li wieħed jiftakar li hawnhekk qed nitkellmu fuq kurrikulu nazzjonali u allura bħala kurrikulu nazzjonali jfisser li qiegħed jorbot l-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex, pero' mhux hekk biss, iżda biex dan il-kurrikulu jimxi 'l quddiem u jseħħu l-għanijiet tiegħu, irid ikollu wkoll l-ownership ta' l-iskejjel differenti kollha, ta’ l-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti. U proprju għalhekk inħasset il-ħtieġa li jkollna kunsill nazzjonali. Barra minn hekk, ħarisna wkoll lejn x'ġara f'pajjiżi barranin li daħħlu kurrikulu nazzjonali u sibna li f'dawk il-pajjiżi, l-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali, il-mutur tiegħu, dejjem kien xi tip ta' kunsill fuq livell nazzjonali ta' din il-kwalita'. Ma naħsibx li kien il-lok li d-Dipartiment tal-Kurrikulu - li fuq kollox huwa dipartiment fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni - imexxi kurrikulu li huwa maħsub fuq livell nazzjonali.
Naturalment meta ġejna biex niddiskutu kif għandu jkun il-kunsill nazzjonali u x'tip ta' organizzazzjoni għandu jkun, rajna mudelli differenti. Infatti, l-ewwel ħaġa li għamilt bħala chairman ta’ l-isteering committee, kien li kkummissjonajt lil Dr. Joe Fenech biex jagħmlilna comparative study ta' x'sar f'pajjiżi barranin, u jiena stess kont għamilt memorandum li jinsab bħala Appendiċi 8 mal-pjan strateġiku, fuq kif naħseb li għandu jiġi mfassal in-National Curriculum Council. Fil-fatt, huwa differenti minn kif ġie adottat finalment. Meta ġejna biex nilħqu consensus fuq x'tip ta' mudell irridu nimxu fuqu, għażilna dak il-mudell li stajna niftiehmu fuqu.
Mistoqsija oħra kienet kif id-Dipartiment tal-Kurrikulu jirrelata mal-kunsill nazzjonali. Dik hija xi ħaġa li għad trid tiġi negozjata bejn il-kunsill nazzjonali u d-Dipartiment tal-Kurrikulu, pero’ tajjeb jingħad li ċ-chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu hija d-direttur tad-Dipartiment tal-Kurrikulu. Jiġifieri diġa' hemm involviment dirett ħafna minħabba li d-direttur tad-Dipartiment tal-Kurrikulu hija wkoll ex-officio ċ-chair tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu. Huwa maħsub ukoll li d-Dipartiment tal-Kurrikulu jkun it-technical arm, l-executive arm, tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu. Ir-relazzjoni bejniethom trid tkun li l-policies isiru mill-kunsill nazzjonali u mbagħad dawn l-istess policies jiġu mwettqa mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u mill-uffiċjali assenjati miegħu.
ONOR. FRANCIS AGIUS:Inti semmejt l-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel indipendenti. Kif inhuma rappreżentati dawn l-iskejjel?
PROF. KENNETH WAIN:Huma rappreżentati fuq in-National Curriculum Council. Ir-rappreżentanza fuq in-National CurriculumCouncil hija firxa fost l-istakeholders kollha, inklużi l-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel indipendenti.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Jiġifieri huma nies li jaħdmu fuq il-kurrikulu?
PROF. KENNETH WAIN: Huma nies li l-mistier tagħhom huwa l-iskola u l-edukazzjoni.
IĊ-CHAIRPERSON: Hawn min jixtieq jagħmel xi mistoqsija oħra fuq l-ewwel grupp ta’ mistoqsijiet li ssottometta l-Onor. Agius? Jidher li m’hawnx aktar domandi allura nistgħu ngħaddu għat-tieni grupp ta’ mistoqsijiet. Prof. Wain.
PROF. KENNETH WAIN: L-ewwel mistoqsija tirriferi għall-parents programmes li nsibu f’Appendiċi 4f'paġna 77 tal-pjan strateġiku. L-ewwel ħaġa li nixtieq ngħid huwa li l-kurrikulu nazzjonali nnifsu jgħid li element importanti biex il-kurrikulu jirnexxi, huwa l-parteċipazzjoni tal-ġenituri. Importanti li l-ġenituri jkunu msieħba fil-proċess ta' edukazzjoni ta' wliedhom u allura aħna ħsibna li l-involviment tal-ġenituri għandu jkun hemm ukoll fl-istadju meta qegħdin niddiskutu pjan strateġiku biex jiġi implimentat in-national curriculum. Għaldaqstant, waħda mill-affarijiet li għamilna kienet li pprovajna niddisseminaw kemm nistgħu informazzjoni fuq in-national curriculum u għamilna numru ta' programmi fuq it-televiżjoni u fuq ir-radju li kienu proprju ndirizzati lill-ġenituri biex jifhmu x'inhu l-kurrikulu nazzjonali u x’inhu l-ħsieb tiegħu. Apparti minn hekk, kif jingħad fl-istrategic plan innifsu, saru numru sostanzjali ta' laqgħat għall-ġenituri biex jiġu briefed fuq il-kurrikulu nazzjonali u biex jieħdu t-tagħrif sabiex ikunu jafu x’jinvolvi l-proċess u x'konna qegħdin nagħmlu. Il-parents programmes saru b'kollaborazzjoni bejn l-isteering committee u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Iskejjel. Kien programm li nfirex ma' numru mhux ħażin ta' skejjel, l-aktar, skejjel ta' l-Istat u skejjel tal-knisja, b’mod partikolari dawk l-iskejjel li kienu qed jitolbuh. F’Appendiċi 4 tal-pjan strateġiku hemm iż-żewġ programmi li ġew offruti lill-iskejjel u lill-ġenituri. Kien speċi ta’ menu fejn l-iskejjel għażlu huma fuq liema aspetti differenti tal-pjan riedu jiġu indirizzati. Voldieri mhux l-iskejjel kollha għażlu l-istess ħaġa. Dan l-ispeċi ta’ menu ngħata lill-iskejjel kollha u kien hemm skejjel li għamlu s-sessjonijiet kollha waqt li oħrajn għażlu li jagħmlu biss wħud minnhom. Jiġifieri ma nistax ngħid li dan il-programm sar għall-iskejjel kollha, imma min talab għalih, ħadu. Naturalment l-idea li l-ġenituri jibqgħu msieħba fil-proċess tal-kurrikulu huwa fundamentali fil-pjan strateġiku u saħansitra fil-pjan insibu sections sħaħ fuq dan l-aspett. Fil-fatt konna għamilna wkoll working group li x-xogħol tiegħu kien proprju biex jistudja l-parteċipazzjoni tal-ġenituri.
Niġi issa għall-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u ngħid x'inhu l-għan tal-fondazzjoni li huwa importanti għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qiegħda hemm, u dan insibuh fl-istatut tagħna, biex toħloq u tiżviluppa programmi ta' intervent fl-iskejjel għal dawk it-tfal li s-sistema qiegħda tfallihom. Jien ma ngħidx li t-tfal qed ifallu s-sistema, imma li s-sistema qed tfallihom. In-national curriculum, kif ikkummentaw ħafna nies, jitlob bidla kbira fl-iskejjel tagħna, jitlob bidla ta' ethos, u wieħed jispera li bil-mod il-mod, meta l-prinċipji li hemm fin-national curriculum u l-istrateġiji ta' l-istrategic plan jibdew jiġu mwettqa, ħafna mit-tfal li llum il-ġurnata qegħdin under achieving u għandhom problemi biex imexxu fl-iskola, jinqabdu permezz tas-sistema li qed tiġi żviluppata. Pero' naturalment, sakemm in-national curriculumplan jiġi mwettaq u sakemm jiġu żviluppati l-attrezzaturi u l-programmi li hemm maħsuba fl-istrategic plan, dawk li bħalissa qegħdin fil-pipeline, għandhom dritt għal edukazzjoni ta' kwalita' u dak id-dritt irid jiġi mħares. Fil-każ ta' dawn it-tfal ma nistgħux nistennew sakemm l-affarijiet jiżviluppaw u huma jkunu jistgħu jsibu l-post tagħhom b'mod naturali fil-proċess ta' l-edukazzjoni tagħhom u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qiegħda hemmhekk biex tiżviluppa proġetti ta’ intervent biex dawk it-tfal li bħalissa qegħdin fis-sistema edukattiva u għal diversi raġunijiet għandhom problemi biex ilaħqu fl-iskola, tipprova tgħinhom u tipprova kemm jista' jkun issalvahom qabel ma' l-problema tikber. Bejn wieħed u ieħor dan huwa l-iskop immedjat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Naturalment dan irid isir f'partnership bejn il-fondazzjoni, in-National Curriculum Council u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Ilkoll kemm aħna rridu naħdmu flimkien u rridu naħdmu f'partnership, pero' l-ħsieb huwa wkoll – u hawn niġi għall-mistoqsija tiegħek - li jibqa' jiġi sostnut il-prinċipju li l-ġenituri huma parti minn dan il-proċess.
F’dan l-istadju ma nistax nagħtik dettalji ta' x'tip ta' programm ta' intervent ser niżviluppaw, pero’ li nista' ngħidlek huwa li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi ħadet over l-Institute for Child and Parent Learning Support, ICPLS, ubħalissa qegħdin fl-istadju li nistudjaw ix-xogħol li diġa' sar fl-ICPLS u bħala prijorita' qed nieħdu programm partikolari li jismu "Id f'id" u li huwa maħsub biex proprju jindirizza l-problema li għadni kif semmejt. Huwa importanti li ngħid ukoll li l-istitut kien għamel talba biex proġett li kien żviluppa flimkien ma’ seba' msieħba minn pajjiżi Ewropej, jiġi mogħti fondi mill-Grundtvig, programm ta' l-Unjoni Ewropea, li jaħseb għal edukazzjoni għall-adulti. L-idea ta’ dan il-proġett li jismu parent empowerment for family literacy hi li jekk inti trid tiżviluppa lil dawn it-tfal u tgħinhom jikbru fis-sistema edukattiva, you have to empower their parents. Dan il-proġett ġie mfassal b'mod professjonali ħafna - fil-fatt kont impressjonat ħafna bil-mod kif ġie mfassal - u l-Grundtvig aċċettat li jkun wieħed mill-proġetti li ser tiffinanzja. L-istitut kien talab għal Lm70,000 għal dan il-proġett u jien informat li mhux biss talli ġew approvati dawk is-Lm70,000, imma li x'aktarx se nkunu nistgħu nużaw fondi oħra.
Nemmen li jekk niżviluppaw, u hekk beħsibna nagħmlu, il-programm "Id f'id" biex ngħinu lit-tfal wara l-ħin ta' l-iskola - imma naturalment dak il-programm irid jiġi żviluppat fl-isfond tat-tagħlim totali tagħhom fl-iskola - flimkien ma' dan il-proġett, inkunu qegħdin nużaw ir-riżorsi tal-ġenituri, ta' l-iskola u ta' l-għalliema biex lit-tfal nagħtuhom ċans jinbidlu u jdawru l-folja.
IĊ-CHAIRPERSON: Jekk ma jimpurtax, nixtieq nagħmillek mistoqsija qabel ma tkompli. Aktar kmieni għedt li saru diversi diskussjonijiet dwar il-kurrikulu u għedt li l-iskejjel ġew offruti speċi ta’ menu u kienu huma li ddeċiedew jagħmlux dawn il-programmi. Komplejt tgħid ukoll li kien hemm numru sabiħ ta' skejjel tal-gvern u skejjel tal-knisja li għamlu l-programmi, pero’ ma semmejtx l-iskejjel indipendenti.
PROF. KENNETH WAIN: Le, safejn naf jien, l-iskejjel indipendenti ma pparteċipawx.
IĊ-CHAIRPERSON: Hemm maħsub li dawn il-programmi jerġgħu jiġu mġedda, forsi għal min m’għamilhomx?
PROF. KENNETH WAIN: Dawn il-programmi kienu parti mill-proċess.
IĊ-CHAIRPERSON: Jiġifieri they sort of missed the bus. PROF. KENNETH WAIN:They missed the bus f'dak li jirrigwarda l-proċess ta' meta konna qegħdin naħdmu fuq l-istrategic plan. Ma naħsibx that they missed the bus f'sens totali għaliex jien m'għandix dubju li l-ħsieb ta’ l-AKS huwa li tibqa' tiżviluppa dawn it-tip ta' programmi u toffrihom ġo l-iskejjel. Naħseb li din il-mistoqsija iktar jista’ jirrispondiha s-Sur Frans Borg milli nista' nirrispondiha jiena.
IĊ-CHAIRPERSON: Veru li għall-fini ta’ dan il-proċess, dawn il-programmi ma sarux fl-iskejjel indipendenti, pero' naħseb li l-komunikazzjoni mal-ġenituri dwar l-iżvilupp ta' dak li jkun qed isir fl-iskejjel, irid jibqa' għaddej.
PROF. KENNETH WAIN: Ċertament.
IĊ-CHAIRPERSON:Meta hu maħsub li jibda l-programm "Id f'id?
PROF. KENNETH WAIN: Bħala bord qegħdin niltaqgħu b'mod regolari ħafna u fil-ftit żmien li ilna maħtura, diġa' ltqajtna xi seba' jew tmien darbiet, inkluż illum. Qegħdin nipprovaw biex jekk jista' jkun, dan il-proġett inħaddmuh wara s-sajf. Fil-fatt jien konvint li wara s-sajf inkunu nistgħu nibdew u nkunu nistgħu nagħtu d-dettalji ta' kif ser jinħadem eżattament dan il-programm, x'ser ikun fih u liema skejjel se jkunu involuti.
IĊ-CHAIRPERSON: Jiġifieri se jkun proġett pilota?
PROF. KENNETH WAIN: Iva, l-idea hi li nibdew bi proġett pilota, nevalwawh u mbagħad naraw xi jkun il-pass li jmiss.
IĊ-CHAIRPERSON: Għandkom idea ta' kemm skejjel se jipparteċipaw fih u f’liema areas se jkunu? Ħadtu in consideration areas li forsi għandhom iktar bżonnijiet minn areas oħra, jew se jkun verament mifrux?
PROF. KENNETH WAIN: Ħa nagħmlu hekk, fil-preżent qegħdin nistudjaw il-proġett li diġa' sar mill-ICPLS u llum stess ippreżentajt memorandum lill-bord fejn għedt x'inhuma r-reazzjonijiet tiegħi għal dan il-proġett u x’inhuma l-proposti u s-suġġerimenti tiegħi fuq kif għandna nimxu fuq dan il-proġett. Oriġinarjament kien maħsub li jkun hemm għaxar skejjel primarji mferxa ma’ Malta kollha li jipparteċipaw fil-pilot project – għalissa se nindirizzaw biss l-iskejjel primarji - pero' dak il-ħsieb qed jerġa' jiġi reassessed u jista' jkun li minflok għaxar skejjel ikollna numru inqas ta’ skejjel jipparteċipaw. Forsi l-programm isir iktar fil-fond biex jiżviluppa fuq livell ta' skola sħiħa, pero' dawn huma affarijiet li għadna qed niddiskutu bejnietna. Naturalment, wara niddiskutuhom ukoll ma' l-imsieħba tagħna, jiġifieri d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, in-National Curriculum Council u l-iskejjel infushom.
IĊ-CHAIRPERSON: Hawn min jixtieq jagħmel xi domanda at this stage? L-Onor. Francis Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Fuq il-parents programme. Aħna nafu li ħafna drabi meta tkun se tipprovdi servizz across the population - għandi f’moħħi affarijiet fil-qasam tas-saħħa li għandi esperjenza fuqhom - dawk in-nies li l-aktar tkun tixtieq tilħaq, ma jiġux għalih. F’dan il-każ, x’inhu maħsub biex tiġbdu l-ġenituri? Nafu li hawn ġenituri li għandhom ċertu interess u jieħdu sehem f’kull attivita’ li tiġi organizzata mill-iskola, imma hemm xi ħsebijiet biex jiġu attirati dawk l-aktar li nixtiequ jieħdu sehem fil-programmi? Kif nistgħu nilħqu lil dawn in-nies?
PROF. KENNETH WAIN: Jien naħseb li l-iktar bniedem li jista' jirrispondi dawn it-tip ta’ mistoqsijiet huwa s-Sur Frans Borg li huwa l-president ta' l-Assoċjazzjoni Kunsilli Skolastiċi. Li nista' ngħid huwa li sakemm dan il-programm kien qiegħed jinħadem id f'id mal-kumitat, ipprovajna nagħtuh pubbliċita' kemm nistgħu, sia fl-iskejjel infushom u sia fil-media, u tajjeb ngħid li l-ġenituri li pparteċipaw fil-programm kienu cross-section tal-poplu. Il-ġenituri kienu ġejjin minn social backgrounds differenti. Ma kienx il-każ li ġew biss ġenituri ta' xi social background partikolari. Kien mifrux ħafna.
Mistoqsija oħra li saritli hija dwar il-pjan ta' deċentralizzazzjoni tat-tmexxija ta' l-iskejjel ta' l-Istat. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-istrategic committee meta beda jiltaqa’, kienet li d-deċentralizzazzjoni ta' l-iskejjel ta' l-Istat m’għandhiex tkun xi ħaġa li tiġi determinata mill-istrategic committee. Aħna ħassejna li r-responsabbilta’ ta’ l-iskejjel ta' l-Istat kienet ta' l-Education Division uallura jiena, bħala chairman tal-kumitat, kont ipproponejt, u l-isteering committee kien qabel, li nitolbu lill-Education Division biex jippreparaw huma pjan strateġiku għad-deċentralizzazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat u li mbagħad jiġi inkluż fl-istrategic plan għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali. Fil-fatt hekk ġara; ippreparawh l-Education Division u jidher bħala appendix ma' l-istrategic plan for the implementation of the national curriculum li ppreżentajna. Forsi d-Direttur Ġenerali jista' jirrispondi aħjar minni, kemm din il-mistoqsija u kemm il-mistoqsija ta’ meta ser jitfassal dan il-pjan. Bħala kumitat ma xtaqniex li nipprovaw nimponu xi tip ta' mudell fuq l-iskejjel kollha ta' Malta. Aħna xtaqna li l-mod kif naħdmu jkun iktar enabling, fis-sens li nipprovaw nagħtu ċerta direzzjoni - mill-feedback li konna qegħdin nieħdu, konna qegħdin inħossu li din id-direzzjoni kienet qiegħda tiġi mitluba lilna mill-iskejjel infushom – aktar milli bħala kumitat nagħmlu tip ta' mudell li jrid isegwih kulħadd. U dwar id-deċentralizzazzjoni ta' l-iskejjel ta' l-Istat, aħna ħassejna li din m'għandhiex tkun tal-kumitat tagħna imma tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA:Xtaqt nistaqsi mistoqsija ġenerali b’riferenza għall-istatistika dwar l-assenteiżmu fl-iskejjel li ħarġet dan l-aħħar. X'inhuma l-impressjonijiet tiegħek? Jien naħseb li llum id-dipartiment huwa aktar strett qabel ma jagħti permess lil student ta' 15-il sena biex ma jmurx aktar skola. Fejn qabel għal raġunijiet soċjali wieħed kien jagħlaq għajnejh, l-impressjoni tiegħi mill-każi li niltaqa' magħhom, hija li llum hija aktar diffiċli biex student jingħata permess jitlaq mill-iskola qabel ikollu 16-il sena, pero’ minkejja dan, għandna dawn ir-riżultati. Dawn ir-riżultati ser jiġu meqjusa bħala baseline fuq xiex wieħed iqabbel meta jibda jiġi implimentat il-kurrikulu nazzjonali?
Punt ieħor li xtaqt nagħmel huwa dwar il-playing fields fl-iskejjel. F'dawn l-aħħar snin għamilt diversi mistoqsijiet parlamentari dwar dan is-suġġett u mir-risposti li ngħatajt irriżulta li hawn ħafna skejjel li għandhom playing areas inqas milli jipprovdi l-Att dwar l-Edukazzjoni. Taħseb li dan il-fatt jista’ jwassal għal ċertu nuqqas ta’ kuntentizza fl-iskejjel? Taħseb li din il-materja tista’ tiġi tackled mill-Fondazzjoni Skejjel ta’ Għada.
PROF. KENNETH WAIN: Jiena m’iniex iċ-chair tal-Fondazzjoni Skejjel ta' Għada għaldaqstant ma nistax nirrispondi l-mistoqsija li għamiltli. Għar-rigward il-problema ta’ l-assenteiżmu fl-iskejjel, naturalment il-figuri huma figuri inkwetanti ħafna, partikolarment fis-settur sekondarju, imma anke fis-settur primarju. Fl-opinjoni tiegħi, l-unika mod kif il-problema ta' l-assenteiżmu tista’ tiġi tackled, m'hijiex billi napplikaw il-liġi b'mod iktar riġidu, jew inkella billi nibagħtu l-pulizija biex jaraw x'qegħdin jagħmlu dawn u x'qegħdin jagħmlu l-oħrajn. Jien ma naħsibx li dak huwa l-mod kif il-problema ta' assenteiżmu għandha tiġi tackled. Naħseb li tista’ tiġi tackled billi wieħed jara għaliex proprju hemm l-assenteiżmu, jara jekk huwiex il-każ li l-assenteiżmu jeżisti għaliex it-tfal mhux qegħdin isibu l-iskola rilevanti għal ħajjithom, jew inkella għaliex mhux qed isibuha challenging għalihom. In-national curriculum jitkellem ħafna dwar dan u jgħid li t-tip ta' tagħlim li rridu nadottaw huwa tagħlim li jħares lejn l-individwu, tagħlim li huwa personalizzat.
Illum il-ġurnata ma jistax ikun li tibqa' timxi b'tip ta' pedagoġija fejn inti toffri menu wieħed u t-tfal iridu jiffittjaw għalih. Ma jistax ikun li t-teacher tibqa’ dejjem issib it-triq tan-nofs u allura titlef kemm lil dawk li huma batuti u kemm lil dawk li huma bravi. Illum, l-akbar challenge ta' l-edukazzjoni hija li nipprovaw insibu mezzi differenti ta' kif wieħed jista’ jitgħallem billi jintużaw learning styles differenti għal tfal differenti. Iċ-challenge kbira hija li nieqfu nagħtu lit-tfal kollha l-istess menu għaliex naħsbu li t-tfal huma kollha xorta u kollha kapaċi jinteressahom l-istess affarijiet u jimxu bl-istess pass, u minflok nadottaw strateġija differenti ta' tagħlim billi nipprovaw insibu menus differenti. Naf li din m'hijiex challenge faċli u tirrikjedi training u re-training ta’ l-għalliema u huwa proċess li jieħu ż-żmien, pero' jien naħseb li jekk irridu li l-problema tiġi tackled bis-serjeta', hekk irridu nagħmlu. Jekk ma nagħmlux hekk, il-problema ta' assenteiżmu se tibqa' magħna u naturalment l-assenteiżmu jfisser falliment. Fl-opinjoni tiegħi, din hija problema li trid tiġi tackled fl-għeruq tagħha u l-għeruq tagħha qegħdin fl-iskola nnifisha, mhux qegħdin fin-nuqqas ta' applikazzjoni tal-liġi.
Għar-rigward ta’ playing areas fl-iskejjel, jien naqbel miegħek li t-tfal kollha jeħtieġu post fejn jilagħbu u jirrikkreaw ruħhom waqt li jkunu qegħdin l-iskola. Ma jistax ikun li jkollna skejjel fejn it-tfal m'għandhomx fejn jiġru, m'għandhomx fejn jiċċaqalqu, m'għandhomx fejn jilagħbu. Fl-opinjoni tiegħi, l-iskejjel li m’għandhomx dan l-ispazju għandhom jingħalqu.