Template for Published Version of Sittings



Yüklə 218,99 Kb.
səhifə19/25
tarix10.01.2022
ölçüsü218,99 Kb.
#100918
1   ...   15   16   17   18   19   20   21   22   ...   25
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Hawn aktar rimarki? L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Grazzi, Sur President. L-għanijiet u raġunijiet ta’ dan l-abbozz ta’ liġi jgħidu hekk:
“L-għan ta’ dan l-Abbozz hu sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet ta' l-Att prinċipali għad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali protetti bir-Raba', s-Sitt u s-Seba' Protokolli li hemm mal-Konvenzjoni.”.
L-ewwelnett nixtieq niddikjara li llum il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tas-sajjieda huma mhedda minn sajjieda oħra tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea. Hawnhekk ikun tajjeb li wieħed ifakkar id-dikjarazzjonijiet li għamlu s-sajjieda Maltin u Għawdxin fis-snin 2001 u 2002 li fihom qalu li jħossu li l-gvern għandu jagħti s-sehem tiegħu biex jipproteġi d-drittijiet tas-sajjieda u l-libertajiet fundamentali tagħhom meta dawn ikunu qegħdin iwettqu l-mestjier tagħhom bejn sema u ilma aktar u aktar meta x-xogħol tagħhom huwa wieħed perikoluż u tal-biżgħa. Dawn jiddikjaraw li jinsabu mhedda kontinwament u għaldaqstant irrid nikkundanna l-aġir tas-sajjieda barranin li abbużivament qed iġibu fil-periklu l-ħajjiet, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-sajjieda Maltin u Għadwxin. Per eżempju, jien kont diżilluż meta smajt id-dikjarazzjonijiet li għamlu s-sajjieda Maltin u Għawdxin bejn il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta filgħodu fejn qalu li minkejja li bdew jgħajtu u anke kkommunikaw mas-sajjieda barranin biex jinformawhom li kienu deħlin fuq il-konzijiet tagħhom, dawn injorawhom totalment u baqgħu għaddejjin bil-konsegwenza li kkawżawlhom eluf kbar ta' liri f'danni u ħsarat.
Sur President, inċident ieħor li ġara jumejn ilu jinvolvi għadd kbir ta’ dgħajjes u tugboats tas-sajjieda barranin li wħud minnhom għamlu ġesti oxxeni wara li s-sajjieda Maltin informawhom li kienu se jgħaddu minn fuq il-konzijiet tagħhom. Bħala kelliem ewlieni ta’ l-oppożizzjoni għal dan il-qasam ma nistax ma nikkundannax dan l-aġir. Nixtieq nikkundanna wkoll l-aġir tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd li wara li dalgħodu staqsejtu xi mistoqsijiet dwar din il-pożizzjoni qal li kollox ġie rranġat u l-problemi ġew solvuti. Jien għandi nifhem li għandna nkunu realistiċi u saqajna ma’ l-art għax jidher li dawn is-sajjieda qed jiġu mneżża’ mid-drittijiet tagħhom. Il-membri ta’ din il-Kamra għandhom jagħmlu osservazzjonijiet kbar għax ma jistax ikun li jiġru dawn l-affarijiet minn sajjieda oħrajn fir-reġjun tal-Mediterran, jiġifieri Taljani, Spanjoli u Franċiżi¸ li suppost jirrispettaw il-liġijiet internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. Ma jistax ikun li ma nipprotestawx għal dawn l-affarijiet li Allaħares qatt jistgħu jispiċċaw f’xi inċident fatali. Jien insostni li m’għandniex nistennew li jseħħu inċidenti fatali u allura nappella lin-naħa tal-gvern biex ma tibqax tieħu dawn l-affarijiet with a pinch of salt u bl-aktar mod diżonest u rresponsabbli. Dawn l-affarijiet qed jheddu l-ħobż, il-ħajjiet tan-nies u l-industrija tas-sajd tagħna u għaldaqstant wieħed irid ikun ċar u jrid jifforma opinjoni kategorika dwar dawn l-abbużi u dwar dan it-theddid li qed isir.
Sur President¸ minn hawnhekk nixtieq insellem il-mod qalbieni tas-segretarju tal-koperattiva¸ is-Sur Raymond Bugeja, li ġab għal attenzjoni tal-gvern l-importanza li pajjiżna jipproteġi l-25 mil kosta tas-sajd għax skond hu¸ din hija l-unika żona li fadlilhom fejn jistadu s-sajjieda tagħna. Is-Sur Bugeja mhux qed jagħmel dan biex jaġevola l-politika Laburista li qed jipproponi partnership ma’ l-Unjoni Ewropea jew inkella biex jagħmel mażżra fuq il-viżjoni tal-partit Nazzjonalista dwar din is-sitwazzjoni fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa bniedem onest u responsabbli li qed jgħid il-verità sabiex bl-akbar għaqal jiddefendi l-interessi tal-membri tal-koperattiva tiegħu, l-interessi tal-bqija tas-sajjieda Maltin u Għawdxin kif ukoll l-interessi ta’ l-industrija tas-sajd u l-industrija tal-bejgħ tal-ħut li tipprovdi provvistà sostanzjali ta’ ħut frisk għall-konsumatur u għall-industrija tat-turiżmu.
Sur President, jekk nirriflettu ftit dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali żgur li nsibu aktar affarijiet importanti minn dan li qed ngħid imma ma jistax ikun li aħna bħala parlament ma nieqfus quddiem dawn in-nuqqasijiet, dawn l-abbużi u dawn l-inġustizzji sfaċċati li qed isiru fuq il-poplu tagħna. Hawnhekk qed nitkellmu fuq sajjieda li għandhom l-aktar vapuri sofistikati¸ għandhom radars li jistgħu jevitaw kull periklu u l-aktar apparat sofistikat fid-dinja biex jistadu għal dan l-ispeċi u mbagħad niġu hawnhekk ngħidu li rridu li s-sajjieda tagħna jridu jiżviluppaw u jirristruturaw meta min huwa rristrutturat u żviluppat diġภqed jhedded il-ħajja tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk li dalgħodu jien ma komplejtx nagħmel mistoqsijiet fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari għax minkejja li l-ministru jaf li saru dawn l-affarijiet, qal li s-sajjieda rranġaw kollox bejniethom. Għalhekk nerġa’ nsostni li ma jistax ikun li nieħdu dawn l-affarijiet with a pinch of salt u nħallu lis-sajjieda jgħumu waħedhom¸ jekk ukoll ma jiġrix kif ġara s-sena l-oħra u jkollna niddeċiedu li nattakkawhom permezz tal-forzi tagħna minħabba xi rregolaritajiet li xi ħadd għaref seta’ fehem li kien hemm.
Hawnhekk qed nitkellmu fuq ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali minn ċittadini ta’ pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea li suppost huma l-kapulavur ta’ dawn l-affarijiet. Imbagħad għandna l-gvern Malti li qed jiġi mitlub biex ikun assistit mill-patrol boats ħalli dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.
Sur President¸ meta jien nitkellem fuq id-drittijiet tal-bdiewa u tas-sajjieda forsi ma nibgħatx messaġġ tajjeb biżżejjed għaliex donnu li dawn is-setturi li minnhom jiddependi l-ikel tal-poplu Malti kollu¸ ħadd ma jagħtihom il-valur li ħaqqhom.
Ma nistax ma nsemmix ukoll il-fatt li s-sena l-oħra u din is-sena s-sajjieda barranin għamlu ħerba sħiħa fil-konzijiet tal-Maltin u l-Għawdxin li huma konzijiet silettivi u mhux distruttivi. Ta’ min igħid li l-mod kif jistadu s-sajjieda tagħna jġib ir-rispett tal-globu għax is-sajjieda tagħna ma jistadux għat-tonn bil-purse-seiners imma jistadu bil-konz u bis-sunnara u dan huwa mod rispettabbli lejn il-ħajja u lejn l-ispeċi tal-ħut. Meta tistad bil-konzijiet ma jiġrix kif jiġri fil-purse-seiners fejn jinqabdu wkoll speċi ta’ annimali protetti fosthom il-frieken, id-dniefer u x-sharks bil-konsegwenza li meta tingħalaq il-purse-seiner, din tiġi qisha ballun u t-tonn tant jibda jagħti li ħafna drabi qabel jifga hu jkun ħoloq impatt mill-iktar distruttiv fuq l-ispeċi ta’ l-annimali protetti tal-baħar l-oħrajn.
Sur President, nisimgħu lil min igħid li l-politika Laburista ta’ Svizzera fil-Mediterran u l-politika Laburista ta’ partnership ma’ l-Unjoni Ewropea ma jifhimhiex. Pero’ li ma jinftiehemx żgur huwa l-mod kif is-sajjieda barranin li huma protetti u ssussidjati mill-pajjiżi tagħhom li huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea qed ikissru u jheddu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Għalhekk huwa mportanti ħafna li kif igħid il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni¸ nikkonċentraw fuq il-bżonnijiet tal-poplu u tal-gżira tagħna u nifhmu li ċ-ċirkostanzi¸ id-daqs ġeografiku ta’ pajjiżna u l-esperjenzi ta’ pajjiżna huma tagħna u allura rridu nħarsuhom u nipproteġuhom. Iż-żmenijiet tal-lum li huma mimlija opportunitajiet, tensjonijiet u sfidi rridu nagħrfu nanalizzawhom b’mod nadif u b’mod ħieles.
Għaldaqstant jien inħoss li għandi nikkjarifika l-messaġġ tal-mexxej Laburista jiġifieri li nikkonċentraw aktar fuq il-problemi tal-Maltin u l-Għawdxin. Hawnhekk nixtieq nistqarr li f’dak li għandu x’jaqsam mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed isiru dikjarazzjonijiet foloz lill-poplu tagħna, dikjarazzjonijiet li¸ fl-opinjoni personali tiegħi, qed jheddu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu tagħna. Jien ngħid li l-MIC, il-Moviment IVA u xi ġurnali li għal xi raġunijiet jew oħra aktar jippromwovu l-ħsieb li Malta għandha tissieħeb fl-Unjoni Ewropea¸ għandhom ikunu sostenibbli u maturi u jifhmu li l-Oppożizzjoni Laburista mhux qed tbeżża’ bil-babaw imma qed twassal dak li qed tistudja biex tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tas-soċjetà tagħna. Nirringrazzjak.


Yüklə 218,99 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   15   16   17   18   19   20   21   22   ...   25




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin