Il-Minuti tas-Seduta Nru 757 li saret fit-18 ta’ Ġunju, 2002 ġew konfermati.
MISTOQSIJIET – TWEĠIBIET ORALI
KLANDESTINI 32590. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid kemm klandestini nqabdu fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti l-informazzjoni għall-istess perjodu għal dawn l-aħħar ħames snin?
ONOR. NINU ZAMMIT (Ministru għall-Agrikoltura u Sajd) (f'isem il-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent): Ninsab informat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, 2002 il-pulizija qabdu 234 klandestin, filwaqt li matul l-istess xhur ta' bejn l-1997 u l-2001 ma kien hemm l-ebda każ.