EUROPEAN CONVENTION (AMENDMENT) BILL
L-Ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.
Ikompli mit-28 ta' Mejju, 2002.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MR SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Mr Speaker, nibda biex ngħid li dan l-abbozz ta' liġi assolutament m'huwiex xi wieħed kontroversjali imma huwa abbozz ta' liġi nobbli li jitkellem dwar id-drittijiet tal-bniedem bl-iktar mod wiesa'. Jekk wieħed iħares lejn l-istorja, isib li d-drittijiet tal-bniedem għaddew minn evoluzzjoni kontinwa, liema evoluzzjoni għadha għaddejja sal-lum għax sal-lum għadhom qed jiġu miktuba konvenzjonijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi l-ġodda li għandu jkollu l-bniedem fis-soċjeta` tal-lum.
Fil-Kostituzzjoni ta' l-1961, jiġifieri qabel ma pajjiżna ħa l-indipendenza tiegħu, diġa' kienu ġew imdaħħla artikli tal-liġi b'dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u dan juri kemm aħna, bħala pajjiż, dak iż-żmien konna diġa' qed inħossu l-ħtieġa li nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem permezz tal-Kostituzzjoni, fosthom id-dritt tal-liberta` tal-bniedem. Fil-fatt matul is-snin tant baqa' jsir żvilupp f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem li meta Malta saret repubblika, inħasset il-ħtieġa li dik il-parti tal-Kostituzzjoni li titkellem dwar id-drittijiet tal-bniedem tiġi emendata ħalli tiġi aġġornata anke ma' l-iżvilupp konvenzjonali li kien qed isir permezz ta' diversi trattati internazzjonali, fosthom permezz tat-trattati li saru mill-kunsill ta' l-Ewropa. Huwa interessanti jekk wieħed isemmi li l-iktar agreement antik li sar dwar id-drittijiet tal-bniedem huwa dak l-agreement li kien sar fl-1949 mill-Kunsill ta' l-Ewropa, eżattament erba' snin wara l-aħħar gwerra dinjija, jiġifieri dak iż-żmien konna diġa' bdejna naħdmu f'dik id-direzzjoni. Ta' min jgħid ukoll li sena wara, ċioe` fl-1950, saret il-konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-libertajiet fundamentali tiegħu.
Mr Speaker, waqt li qed ngħid dan kollu, irrid infakkar li sa l-1964 pajjiżna kien għadu kolonja u allura kien għadu qed jiġi mitmugħ minn min kien qed jaħkmu. Fil-fatt anke l-protokolli li għandna quddiemna għad-diskussjoni llum jirriflettu dan kollu. Kien hemm Maltin li għax riedu jeżerċitaw id-dritt ta' l-espressjoni tal-kelma u d-dritt tal-liberta` tal-bniedem, spiċċaw biex ġew imkasbrin mill-ħakkiema f'pajjiżhom stess, u hawn qed nirriferi partikolarment għall-ħakkiema tar-Renju Unit. Ovvjament l-ebda pajjiż li jkun taħt kolonja ma jiġi trattat fuq l-istess binarju daqs li kieku kien ċittadin tal-pajjiż li minnu jkunu ġejjin il-ħakkiema, u fil-fatt minkejja li s-seba' protokoll tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali jgħid li ħadd m'għandu jiġi mkeċċi mit-territorju fejn jgħix minħabba xi miżura individwali jew kollettiva, kien hemm diversi każijiet fejn ġara dan.
Fil-fatt wieħed mill-pilastri tal-partit Laburista, Manuel Dimech, kien ġie mkeċċi u eżiljat minn pajjiżu stess tant li mbagħad spiċċa biex miet barra mill-pajjiż, eżattament f'Lixandra ġewwa l-Eġittu. Hawnhekk ta' min isemmi wkoll il-lista twila li wieħed isib fl-awla tal-qorti kriminali ta' Maltin li ġew imkeċċija minn pajjiżhom minħabba li ma kellhomx l-istess ideali tal-ħakkiema Ingliżi u allura spiċċaw ġew eżiljati fl-Uganda. M'hemmx għalfejn ngħidu li dan huwa ksur lampanti tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront ta' sħabna Maltin, u t-tfal ta' dawn il-Maltin għaddew minn dulur kbir meta kellhom jgħaddu mingħajr il-preżenza tal-ġenituri tagħhom minħabba li ġew eżiljati, pero` minkejja li dawn il-familji ġew imkasbra, ħadd minn dawn sħabna l-Maltin ma ngħata rimedju.
Fil-fatt hemm diversi pajjiżi Ewropej li mxew ħafna iktar mill-Ingliżi biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, u se nispjega għaliex qed ngħid dan. Per eżempju, meta l-Ingliżi daħlu fl-Unjoni Ewropea, li dak iż-żmien kienet għadha tiġi msejħa "Komunita` Ewropea", kienu sabu konflitt bejn il-liġi domestika, jiġifieri l-liġi ta' l-Istat, u l-community law, dik li llum tissejjaħ il-"European Law", u huma damu b'dan il-konflitt sa l-1998. Jien qed ngħid dan kollu biex nuri x'għamel dak il-pajjiż li kien jidhirlu li kien kapaċi jgħallem ħafna affarijiet, inkluż kif aħna għandna ngħixu bħala pajjiż demokratiku.
Fil-fatt fl-1992, wara li kienu ttieħdu diversi deċiżjonijiet fil-konfront ta' l-Ingilterra, li daqqa kienet qed tmur favur u daqqa kienet qed tmur kontra l- obbligazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, kienet saret white paper biex finalment għadda dak li huma jsejħulu l-human rights act ta' l-1998. L-Ingliżi damu dawn is-snin kollha biex qagħdu għall-obbligazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, aħseb u ara kemm dawn qatt urew a golden hand shake mal-poplu Malti għal dak li sar fil-konfront tal-Maltin li ġew imkasbra matul dawk is-snin li pajjiżna kien kolonja. Din m'hijiex kwestjoni ta' preskrizzjoni imma hija kwestjoni ta' ġest ta' poplu li jkun konvint li jrid isewwi l-feriti li għamel lil dawk il-Maltin u l-Għawdxin li ma qablux ma' dak li kien qed jagħmel hu, anke għax illum il-konvenzjonijiet li għandna quddiemna jqisu dan it-trattament bħala degradanti.
Fil-fatt illum għandna protokoll li jitkellem proprjament fuq ir-rimedju li għandu jingħata meta jkun hemm każijiet ta' tortura u ta' trattament inuman u degradanti. Ma naħsibx li l-Ingliżi jqisu l-mod kif ittrattaw lill-Maltin f'ċerti żmenijiet bħala xi unur. Per eżempju, sas-snin sebgħinijiet kellna sitwazzjoni fejn Malti u Ingliż li kienu jaħdmu fl-istess post tax-xogħol u li kellhom l-istess pożizzjoni, is-salarju ta' l-Ingliż kien ikun id-doppju jew it-tripplu tas-salarju tal-Malti.
Mr Speaker, jien qed ngħid dan kollu għax inħoss li l-poplu Malti għandu jirrealizza kemm huwa importanti li llum qed nemendaw l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, liema konvenzjoni kien iffirmaha l-partit Laburista ftit qabel l-elezzjoni ta' l-1987 u mbagħad irratifikaha l-partit Nazzjonalista meta tela' fil-gvern, kif wara kollox kien xieraq li jagħmel. L-Ingilterra huwa pajjiż li tista' titgħallem ħafna minnu, pero` teżisti ċerta reżistenza min-naħa ta' l-Ingilterra fuq dak li jiġi miftiehem fil-konvenzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem. Ġurista magħruf fil-kamp kostituzzjonali, jgħid li minn naħa l-gvern għandu jagħti s-sovranita` parlamentari tiegħu, filwaqt li min-naħa l-oħra għandu joħloq bilanċ biex ma jeskludix id-drittijiet li joħorġu mill-konvenzjoni Ewropea b'mod drakonjan, speċjalment meta dawn ma jkunux qegħdin jaħdmu f'armonija mal-liġi domestika, għax jista' jinħoloq konflitt. Fil-fatt meta ġieli nħoloq dan il-konflitt, bħal fil-każ ta' l-Ingilterra, kif semmejt diġa', il-qrati sabu ruħhom f'diffikulta` għax dawn huma obbligati li meta jkollhom kawża quddiemhom huma obbligati li japplikaw il-liġi. In the absence of the law, inti ma tistax tgħid li kien ikun aħjar li kieku l-liġi saret b'mod differenti, u allura l-Ingliżi kienu qed isibu ċerti diffikultajiet, fis-sens li ċerti deċiżjonijiet li kienu qed jittieħdu f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem ma kenux qed ikunu kompatibbli ma' l-iżvilupp Ewropew, bil-konsegwenza li l-poplu Ingliż kien qed ikollu jirrikorri għall-qrati Ewropej, partikolarment għall-qorti ta' Strasbourg, biex jingħata rimedju. Wieħed ma jistax ikollu poter ġudizzjarju ikbar milli tagħtih il-liġi, u allura l-qrati Ingliżi kellhom bilfors jaraw kif jipprovaw inaqqsu kemm jista' jkun il-konflitti li kienu jeżistu bejn il-liġi domestika u d-drittijiet li joħorġu mill-Konvenzjoni Ewropea ħalli ma jkomplux ikabbru l-ferita.
Hawnhekk jien għandi lista ta' każijiet li seħħew minħabba dawn il-konflitti, pero` m'hemmx għalfejn insemmihom għax l-importanti huwa li wieħed jifhem li l-Ewropa bdiet tagħti l-lezzjonijiet lil dawn il-pajjiż, inkluż lil Malta, biex ma jsirux bużullotti u inġustizzji fil-konfront tad-drittijiet ta' kulmin qed jgħix f'pajjiżna.
Mr Speaker, meta fl-1974 Malta saret repubblika, kienu saru diversi emendi fil-Kostituzzjoni, u fosthom, per eżempju, iddaħħal artiklu 37, li jitkellem proprjament dwar il-protezzjoni li għandu jingħata min titteħidlu xi proprjeta` tiegħu fl-interess pubbliku u ma jingħata l-ebda kumpens, għax gvern ma jistax jieħu any kind of property without compensation. Kemm ilu fil-gvern il-partit Nazzjonalista, jiġifieri kważi mill-1987 sal-lum jekk teskludi dawk is-sena u għaxar xhur li kien ħa l-gvern f'idejh il-partit Laburista, kien hemm diversi każijiet ta' nies li tteħditilhom il-proprjeta` u li sal-lum għadhom ma ġewx ikkompensati.
Naturalment min-naħa l-oħra, jekk jien ikolli proprjeta` u l-gvern jeħodhieli minħabba li jkollu bżonnha għal skop pubbliku, bħal per eżempju, biex jiftaħ triq, ġaladarba nkun qed nikkontesta l-ammont ta' flus li jkun offrieli l-gvern, jien ma nistax nippretendi li nieħu kumpens għax ovvjament inkun irrid nistenna sakemm tiġi maqtugħa l-kawża, pero` hemm każijiet - u dan il-punt qajjimnieh kemm-il darba f'dan il-Parlament, speċjalment meta nkunu qed niddiskutu xi mozzjoni li tkun relatata ma' l-artijiet - fejn minkejja li l-gvern ħa xi proprjeta` għalih xi 20 jew 25 sena ilu, sal-lum is-sid ta' dik il-proprjeta` għadu ma ġiex ikkumpensat. Il-Kostituzzjoni stess tgħid li dan huwa ksur ta' wieħed mid-drittijiet tal-bniedem u huwa wkoll ksur tal-Konvenzjoni Ewropea, li titkellem f'dan ir-rigward. Ta' min jgħid li sal-lum ħarġu xi 187 konvenzjoni mill-Kunsill ta' l-Ewropa li jitkellmu dwar id-drittijiet diretti u indiretti tal-persuni f'dak li għandu x'jaqsam ma' proprjeta`.
Mr Speaker, permezz tal-Konvenzjoni Ewropea, il-persuni Ewropej ingħataw diversi drittijiet, irrispettivament mis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż fejn jgħixu, fosthom id-drittijiet li persuna tgħix u taħdem. Per eżempju, hawnhekk ta' min isemmi wkoll artiklu 40 tal-Kostituzzjoni, li daħħal id-dritt li bniedem ikollu liema twemmin reliġjuż irid, anke jekk dan it-twemmin ma jkunx Roman Catholic. Il-maġġoranza l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin huma Roman Catholic, u huma kburin b'dan, pero` ċertament għandu jkollna rispett lejn persuni oħra li għandhom xi twemmin reliġjuż ieħor. Sfortunatament ġieli seħħew każijiet fejn frustieri tkeċċew saħansitra mill-pajjiż li kienu jgħixu fih minħabba li ma kellhomx l-istess twemmin reliġjuż li kellu l-poplu ta' dak il-pajjiż.
Huwa veru li aħna hawn Malta dejjem konna pajjiż li tajna l-eżempju lid-dinja fit-trattament li nagħtu lil min huwa inqas ixxurtjat minna jew differenti minna, pero` dejjem jista' jkollna gvern li one fine day jiddeċiedi li dawk il-frustieri kollha li ma jħaddnux l-istess reliġjon li jħaddan il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi jridu jitilqu minn Malta fi żmien xahar, irrispettivament minn jekk dawn għandhomx xi kapital hawnhekk. Madanakollu llum gvern ma jkunx jista' jagħmel dan b'kapriċċ u mingħajr proċess ġudizzjarju għax inkella jkun qed jikser is-seba' protokoll dwar il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
Mr Speaker, f'artiklu 42 tal-Kostituzzjoni ddaħħal ukoll id-dritt li persuna tkun membru ta' liema partit politiku u ta' liema organizzazzjoni trid. Ta' min jgħid li saru żviluppi oħra f'dan is-sens, fosthom per eżempju, li persuna lanqas ma tista' tiġi ddiskriminata fuq bażi ta' sess, reliġjon jew affarijiet bħal dawn, imma jien xorta waħda ngħid li dawn l-iżviluppi għandhom isiru f'sens iktar wiesa'. Għaliex qed ngħid dan? Per eżempju, ġaladarba llum kulħadd sar iktar konxju tad-drittijiet li għandhom il-persuni b'diżabbilta` fiżika jew mentali - fil-fatt fis-sena 2000 għaddiet saħansitra liġi minn dan il-Parlament dwar opportunitajiet indaqs, li għalkemm hija liġi pożittiva, hemm lok fejn din tista' tiġi pperfezzjonata - fil-fehma tiegħi, id-dritt li persuna b'diżabbilta` fiżika jew mentali tiġi ttrattata daqs persuna b'saħħitha għandu jiġi rifless ukoll f'artiklu 45 tal-Kostituzzjoni, li jitkellem proprju dwar il-protezzjoni li għandu jkollha persuna minn diversi tipi ta' diskriminazzjoni, fosthom minn diskriminazzjoni abbażi ta' diżabbilta`.
Permezz tal-konvenzjoni Ewropea, kemm pajjiżna kif ukoll pajjiżi oħra għandhom guideline lejn xiex iħarsu, u ma nistgħux ma ngħidux, per eżempju, li llum qed jinħass il-bżonn li anke r-refuġjati jiġu protetti. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li ġew f'pajjiżna rappreżentanti tal-Ġnus Magħquda, bħall-kummissarju tal-Ġnus Magħquda għar-refuġjati, biex jaraw jekk pajjiżna huwiex qed jagħmel dak kollu li huwa mistenni minnu fil-qasam tar-refuġjati. Per eżempju, ftit ilu anke pajjiżna għadda minn kriżi meta kien hemm dik il-kriżi tal-Jugoslavja għax peress li wħud mir-refuġjati Jugoslavi spiċċaw f'pajjiżna, dawn kellhom jingħataw id-drittijiet kollha ta' refuġjati li joħorġu kemm mill-UN convention dwar ir-refuġjati kif ukoll mill-protokoll ta' l-1976 dwar il-European Convention on sanitary protection of refugees. Fil-fatt il-Parlament Malti kellu saħansitra jaddotta liġi biex jissalvagwarda d-drittijiet tar-refuġjati.
Mr Speaker, ċertament sa ftit snin ilu ħadd ma kien jobsor li pajjiżna kellu jiffaċċja problemi ta' reati internazzjonali li wasslu biex aħna wkoll ikollna trattati ma' diversi pajjiżi biex tissaħħaħ il-proċedura ta' l-estradizzjoni, daqskemm ħadd ma kien jobsor li l-problema tat-terroriżmu se tkun daqshekk qawwija li tixxokkja u tiskossja lill-ekonomija tad-dinja bil-konsegwenza li llum kull pajjiż qed jara kif jista' jittekilja l-problema mhux b'mod individwali imma b'mod kollettiv u fl-istess ħin b'sens ta' raġuni. Per eżempju, illum kull pajjiż qed iħoss il-bżonn li ssir konvenzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu b'ċertu ħsieb profond u mhux bl-id li qed tipprova tiddetta. Jiddispjaċini ngħid dan il-kliem, pero` din hija l-verita`. Jien ma nistax naqbel mal-mod kif l-Amerikani qed jipprovaw jiffaċċjaw il-problema tat-terroriżmu għax l-approach li qed jieħdu vis-a-vis t-terroriżmu ma jipprovdix spazju għal djalogu u għal understanding. Ikun ħafna aħjar għall-pajjiż ġenerali li wieħed jifhem lill-għadu tiegħu u jipprova jressqu lejh. Issa hawnhekk jien bl-ebda mod ma jien qed ngħid li niġġustifika t-terroriżmu. Fih innifsu, it-terroriżmu huwa att negattiv, u fil-fatt anke meta kont qed nistudja dan l-aspett, dejjem tgħallimt - u dwar dan ktibt kemm-il darba - li t-terroriżmu qatt m'għandu jiġi ġġustifikat, għall-ebda raġuni, lanqas għal raġunijiet politiċi, pero` dan ma jfissirx li min ikun qed jiġġieled it-terroriżmu m'għandux ifittex ir-raġuni li għaliha organizzazzjoni terroristika tkun qed taġixxi b'tant saħħa fil-konfront ta' ċerti pajjiżi.
Il-kreazzjoni ta' movimenti kbar, bħal Al Qaeda, li huma mmexxija minn biljunarji, ma twildux ftit ġimgħat qabel il-11 ta' Settembru, 2001, u Bin Laden u sħabu ma ddeċidewx li jagħmlu dak li għamlu għal xi raġuni li l-Amerka għadha ma skopritx. Ċertament kien hemm proċess wara dan kollu, u ħafna intellettwali, inklużi Ewropej, sabu ruħhom f'pajjiżi bħalma huma s-Sudan, l-Eritrea u l-Etjopja, f'liema pajjiżi hemm faqar kbir. Uħud minn dawn l-intellettwali spiċċaw ukoll bejn il-kosta ta' l-Indja u l-Pakistan, fejn issa qed tfeġġ gwerra oħra li wieħed irid joqgħod attent li ma tisplodix min-naħa tal-Kashmir jew minn areas oħra ġo l-Afghanistan, li ovvjament huwa l-hot seat tagħhom minħabba li r-reġim tat-Taliban kien qed ikun konfortabbli ma' dawn in-nies. Dan kien proċess li kien ilu għaddej is-snin, u kemm l-Amerika kif ukoll l-Ewropa sa ċertu punt - u qed insemmi lill-Ewropa b'ċertu rispett - kienu jafu b'dan kollu. Fil-fatt l-Amerka tant kienet taf b'dan il-proċess li llum qed naqraw stejjer - u dawn l-istejjer m'huwiex qed jivvintahom xi artikolist li jqum filgħodu u jiddeċiedi li jikteb stejjer bħal dawn imma huma stejjer ibbażati fuq fatti - li jgħidu illi l-movimenti ta' ċerti gruppi ta' nies minn post għall-ieħor, it-trasferimenti tal-finanzi minn bank għall-ieħor, it-trasferiment ta' kapital minn post għall-ieħor u x-xiri ta' proprjeta` li kienet qed tiġi investita fl-Amerka ma sarux b'kumbinazzjoni imma saru minħabba l-laxkezza tal-gvern Amerikan. Huwa inutli li wieħed jipprova jiġġustifika li din kienet xi ħaġa li ħasdet lill-Amerka għall-għarrieda għax kien hemm ċirkostanzi li bihom, wieħed seta' jinduna x'kien se jiġri.
Kulmin ikun qed imexxi jrid ikun jaf x'ikun qed jiġri taħtu u mhux jgħid li ma setax jinduna b'dak li kien qed jiġri meta l-verita` tkun illi min kien qed imexxi ma kellux l-inizjattiva biex jinduna. Fil-fatt dan hu li ġara fil-kamp internazzjonali, u dan l-iżvilupp tant kien rapidu li d-dinja ma kenitx ippreparata għat-tip ta' terroriżmu li twettaq, liema terroriżmu ħasad lid-dinja kollha, partikolarment lill-Amerka. L-ikbar ferita li ġarrbet l-Amerka ma kenitx dik li fil-11 ta' Settembru, 2001 twaqqgħu t-Twin Towers ta' New York u mietu dawk l-eluf ta' nies kollha - li diġa' hija traġedja kbira ħafna fiha nnifisha - imma li l-Amerka, li kellha l-aqwa sistema ta' sigurta`, fosthom bl-intelligence service li kellha, spiċċat id-daħka tad-dinja. L-Amerka, li kulmin kien iħares lejha kien jara fiha l-pajjiż li kien kapaċi jipproteġi lid-dinja, kważi kważi l-protettur divin tad-dinja, speċjalment wara li spiċċat il-cold war, wara l-waqa' tal-ħajt ta' Berlin u wara li sfaxxat is-sistema komunista fl-ex-Unjoni Sovjetika, f'daqqa waħda spiċċat l-umiljazzjoni tad-dinja għax il-morali Amerikana għadha lura biex tifhem il-morali tad-dinja li fadal.
Mr Speaker, aħna nafu li llum il-valuri morali huma marbutin ħafna mal-ħsebijiet konvenzjonali. Illum kull pajjiż demokratiku jemmen li m'għandhiex tingħata death penalty, whatever is the crime, għax filwaqt li jekk bniedem jagħmel omiċidju, ikun għamel ħażin, jekk inti se toqtlu se tagħmel ħażin daqsu, u d-dinja demokratika kollha fehmet dan il-prinċipju minbarra l-Amerka. Fil-fatt minkejja li l-Kunsill ta' l-Ewropa ilu mill-1983 li għamel is-sitt protokoll fuq il-konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem li jitkellem fuq l-abolition of death penalty, illum, kważi 20 sena wara li sar dan il-protokoll, l-Amerka għadha tagħti death penalties, u dan minħabba li f'dan il-pajjiż teżisti problema kbira ta' morali. Is-sistema kapitalista fl-Istati Uniti tant hija qawwija u b'saħħitha li qed teqred il-valuri morali bażiċi. Il-ġirja għall-ġid, għall-kapital u għall-poter, li toħroġ partikolarment mill-politika Amerikana - anke minħabba li hemm shift minn tmexxija demokratika għal tmexxija repubblikana, speċjalment taħt il-President attwali Bush - qed twassal għall-qirda tal-valuri morali, u dan qed iwassal ukoll biex tinħoloq nuqqas ta' kuxjenza u nuqqas ta' understanding lejn il-bqija tal-popli kollha tad-dinja.
Mr Speaker, wieħed bilfors ikun muġugħ meta jara li l-problemi fid-dinja qegħdin jikbru u mhux jonqsu mill-aħħar att terroristiku li sar f'Settembru ta' l-2001, liema att terroristiku ma ħalliex effetti negattivi fuq il-pajjiżi Ewropej biss, inkluż Malta, imma fuq id-dinja kollha, pero` filwaqt li naqbel li t-terroriżmu għandu jiġi miġġieled sew, żgur li r-riċetta Amerikana m'hijiex se twassal biex jinqered it-terroriżmu mid-dinja. Ir-riċetta Amerikana hija dik tas-soltu; li tmur u tkisser lil dak il-pajjiż li jkollok problemi miegħu, pero` l-affarijiet mhux hekk għandhom isiru. Biex l-affarijiet isiru bis-serjeta`, jien naqbel li l-Amerka għandha tikkundanna lil kulmin iwettaq atti terroristiċi, pero` mbagħad għandha tipprova tifhem ukoll x'qed iwassal biex isiru dawn l-atti terroristiċi.
Malta għandha tkun minn ta' quddiem nett biex tiffirma l-konvenzjonijiet li jsiru rigward it-terroriżmu u biex tipprova toħloq a better network system mal-pajjiżi ġirien tagħha. Bla ebda dubju, għandu jiġi kkreat bank ta' informazzjoni mill-iktar fis possibbli filwaqt li jitwaqqfu rapid response units għal ċerti emerġenzi u jinħolqu expert investigative bodies permanenti li jkunu konġunti ma' pajjiżi oħra bi ftehim partikolari. M'għandniex nibqgħu bil-mentalita` li pajjiż huwa iktar b'saħħtu minn ieħor għax fil-verita` ħadd m'hu iktar b'saħħtu minn ħadd. Per eżempju, xi ħadd kien jgħid li l-Amerka m'hijiex b'saħħitha? Imma mbagħad, wara li sar l-att terroristiku tal-11 ta' Settembru, 2001 fi New York, kulħadd induna li l-Amerka ma kenitx b'saħħitha daqkemm wieħed kien jaħseb għax irriżulta li din għandha ċerta dgħjufija fis-sistema ta' sigurta` tagħha wkoll. Aħna, bħala pajjiż, għandna nagħtu eżempju lid-dinja billi nipparteċipaw fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, pero` mhux b'viżjoni Amerikana imma b'viżjoni oħra; bil-viżjoni li konna nemmnu fiha anke meta konna ħafna iżgħar u meta konna għadna m'aħniex f'pożizzjoni li niffirmaw u nirratifikaw il-konvenzjonijiet.
Mr Speaker, il-Maltin għamlu xogħlijiet kbar sa minn qabel ma pajjiżna kiseb l-indipendenza tiegħu, pero` sfortunatament ħafna minn dawn ix-xogħlijiet ma kenux qed jiġu apprezzati. Dak iż-żmien kien hawn diversi intellettwali Maltin li kellhom ħsibijiet profondi dwar kif iħarsu lejn il-problemi li kienu jeżistu fid-dinja dak iż-żmien, irrispettivament minn jekk dawn l-intellettwali kenux Nazzjonalisti jew Laburisti. Illum pajjiżna, bħala pajjiż sovran, indipendenti u ħieles, għandu l-liberta` kollha li jagħti l-kontribut tiegħu biex ikun hawn iktar ordni fid-dinja. Illum l-ordni qed jiġi mhedded kontinwament, u iktar tikber l-aggressjoni, l-ordni iktar se jiġi mhedded. Huwa żball li wieħed jiġġieled it-terroriżmu billi juri kemm huwa b'saħħtu. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tiġġelidhiex biss billi turi kemm inti b'saħħtek.
Kulħadd jafha l-istorja ta' David u Gulija, u naħseb li din l-istorja Biblika qed tiġi riflessa fid-dinja li qed ngħixu llum. Jien nispera li m'hawn ħadd li jaħseb li aħna nistgħu niġu protetti minn dak li qed jiġri fid-dinja billi nibżgħu nsemmgħu leħinna, billi nibżgħu ngħidu x'nemmnu li għandu jsir u billi nsellmu lil min bħalissa qed jidher li huwa b'saħħtu, u min jaħseb li b'daqshekk nistgħu naslu għal xi forma ta' soluzzjoni, ikun qed jagħmel żball. L-għaref huwa dak li jibqa' jemmen fil-morali - anke jekk il-morali li jkun jemmen fiha hu tkun differenti mill-morali ta' min hu b'saħħtu - u jwassal lil dak li hu b'saħħtu biex jemmen fil-morali li jemmen fiha hu.
L-Islam hu fenomenu li jeżisti verament, u fil-fatt jekk inħarsu lejn l-istorja nsibu li fil-baħar Mediterran saru gwerer kbar li damu anke 30 sena minħabba l-kwestjoni tar-reliġjon Kattolika u Islamika. Jeħtieġ li kulħadd jirrealizza li jekk m'aħniex se nifhmu lil xulxin, fid-dinja qatt ma jista' jkun hawn paċi, u dawn huma affarijiet li rridu naħsbu ħafna fuqhom. Pajjiżna jrid iħares 'il quddiem għax b'hekk biss inkunu nistgħu ngħixu fil-paċi, u l-qasam ekonomiku tagħna b'hekk biss jista' jissaħħaħ. Il-baħar Mediterran dejjem kellu kwestjonijiet ta' kultura, speċjalment meta kien hawn il-kwestjonijiet ta' okkupazzjoni, bħal fi żmien ir-Rumani u meta l-pajjiżi Għarab irnexxielhom jokkupaw saħansitra lil Spanja, u l-esperjenza dejjem uriet li s-soċjetajiet għandhom jifhmu iktar lil xulxin. L-Ewropa qed tagħmel sew li qed tersaq lejn il-pajjiżi Għarab, u fil-fatt jien ħadt pjaċir meta smajt li hemm il-ħsieb li jitwaqqaf kummissarju fi ħdan il-Kunsill ta' l-Ewropa biex jara li l-Ewropa jkollha l-aqwa relazzjonijiet mal-pajjiżi Għarab. Pajjiżna għandu jagħti l-kontribut tiegħu wkoll biex ikun hemm ħbiberija iktar profonda bejn il-pajjiżi Għarab u l-pajjiżi Ewropej, anke għax wara kollox jekk il-kummerċ bejn il-pajjiżi Għarab u l-pajjiżi Ewropej jikber, dan ikun ta' benefiċċju wkoll għal pajjiżna.
Mr Speaker, jien nemmen li għalkemm għandhom jibqgħu jeżistu ċerti regoli, il-liberta` tal-moviment għandha tiġi msaħħa. Per eżempju, ir-raba' protokoll li għandna quddiemna jitkellem fuq il-liberta` tal-moviment u jgħid li kulmin ikun fil-limiti tat-territorji ta' stat b'mod leġittimu għandu jkollu d-dritt għal-liberta` tal-moviment u l-liberta` li jagħżel ir-residenza tiegħu fil-limitu ta' dak it-territorju, u jien nemmen li l-Amerka tista' tagħmel kontrolli ta' sigurta` mingħajr ma tiddiskrimina. Wieħed jista' jipperfezzjona l-kontrolli ta' sigurta` tiegħu mingħajr ma jkun kattiv, anke għaliex meta persuna tinduna li qed tiġi trattata b'mod differenti minn ħaddieħor u tirrealizza li tkun qed tiġi ttrattata b'mod diskriminatorju, awtomatikament tinħoloq ċerta firda.
Dan huwa proċess ta' understanding li bilfors trid tasal għalih. Allura bilfors irridu naqblu li m'għandha titqiegħed l-ebda restrizzjoni fuq eżerċizzju ta' drittijiet bħalma huwa, per eżempju, id-dritt tal-liberta` tal-moviment, ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjeta` demokratika, f'kull interess, meta jkun hemm sigurta` nazzjonali jew is-sigurezza pubblika għaż-żamma ta' l-ordni. U allura ż-żamma ta' l-ordni trid tiġi aktar miftiehma. Irridu nifhmuha din. Ma tistax tifhem xi ħaġa fuq iż-żamma ta' l-ordni jekk ma tifhimx il-filosofija ta' soċjeta` u jekk ma tifhimx għaliex hemm nies li mhux jifhmu lilna l-Ewropej u lilna l-Mediterranji. Jiena nista' nimmaġina li l-west, l-Amerka u l-entourage kollha jifhmuni aktar milli jiena nista' nifhem il-madwar? Imma jiena nista` nitlaq dak kollu li qiegħed hemm, dak kollu li naf qed jiġri u dak kollu li jiena, bħala pajjiż, nista' nifhem aktar għaliex dak huwa b'saħħtu?! Dak huwa l-ħsieb kollu, Sur President.
Il-protezzjoni tal-morali hija essenzjali ħafna fid-dinja tal-lum. U din m’hijiex kwestjoni ta' reliġjon biss. Hemm ftehim bejn kull tip ta` morali, sew jekk morali Kattolika sew jekk Lhudija kif ukoll jekk Iżlamika. X'imkien hemm raġuni li ngħidu: Imma din tajba u din ħażina. Din hija moralment tajba u din hija immorali. It-tliet reliġjonijiet huma b'saħħithom. Jekk nifhmu dan it-terrorriżmu jonqos, jekk mhux jispiċċa, għaliex imbagħad ma jkunx baqa' skop għalfejn dawn in-nies anke jissagrifikaw lilhom nfushom għat-twemmin li wassalhom biex jieħdu din il-pożizzjoni. Xi ħadd kien jobsru dan? L-ewwelnett huwa immorali li tagħmel suwiċidju. Qatt m'hu ġustifikat li tagħmel. Ovvjament jista' jkollok problema tal-moħħ li ma tkunx taf x'int tagħmel. Allura din il-persuna, biex ngħid hekk, tiġi in terms ma` Alla meta tasal fil-pożizzjoni li tagħmel suwiċidju. Imma llum mhux qed nitkellmu fuq dan it-tip ta` suwiċidju. Illum qed ngħidu li għandna nies li jaslu biex huma stess ikunu bomba. Persuna tidħol fi stabbiliment u jtajjar lilu nnifsu b'dak kollu li hemm fuqu u madwaru. Issa dan huwa fenomenu li qed narawh u qed jiżdied b'mod rapidu u ħadd m'hu qed jindirizza din il-problema.
Kulma qiegħed isir huwa li jipprova jara li min qiegħed jagħmel it-terrorriżmu u jiġġelidlu. Dan huwa tajjeb, imma m’huiex biżżejjed. Irridu nifhmu din il-kultura li tiela'. Illum ma tistax tħares lejn soċjeta` demokratika, lejn id-drittijiet tal-libertajiet u oħrajn, lejn il-protezzjoni tas-saħħa ta' pajjiż, lejn l-ordni pubbliku, u lejn il-prevenzjonijiet ta' delitti u ta' reati mingħajr ma tifhem il-morali. Illum ninsabu f’sitwazzjoni ta' kriżi kbira ta' morali fid-dinja. Irrispettivament mill-konvenzjonijiet li nagħmlu, jiena naħseb li rridu ndaħħlu magħna pajjiżi ta` l-Ewropa, ta` l-Amerika, tal-Kanada u pajjiżi oħra minn kull parti tad-dinja li huma differenti minna f'dik li hija reliġjon, f'dik li hija politika u f'dik li hija kultura biex flimkien tiġi mfassla konvenzjoni dinjija taħt is-superviżjoni tal-Ġnus Magħquda biex jiġi protett dan kollu.
Sur President, ovvjament aħna naqblu li llum meta qed nemendaw l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea għandha ninkuldu diversi protocols li jmorru lura anke sa l-1950. Qed nirriferi, per eżempju, għall-protocol li kien sar f'Ruma fl-4 ta' Novembru fl-1950, jew inkella t-tielet, ir-raba' u s-seba' protocol li kienu sar f'Pariġi fl-20 ta' Marzu ta' l-1952 u oħrajn li saru sa l-1984. Dawn issa saru parti mil-liġi. Dan huwa tajjeb u dan il-Parlament Malti jagħmel tajjeb li jendorsja dan kollu, u hemm aktar xogħol xi jsir. Jekk naraw x’konvenzjonijiet ġew ratifikati riċentement minn pajjiżna, insibu li fost oħrajn ġie ratifikat ir-raba protocol dwar il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem li jassigura d-drittijiet u l-libertajiet li huma nklużi fil-protocol. Dan ġiet ratifikat fil-5 ta' Ġunju ta' din is-sena. Jiġifieri qed nitkellmu fuq ftit ġranet ilu, u dan meta qed nitkellmu fuq protocol li jmur lura sa` l-1963. Jiġifieri ara kemm qegħdin lura.
Jiena ngħid li f’dawn l-affarijiet għandna nkunu minn ta' quddiem biex verament nuru lid-dinja kollha li we stand there for the protection of these rights. Għandna nagħtu l-eżempju. Żgur m’għandniex nagħmlu bħall-Ingliżi li jibqgħu jħarsu u jħarsu u fl-aħħar jindunaw li jridu jagħmlu xi ħaġa. Għandna nkunu minn ta' quddiem anke fil-foresight ta' l-ordni pubbliku fid-dinja. Dak li qed naraw u naħsbu li jista' jsir għandna ngħiduh. Għandna ngħidu dak li naħsbu li jrid isir biex flimkien, mal-bqija tad-dinja, naraw li jkun hawn aktar protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u iktar sigurta` fid-dinja għax b’hekk jista` verament ikun hawn l-ordni pubbliku.
Sur President, imbagħad hemm konvenzjonijiet oħrajn li wieħed jistaqsi għaliex għadna ma ffirmajnihomx. Għalkemm pajjiżna qatt ma qagħad lura f'dak li għandu x'jaqsam ma` sigurta` soċjali ma' l-anzjani - il-Partit Laburista kien dejjem minn ta' quddiem li jagħti l-protezzjoni għad-drittijiet tas-sigurta` soċjali lil dawk li huma in the old age bracket, jew inkella dawk li għandhom problema ta' invalidita` - sal-lum għadu ma rratifkax il-European Internal Agreement li jitkellem dwar is-social security schemes relating to old age, invalidity or survivals. Issa din il-konvenzjoni tmur lura sa l-1953. Mhux qed ngħid intom jew aħna, imma l-gvern s'issa għadu qatt ma ħaseb li jagħmel xi ħaġa f'dan ir-rigward. Dan ma jawgurawx tajjeb. Aħna rridu nimxu ‘l quddiem u dak li hu ovvju rridu nendorsjawh. Waħda mill-affarijiet pożittivi kienet il-konvenzjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni ta' inhuman torture u degrading treatment of punishment, konvenzjoni ta` l-1987.
Jekk, per eżempju, l-addition convention protocol numru 10 insibu li sal-lum għadna ma firmajnihx. Din il-convention tmur lura sa l-1992. Jiġifieri diġa` ħadna għaxar snin fuqu. Kien proprju fil-25 ta’ Marzu ta’ l-1992 li dan il-protocol infetaħ għall-firma tal-pajjiżi. Illum dan għadu qiegħed hemm u Malta m’hijiex inkluża fost il-firmatarji.
Sur President, l-istess meta niġu għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kwestjonijiet importanti li dan il-Parlament kemm-il darba ttekilja u li aħna bħala, Parlament Malti, nemmnu li għandu jsir xi ħaġa dwarhom. Qed nirriferi, per eżempju għall-mod kif għandu jiġi protett il-bniedem f’dak li huwa transplantation ta’ l-organi u t-tissues tal-human. Illum hawn organizzazzjoni volontarja tad-donor support group, liema organizzazzjoni jiena nifforma parti minnha. Din organizzazzjoni li qiegħda ħafna għal qalbi għax nara li waħda nobbli. Din hija organizzazzjoni li tieħu ħsieb persuni li għandhom bżonn organi jew partijiet oħra tal-ġisem. Dawn jistgħu jiġu mgħoddija lil dawn il-persuni kemm min-nies li jkunu mietu b’xi diżgrazzja jew b’xi ħaġa oħra jew min-nies li jkunu għadhom ħajjin u jkunu lesti li jagħtu xi organu lil xi ħadd, ġeneralment tal-familja tiegħu, biex isalvah u jibqa` jgħix. Illum din hija xi ħaġa li ssir regolari f’pajjiżna. Pero` naħseb li huwa tajjeb li jkollna liġi biex nagħtu protezzjoni lil kulħadd f’dan ir-rigward.
Niftakar li reċentement konna ltqajna mal-President tar-Repubblika u ġie diskuss li għandu jsir xi ħaġa f’dan il-Parlament – u din hija xi ħaġa li nistgħu naħdmu fuqha – fis-sens li d-dritt li persuna li wara mewtha tixtieq tħalli l-organi biex jintużaw minn xi ħadd li jkollu bżonn, għandu jkun regolat b’liġi. Dan huwa importanti għax wara l-mewt ta` persuna jista’ jkun hemm il-problemi. Per eżempju, jiena nistaqsi: Jekk nieħdu l-artiklu tal-liġi ċivili li jirrigwardja l-wirt, il-ġisem tal-bniedem jista’ jiġi kkonsidrat bħala proprjeta` mobbli? Ma nafx jien. Qiegħed nistaqsi biex tgħiduli.
Dawn huma problemi li jinqalgħu u nqalgħu anke f’pajjiżna. Jista` jkollok persuna li d-donor support group joħroġlu card u jekk jiġrilu xi ħaġa u jmut, ikollu din il-card fuqu li biha jkun qed jagħti d-dritt u jistgħu jneħħulek li jridu. Imma jista` ikun hemm xi ħadd li jagħmel mandat ta’ inibizzjoni fil-qrati u jżomm milli jittieħdu il-partijiet tal-ġisem ta’ dik il-persuna għax jgħid li ma jridx li missieru jew ħuħ jindifen b’partijiet nieqsa minn ġismu. Dawn huma problemi li qegħdin hemm, apparti problemi oħra. Għandek, per eżempju, il-kwestjoni li ċerti organi jekk ma tagħmilx il-proċess fi żmien siegħa, sagħtejn kollox jispiċċa, ma tkunx tista` tagħmel użu minnhom. Dawn mhux bħad-demm, tista’ tiffriżah. Anke l-għajn tal-bniedem jew parti mill-għajn fuq wara u r-retina tista’ tippreżervahom sa ċertu ħin u tkun tista’ tużahom għal ħaddieħor. Dawn huma ħsebijiet, ovvjament iktar profondi f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem f’dik li hija biomediċina fuq transplantation ta’ l-organi u tissues li hija xi ħaġa riċenti. Fil-fatt, għall-firem tal-pajjiżi, bdiet bdiet f’Jannar ta’ din is-sena. Pero` tajjeb li aħna noqogħdu attenti li nevitaw li jkun hawn abbuż minn dawn l-affarijiet.
Jiddispjaċini ngħid li hawn pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja li fihom hemm min jorganizza l-business minn fuq dawk li lesti li jagħtu l-organi. Hawn kummerċ illegali u m’hawn xejn li jżomm milli jsir tali kummerċ għax ħafna minn dawn l-affarijiet m’humiex regolati b’liġi. Ġieli jkollok persuna tkun lesta tħallas il-belli liri biex tingħata organu. Dan m’għandux isir. Qatt m’għandu jkun hemm il-flus fin-nofs meta xi ħadd iħalli lill-ġismu wara l-mewt biex ikunu jistgħu jintużaw l-organi tiegħu. Għalhekk semmejt l-issue tal-morali fil-bidu. Il-morali hija xi ħaġa li hija l-bażi ta’ kollox u dan kollu għandu jiġi regolat b’liġi.
Sur President, dwar dan qed isir ġid kbir bid-dibattiti u bix-xogħol li qed isir fil-Kunsill ta’ l-Ewropa. Jiena nħossni kburi bħala parlamentari Malti li Malta tipparteċipa ħafna fil-Kunsill ta’ l-Ewropa. F’dawn il-konvenzjonijiet għandna naraw li nkunu iktar umani magħna nfusna. Il-Kunsill ta` l-Ewropa, li Malta saret membru tiegħu wara li saret indipendenti, kien twaqqaf biex proprju jsiru d-diskusjsonijiet kollha f’dak li għandu x’jaqsam mal-common concern, common action tal-pajjiżi permezz ta’ konvenzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja ekonomika, soċjali, kulturali, xjentifika, legali, u amministrattiva u dak kollu li għandu x’jaqsam mar-realizzazzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bnidem. Dan kollu huwa magħqud waħda ma’ l-oħra anke ma` dak kollu li qed jiġri madwarna. Jiena jista’ jkolli liberta` kollha li nagħmel li rrid, ngħid li għandi ngħid, nesprimi l-ħsebijiet tiegħi, ikolli dritt li ngħix, ikolli dritt tax-xogħol, ikolli dritt li niżżewweġ u jkolli dritt li jkolli d-dar tiegħi, pero` jekk id-dinja tkun qiegħda qed tispostja ruħha u tkun qed tattakka dawn id-drittijiet, anke b’mod indirett, il-pajjiż, il-kontinent ta` l-Ewropa u l-bqija tad-dinja għandhom jaraw kif jorganizzaw ruħhom biex dik il-ħsara ma ssirx. Imma l-ħsara tiġġieldilha mhux billi tagħmel ħsara inti – u hawn hija l-kwestjoni ta’ filosofija kif qed tħares lejha d-dinja llum - imma trid tagħżel it-triq it-twila li tifhem u jekk ma tasalx għat-triq it-twila li tifhem, inutli li tiġi hawn u tagħmel liġijiet, inutli li tmur il-Kunsill ta’ l-Ewropa u tagħmel konvenzjonijiet u jkun inutli wkoll li tmur fil-general assembly tal-Ġnus Magħquda u tgħid dak li għandek tgħid. Għaliex mhux qed jiftehmu l-Palestinjani u l-Lhud? Kemm sar diskors fuq id-dritt li l-Israel ikollu dritt ta’ l-eżistenza u l-Palestina jkollha dritt għal Stat u l-eżistenza tagħha?! Għadhom sal-lum, għax m’hemmx common ground, l-ebda parti għadha ma waslet biex tifhem il-parti l-oħra bil-problemi kollha tal-persuni involuti. Ovvjament l-ideal hija li jkollok qaddis ma’ qaddis jitkellem, imma llum mhux kulħadd qaddis u nafu li biex issir qaddis trid mill-inqas 30 sena wara l-mewt tiegħek.
Il-verita` hi li l-isforzi biex wieħed jifhem huma l-iktar ħaġa importanti u sar kemm sar diskors fil-Ġnus Magħquda għadhom sal-lum bil-problemi kbar. Illum kważi qatgħet qalbha l-Ġnus Magħquda. Illum meta nitkellmu fuq il-problemi tal-Lvant Nofsani titsta` tgħid li sal-lum għadu ma sar xejn. Issa dawn nies li suppost għandhom id-drittijiet kollha tan-nies bħalna, bid-differenza li wieħed qed jgħix Ramallah u jien qed ngħix il-Mosta. Il-verita` hija li aħna t-tnejn nies li għandu jkollna drittijiet salvagwardjati. Imma x’sar? Xejn. Il-parteċipazzjoni tal-Ġnus Magħquda hija kważi non-existent f’dawn il-pajjiżi. Jekk mhux se jissaħħaħ dak kollu li hu komuni kollox se jisfaxxa. Ma jistax ikollok multiplikazzjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali fejn wieħed jipprova jieħu l-poter ta’ l-ieħor.
Jekk ħadd m’hu se jifhem li fil-Ġnus Magħquda hemm bżonn li ssir rivoluzzjoni siekta biex terġa` tqum fuq saqajha u tibda tfisser xi ħaġa ħalli meta wieħed isemmi l-Ġnus Magħquda kulħadd ikun jaf li din tfisser ordni internazzjonali, allura l-isforzi kollha se jkunu għal xejn. Jekk dan se nħalluh jintelaq għal riħu qatt m’hu se naraw riżultati tajbin. Qed ngħid dan għax filwaqt li tul l-istorja l-Ġnus Magħquda lagħbet parti importanti f’ħafna mill-kriżijiet mondjali, illum il-funzjonament ta’ l-Ġnus Magħquda f’dik li huwa paċi pubblika, f’dik li hija ordni mondjali kważi m’hijiex parteċipi. Illum qegħdin naraw pajjiżi li jingħaqdu u jiddeċiedu li jattakkaw huma qabel ma jiddeċiedu l-Ġnus Magħquda. Per eżempju, jekk wieħed jara x’kien jiġri fil-Jugoslavia jsib li qabel ma kienu jiddeċiedu l-Ġnus Magħquda kienet tiddeċiedi l-Ewropa jew in-NATO. Dan m’huwiex dak li konna qegħdin nifhmu 30 u 40 sena ilu. Allura bilfors inti qed tagħti spazju għal xi ħaġa oħra minflok il-parteċipazzjoni kif kienet miftehma fl-oriġini tagħha.
Sur President, jekk wieħed jitkellem fuq piena tal-mewt fi żmien gwerra, imbagħad jitkellem fuq l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt irridu naraw li dan jagħmel sens dejjem. Ma nistgħux niġġustifikaw xi ħaġa għax ikun jaqblilna hekk meta nafu li r-riperkussjonijiet tagħha se jkunu kbar. Illum kulħadd jaf x’qed jiġri fid-dinja. Il-biża` li hawn hija li ħadd m’hu qed jifhem lil ħadd. Illum kulħadd qed jipprova jkun il-big boss, jieħu d-deċiżjonijiet imbagħad naraw. Xi ħadd jista`, legalment, jipproċessa u jikkastigata persuna darbtejn. Bħalissa hawn avukati u kollha nafu li persuna ma tistax tiġi pproċessata darbtejn fuq l-istess każ. Imma jekk nafu li l-Amerika, għar-raġunijiet politiċi tagħha, tieħu pjaċir tagħmel dan anke fil-konfront ta’ proċeduri li saru fl-Ewropa ma nistgħux aħna, bħala pajjiż, noqogħdu siekta, sempliċement għax qed tagħmilha l-Amerika. Din hi l-verita` u b’hekk jibda t-terroriżmu, għaliex inti tkun qed tweġġa` persuna aktar milli suppost għandek tweġġagħha, ovvjament għall-iżbalji li tkun għamlet.
Niftakar li meta kont qed nagħmel it-teżi tiegħi fuq il-masters dwar dan, fuq it-terroriżmu stajt insemmi l-proċess li sar Malta, tajjeb jew ħażin, ta’ Ali Rezaq. Dan il-hijack ta’ l-Egypt Air kien l-agħar hijack ta` ajruplan li qatt sar fid-dinja. Dak kien massakru fl-iktar mod grandjuż. Kien sar butchering. Imma insa l-każ bil-konsegwenza kollha. Ali Resaq għadda l-proċedura hawn Malta u ngħata l-piena. Issa kemm kellu jagħmel il-ħabs f’Malta u għaliex inħeles wara seba` jew tmien snin m’iniex se nidħol fiha. Dik hija xi ħaġa interna li, tajjeb jew ħażin, pajjiżna għandu jġorr ir-responsabbilta’ tagħha kollha, bħalma ġara.
Qed ngħid hekk għax kulħadd jaf li wara dak il-każ il-konsegwenzi għal pajjiżna kienu kbar. Imma li, bħala pajjiż, tipprova tagħmel piracy billi tarresta ajruplan f’ajru spazjali ta’ pajjiż ieħor, tisraq lill-persuna li suppost hija persuna ħielsa għall-fini tal-liġi u terġa’ tarrestaha u mill-Ghana teħodha l-Amerka u terġa’ tipproċessaha taħt l-istess reat imma b’deskrizzjoni oħra – hawnhekk il-kwestjoni kollha hija għaliex aħna ma kellniex il-liġi tal-hijacking imma huma għandhom – huwa xenarja fl-ordni internazzjonali li ma jagħmilx unur lill-ordni pubblika. Irridu nkunu qed nifhmu lil xulxin li dak li nemmnu japplika. Mhux sew li noqogħdu nidħku b’xulxin. Dawk li huma prinċipji legali japplikaw dejjem u kullimkien, m’humiex qegħdin sempliċement hemmhekk biex ngħidu li qegħdin hemmhekk u mbagħad ħadd ma josservahom. Issa jien mhux qed ngħid għaliex Ali Rezaq qiegħed il-ħabs fl-Amerka. Dik hija deċiżjoni li ħaditha l-Amerka u taf x’għamlet. Imma l-verita’ hi li ħadd ma jista jiġi pproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċeduri kriminali meta diġa` jkun hemm deċiżjoni. Sur President, issa fl-argumentazzjoni tal-protocol hawnhekk qegħdin nitkellmu wkoll fuq proċedimenti taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru tkun diġa` finalament ġejt liberat jew misjub ħati. Fil-fatt anke hemm konvenzjoni partikolari dwar id-double jeopardy.
Sur President, l-istess ħaġa meta nitkellmu fuq il-kwestjoni ta’ l-egwaljanza bejn il-konjuġi. Din hija xi ħaġa li kulħadd jeħodha ovvja li l-mara u r-raġel għandu jkollhom l-istess drittijiet u responsabbiltajiet f'dak li huwa dritt privat bejniethom. Illum f'pajjiżna għandna l-liġijiet li suppost qed jipproteġu lill-konjuġi u li qed jipproteġu b'ugwaljanza lill-koppji sew meta jkunu sejrin tajjeb fiż-żwieġ u anke meta jkun hemm problemi. Nafu li llum f'pajjiżna għandna soċjeta` fejn il-problemi fiż-żwieġ qed jikbru u mhux jonqsu. Ngħidu x’ngħidu l-verita` hija waħda, għandna kriżi kbira fost il-koppji. Pero` għallinqas fil-kriżi rridu naraw li d-drittijiet ta' kulħadd, sew tat-tfal kif ukoll tal-partijiet fiż-żwieġ, għandhom jiġu protetti. Fil-fatt artiklu 5 tas-seba` protokoll li qed indaħħlu f’dan l-abbozz ta` liġi jgħid hekk:
“Il-konjuġi għandhom igawdu egwaljanza fid-drittijiet u r-realzzjonijiet ta` xorta tad-dritt privat bejniethom, u fir-realazzjonijiet tagħhom ma’ uliedhom, qabel iż-żwieġ ...”.
Dan huwa punt importanti għaliex ġeneralment nitkellmu fuq drittijiet ta` l-ulied miż-żwieġ 'il quddiem. Jien ngħid li huwa tajjeb li dan il-protokoll qed jassigura dan il-prinċipju li anke qabel iż-żwieġ nafu li jibdew ċerti drittijiet u obbligi fil-konfront anke ta' ulied li jkunu qabel iż-żwieġ. Illum xi ħadd jista' jidħol u jgħid għaliex koppja kellha tarbija qabel iż-żwieġ u żżewwġet u din issa ġiet parti mill-familja? Huwa ħażin li kien hawn ċertu taboo u li sa ftit ilu kważi ridt taħbi lit-tarbija u lit-tifla wkoll. Imma llum nafu li dawn l-affarijiet isiru. Issa kemm hi healthy jew le, taraha l-koppja. Imma la jsiru rridu nagħtuhom id-drittijiet, irridu nagħtuhom il-protezzjoni. Għalhekk hija soċjeta` ħanina u għalhekk pajjiżna jrid ikun minn ta' quddiem anke f'dan l-ambjent li jrid jara li jkun hemm egwaljanza fid-drittijiet matul iż-żwieġ u anke fix-xoljiment tiegħu, meta jkun hemm il-kriżi.
Sur President, l-iktar ħaġa importanti meta għandek l-egwaljanza bejn il-konjuġi hija li l-ġudikant meta jasal biex jagħti d-deċiżjoni jew id-direzzjoni tiegħu - mhux bilfors li tkun sentenza finali - hija li jrid iżomm f'moħħu għalkemm hemm dik il-leġislazzjoni li hemm dan l-artiklu ma jżommx lill-Istat milli jieħu dawk il-miżuri li huma meħtieġa fl-interess ta' l-ulied. Din hija xi ħaġa li nemmnu fiha. Pajjiżna jemmen ħafna li għandna nżommu dawn il-valuri tal-familja bl-iktar mod fil-quċċata. Dawn ma ssibhomx kullimkien u huwa tajjeb li din hija parti mill-konvenzjoni li qed nirratifikaw.
Sur President, imbagħad għandek it-tielet skeda li titkellem fuq il-kwestjoni tal-konvenzjoni dwar il-validita` ta' sentenzi kriminali. Interessanti li paragrafu 22 tar- Rapport Spjegattiv għas-Seba’ Protokoll jgħid hekk:
“Dan l-artiklu jipprovdi li l-kumpens li għandu jitħallas lil vittma ta` nuqqas ta' ġustizzja magħmula mill-qorti, taħt ċerti kondizzjonijiet.”.
Dan huwa żvilupp importanti għax illum nafu li l-vittma qed tingħata aktar drittijiet fil-proċeduri. Din hija xi ħaġa pożittiva u hija xi ħaġa li wieħed għandu mhux jinkoraġġiha biss imma għandu jara li fir-realta` din issir fil-proċeduri. Anke l-emendi li saru fil-kodiċi kriminali jagħtu wisa` għal dan. Pero` imbgaħd ikompli jgħid hekk:
“Fl-ewwel lok, li persuna involuta kellha tkun instabet ħatja ta` reat kriminali b’deċiżjoni finali u tkun ġarrbet piena bħala riżultat ta` dak is-sejbien ta` ħtija. Skond it-tifsira li hemm fir-Rapport Spjegattiv tal-Konvenzjoni Ewropea fuq il-Validita` Internazzjonali ta` Sentenzi Kriminali, deċiżjoni finali “jekk, skond il-frażi tradizzjonali, tkun daħlet f’ġudikat bħala res judicata. Dan huwa l-każ meta din tkun irrevokabbli, jiġifieri meta ebda rimedju ieħor ulterjuri ma jkun disponibbli jew meta l-partijiet ikun għamlu użu sħiħ minn dawk ir-rimedji jew ikunu ppermettew li t-terminu taż-żmien jiskadi mingħajr ma jagħmlu użu minnhom”. Isegwi għal daqstant li sentenza li ma tkunx ta` din ix-xorta ma titqiesx bħala waħda finali ....”.
Dan ifisser li ma jkunx jista' jiġi applikat dan l-artikolu tal-protokoll li llum qed isir parti mil-liġi.
Imbagħad paragrafu 23 ta` l-istess rapport spjegattiv jgħid hekk:
“Fit-tieni lok, dan l-artiklu japplika biss meta s-sejbien tal-ħtija ta' xi persuna jkun ġie jew rivertit jew inkella dik il-persuna tkun ingħatatilha l-maħfra ...”.
Dan għaliex ovvjament aħna nafu li persuna li tkun misjuba ħatja tista', taħt raġunijiet partikolari - ovvjament wara li l-kabinett ikun iddeċieda u l-Prim Ministru jkun ta l-parir lill-President biex jagħmel dan – tingħata l-maħfra. Allura fin-nuqqas gravi ta' dan il-proċess ġudizzjarju jkollok din l-applikazzjoni, li taħt dan l-artiklu m'hemm l-ebda ħtieġa li jitħallas xi kumpens jekk dan is-sejbien ta' ħtija jkun ġie riverdit jew maħfur. X'qed ngħidu hawn? Għalkemm wieħed jista' jaqbel jew ma jaqbilx, pero` dak li qed ngħidu huwa li l-paragrafi 22 u 23 tar-rapport spjegattiv għas-seba protokoll tal-konvenzjoni jagħti wkoll detall meta l-persuna li hija kkunsidrata bħala vittma tista' tingħata kumpens f'nuqqas ta' ġudizzju li jkun magħmul minn din il-qorti.
Dan ifisser li hawn qed nidħlu fi drittijiet oħra li mhux bilfors ikunu drittijiet tal-persuni diretti għaliex meta nidħlu fuq vittmi - jien għandi għax nifhem li hekk hu l-każ – il-vittmi mhux bilfors huma l-persuni diretti. Jistgħu werrieta ta' dik il-persuna li tkun vittma ta' reat li jkollha dritt għal kumpens. Storikament nafu li sa ftit tas-snin ilu kien ikun possibbli li persuna li għandha d-dejn wieħed jista` jitfagħha l-ħabs. Ovvjament illum m'għadhiex possibbli għaliex kieku nitfgħu ħafna nies il-ħabs illum. Tant hawn dejn fil-pajjiż li nispiċċaw li l-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin ma tesagħhomx. Naħseb ikollna nagħmlu l-grounds tal-football kollha ta' Malta u npoġġu lin-nies kollha hemmhekk u nispiċċaw b’ soċjetajiet sħaħ midjunin mitfugħin fil-ħabs. Kulħadd jaf li mhux sew li għax persuna spiċċat b'dejn titqies li qisha għamlet xi reat kriminali. Hemm proċeduri oħra jekk kemm-il darba persuna tkun għamlet dejn jew tkun daħħlet lil ħaddieħor f'dejn għaliex tkun għamlet truffa. Jekk tkun iffrodajt lil xi ħadd jew għamilt xi messa in scena, dik hija xi ħaġa ta' proċeduri kriminali.
Imma hawn qed nitkellmu fuq id-dritt li persuna tibqa' libera nonostante l-fatt li jkollha dejn minħabba raġunijiet kontrattwali. Jekk wieħed imur sal-ħabs isib li strorikament kien hemm ukoll sezzjoni b’ċelel apposta għal dawk li jkunu mitfugħa l-ħabs minħabba li ma jkunux obbligaw ruħhom li jħallsu d-dejn. Din ilha li spiċċat minn pajjiżna. Pero’ huwa tajjeb li din il-ħaġa nenforzawha kif qiegħda indikata f’artiklu 1 ta-raba’ protokoll li hemm mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali li jitkellem dwar il-projbizzjoni ta` priġunerija għal dejn għaliex dan huwa prinċipju li aħna konna diġa’ daħħalna f’pajjiżna. Illum huwa illegali li inti tipprova tpoġġi bniedem il-ħabs għaliex ma ħallasx id-dejn li għandu jagħti. Dik huwa xi ħaġa purament ċivili u tibqa’ ċivili mingħajr ma tingħata sanzjoni, piena jew forma kriminali minħabba l-obbligazzjoni kontrattwali. Allura ħadd m’għandu jiġi pprivat mil-liberta’ unikament minħabba fl-inkapaċita’ tiegħu li jwettaq obbligazzjoni kontratwali. Din hija xi ħaġa li ċertament naqblu magħha kompletament.
Sur President, l-aħħar punt li xtaqt nagħmel huwa dwar id-dritt ta’ appell speċjalment f’materja kriminali. Qed ngħid speċjalment f’materja kriminali għax ċivilment għandna restrizzjonijiet anke f’pajjiżna. Per eżempju, fil-qrati tagħna speċjalment fit-tribunal għat-talbiet iż-żgħar, fejn illum il-ġurisdizzjoni telgħet għal Lm1,500, id-dritt ta’ appell għadu ristrett. M’għadux miftuħ daqskemm kien miftuħ id-dritt ta’ appell ċivilment meta l-kawżi kienu quddiem il-qorti tal-maġistrati, anke meta qed nitkellmu fuq kawżi sa Lm1,000, għaliex qabel il-qorti tal-maġistrati kienu jistgħu jisimgħu kawżi sa Lm1,000 u tkun tista’ tappella anke fuq il-kwestjoni ta’ fatt. Imma fuq dan il-każ ċertament nemmen li għandu jiġri xi ħaġa dwar dak li għandu x’jaqsam mat-tribunal għat-talbiet iż-żgħar.
Pero’ l-artiklu 2 tas-seba’ protokoll jitkellem dwar id-dritt ta’ appell f’materja kriminali. Ċertament wieħed għandu jara u jenforza li dan id-dritt ta’ appell jiġi dejjem protett u għandu jkun dejjem protett għal dak li huwa akkużat. U rridu noqogħdu attenti li ma nwessgħux d-dritt ta’ appell għal min ikun qed jakkuża. Għalkemm nafu li hawn din it-trend f’pajjiżna l-iktar li għandu jkun protett, kif dejjem huwa indikat fil-protokoll, huwa kull min jinstab ħati ta’ reat kriminali. Min jinstab ħati ta` reat kriminali għandu jkollu d-dritt ta’ appell, inklużi raġunijiet abbażi ta’ dak l-eżerċizzju. U dan id-dritt jista’ jiġi suġġett biss għall-eċċezzjonijiet dwar reati ta’ xorta mhux kontravvenzjonali. Dan qed ngħidu biex noqogħdu attenti li f’pajjiżna ma mmorrux oltre dak li nemmnu fih u li dejjem ġie spjegat fil-konvenzjonijiet. Mill-banda l-oħra aħna ta’ l-oppożizzjoni naqblu ma’ dan l-Att għax ċertament huwa Att pożittiv fid-direzzjoni t-tajba f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp internazzjonali madwar id-dinja. Nirringrazzjak.
Dostları ilə paylaş: |