GĦAJNUNA 32618. L-ONOR. NOEL FARRUGIA staqsa lill-Ministru tas-Saħħa: B'riferenza għall-urġenza tal-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jara li din il-persuna tingħata l-għajnuna meħtieġa?
ONOR. LOUIS DEGUARA (Ministru tas-Saħħa): L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, u għalhekk għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13567.
Mr Speaker, nieħu l-opportunita` biex niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Membri kollha - mhux ta' l-Onor. Farrugia biss għax ovvjament dawn it-tip ta' domandi jsiru miż-żewġ naħat tal-Kamra lili bħala ministru tas-saħħa - illi sakemm jibqgħu jsiru domandi li jitolbu particulars li jinvolvu s-saħħa ta' persuna, jiena ma nkunx f'pożizzjoni li nirrispondi jekk ma jkollix talba bil-miktub min-naħa tal-pazjent biex jiena nkun nista' niżvela ċerta informazzjoni illi tkun ta' ċertu grad ta' konfidenzjalita`.
Qiegħed ngħid dan kollu għax nifhem li ż-żewġ naħat tal-Kamra jkunu taħt pressjoni mill-kostitwenti tagħhom stess. Pero` nitlobkom tifhmu l-limitazzjoni li għandi jien għax minkejja li jiena ministru tas-saħħa, m'għandix id-dritt li mmur inqalleb il-file ta' ħadd biex inkun naf x'inhu għaddej. U naħseb li m'huwiex fair fuq il-kostitwenti li jibqgħu jwasslu dawn it-tip ta' domandi, illi ħafna minnhom meta mbagħad nitlob biex tiġi segwita l-proċedura kif indikata hawnhekk, jiġifieri li jinġieb il-permess tal-pazjent stess, dawn rarament jaslu. Fil-fatt naħseb li fit-tliet snin u nofs li ili nirrispondi għal dawn it-tip ta' domandi, niddubita kienx hemm awtorizzazzjoni waħda!
MR SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Ministru.