MR SPEAKER: L-Onor. Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Jista' l-Ministru ġentilment jinformana meta hu personalment f'dawn l-aħħar sitt xhur għamel spezzjonijiet biex jaċċerta ruħu f'dan is-sens?
MR SPEAKER: Il-Ministru.
ONOR. NINU ZAMMIT: Mr Speaker, fid-dipartiment għas-servizzi veterinarji hemm tekniċi li jifhmu aktar mill-politiċi u huma jagħmlu l-monitoring u jaraw li l-irziezet jinżammu up to standard sabiex tiġi eliminata kull possibbilta' ta' mard.
Fid-domanda tiegħu l-Onor. Interpellant staqsieni dwar l-azzjoni li qed tittieħed fil-portijiet biex jiġu segwiti miżuri ta' kontrolli ħalli ma tfeġġx il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. Is-servizzi veterinarji jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommu din il-marda 'l bogħod minn xtutna u s'issa nistgħu ngħidu li għall-grazzja tal-ħanin Alla, din il-marda nżammet 'il bogħod. Is-servizzi veterinarji jieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha biex jassiguraw li l-ebda tip ta' mard ma jinġarr minn razzett għal ieħor.
Barra minn hekk, jien perjodikament inżur l-irziezet – għax niġi mistieden mir-raħħala stess - u nista' ngħid li wħud minnhom tant jinżammu fi stat tajjeb li tkun qisek dieħel f’abitazzjoni residenzjali, pero' mhux se noqgħod insemmi liema huma l-irziezet li żort.