Debates tal-kamra tad-deputati


ORDNIJIET TAL-ĠURNATA MOZZJONI DWAR IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI



Yüklə 0,55 Mb.
səhifə3/8
tarix07.05.2018
ölçüsü0,55 Mb.
1   2   3   4   5   6   7   8

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

MOZZJONI DWAR IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI



(Tkompli mid-9 ta' Ġunju, 1997)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Maria Camilleri hija in possession.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, illum se nkompli nitkellem fejn ħallejt l-aħħar darba u nibda biex ngħid illi ż-żmien li fiha qed tiġi diskussa din il-mozzjoni għat-twaqqif ta' dan il-kunsill huwa f'waqtu ħafna meta wieħed iqis li bħalissa eluf ta' studenti għadhom kemm lestew l-eżamijiet u oħrajn għadhom qed jagħmluhom. Meta wieħed jistaqsi lill-ġenituri dwar l-eżamijiet tat-tfal dawn jgħidulek li uliedhom kellhom jgħaddu minn tensjoni kbira u minn iljieli sħaħ imqajmin sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-biżibilju ta' studju li kellhom. Dan juri kemm hu importanti li jitħaffef il-proċess ħalli l-kummissjoni tkun tista' taħdem fuq il-proposti sabiex is-sistema edukattiva tiġi modernizzata favur l-istudenti tagħna. Wara kollox aħna ma rridux inkunu egoisti li għax ma pparteċipajniex fl-għażla tan-nomina tal-membri tagħha allura ngħidu li din il-kummissjoni ma għandhiex titwaqqaf bil-mod li qed titwaqqaf jew inkella ngħidu - kif fil-fatt diġa' ntqal - li ma nafux kemm il-proposti li tista' tressaq il-kummissjoni se jkopru s-settur kollu ta' l-edukazzjoni. Diskors bħal dan lili jfakkarni fl-istorja tal-lupu li għax ma setax jilħaq l-għeneb dan qal li l-għeneb huwa qares. Jiddispjaċini ngħid li ntqal ukoll li dan li se jsir huwa kollu tagħżiq fl-ilma pero' fil-fehma tiegħi wieħed jagħżaq fl-ilma meta x-xogħol ma jkunx ippreparat jew inkella meta dan isir bl-għaġġla, imma minn hawnhekk jien nista' nassigura lil kulħadd li x-xogħol għat-twettiq ta' riformi fl-edukazzjoni nbeda b'serjeta' hekk kif tela' fil-gvern il-Partit Laburista.
Madam Speaker, jien inxebbaħ il-qasam ta' l-edukazzjoni ma' għalqa li jekk wieħed jitfa' ż-żerriegħa u jieħu ħsiebha din iż-żerriegħa ttella' għeruq sodi u tiżviluppa f'siġra li tagħti frott verament bnin imma mbagħad jekk wieħed jitfa' ż-żerriegħa f'għalqa li tkun ġiet ittraskurata din qatt ma tista' tagħmel frott tajjeb, anzi tagħmel frott imġandar. GĦalhekk jekk aħna ma nibdewx nieħdu ħsieb it-tfal minn meta dawn jirfsu l-għatba ta' l-iskola għall-ewwel darba allura mbagħad fil-ġejjieni ma jista' jkollna dawk iċ-ċittadini li aħna tassew nixtiequ. Meta nħarsu lejn iż-żgħażagħ, fihom naraw dawk iċ-ċittadini li tassew nixtiequ? Jien mhux qed ngħid li m'għandniex affarijiet pożittivi, imma jekk mhux se nieħdu azzjoni rimedjali minn isfel għal fuq allura ma nistennewx li jkollna dak ir-riżultat li tant huwa importanti għal pajjiżna speċjalment fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha llum, fejn l-informatika u t-teknoloġija qegħdin jagħmlu passi ta' ġgant. L-għajta ta' Gvern Laburista minn dejjem kienet li l-edukazzjoni trid tingħata prijorita' u trid tkun ta' l-aħjar kwalita'.
Proprju hawnhekk jidħol ix-xogħol tal-kummisjoni għax din trid tara li jsir investiment qawwi mhux biss fil-binja ta' l-iskejjel imma anke fir-riżorsi umani kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mall-curriculum. B'dawn it-tliet pilastri li għadni kif semmejt irridu nsaħħu sewwa s-setturi tal-primarja, tas-sekondarja, dak tekniku - li huwa importanti ħafna - tal-post-sekondarju kif ukoll ġewwa l-Universita'. Hemm bżonn li norbtu dan l-iżvilupp u investiment fl-iskejjel tal-gvern mas-settur ta' l-iskejjel privati għax dawn it-tnejn iridu jimxu id f'id. Fost is-setturi l-oħrajn li qed nagħtuhom importanza kbira hemm dak ta' l-edukazzjoni ta' tfal bi bżonnijiet speċjali, l-iskejjel li qegħdin f'depressed areas, dawk l-iskejjel li għandhom bżonn ta' l-għajnuna ta' skejjel li qegħdin f'lokalitajiet oħra, kif ukoll l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi fis-sistema edukattiva. Dan kollu jrid isir fil-pjan u bi proposti serji. Tajjeb ngħidu mill-ewwel li xogħol din il-kummissjoni se jkun li tressaq il-proposti tagħha f'rapporti għall-konsiderazzjoni tal-Parlament u mhux se jkollha poteri eżekutivi biex twettaq dawk il-proposti. F'din il-kummissjoni għandna nies li huma speċjalizzati f'dawn l-oqsma u l-iskop huwa li wara li ssir diskussjoni sana dwar dawn il-proposti mbagħad ngħaddu għat-twettiq tagħhom mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Wieħed mill-għanijiet tal-kummissjoni huwa l-fatt li din il-kummissjoni trid toħloq dik il-kontinwita' fil-pjan nazzjonali tas-sistema edukattiva. Il-proposti tal-kummissjoni għandhom jirriflettu l-ħteġijiet

soċjali, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiż. Huwa importanti wkoll li waqt ix-xogħol tagħha l-kummissjoni tagħraf li fil-proċess edukattiv il-ġenituri huma l-imsieħba ta' l-edukaturi peress li dawn għandhom sehem importanti ħafna x'jagħtu f'dan il-qasam. Il-bniedem għandu dritt għall-edukazzjoni u għalhekk l-għan prinċipali tal-proposti li se jitħejjew għandu dejjem ikun l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem f'soċjeta' demokratika. Bħalma jaf kulħadd l-edukazzjoni hija proċess organiku u ħaj u għalhekk dan il-proċess irid dejjem jiżviluppa u jiġi aġġornat mat-tibdil kollu li jkun qed iseħħ fid-dinja ta' madwar. Jekk bniedem ma jkollux tagħlim xieraq dan ikun qisu qed jeżisti u mhux jgħix. Huwa importanti li t-tibdil li jsir fil-qasam ta' l-edukazzjoni dejjem għandu jkollu l-iskop li jipprovdi t-tagħlim meħtieġ għall-ħajja ta' kull persuna billi din tiġi mgħallma tadatta ruħha għal kull sitwazzjoni ġdida li tinqala' kif ukoll li tgħin lill-persuni ta' madwarha biex b'hekk din issir ċittadin mhux biss denja ta' pajjiżha imma anke tal-komunita' internazzjonali. Huwa importanti wkoll li l-qasam ta' l-edukazzjoni għandu jipprepara lil kull persuna kemm għad-dinja tax-xogħol kif ukoll għal dak li għandu x'jaqsam mall-ħajja soċjali u kulturali. B'dan il-mod aħna nkunu qed inħarsu lejn l-edukazzjoni bħala xi ħaġa sħiħa li mhux biss tipprovdi lill-bniedem it-tagħlim meħtieġ imma anke tipprovdi għall-bżonnijiet tal-ħajja soċjali tiegħu.


Madam Speaker, dan l-aħħar ġie f'idejja artiklu li kiteb David Hargreaves, professur fil-fakulta' ta' l-edukazzjoni fl-Universita' ta' Cambridge, liema artiklu jgħid li jekk is-sistema Ingliża se tibqa' riġida u tradizzjonali kif inhi, allura bosta se jkunu l-ġenituri li minflok jibagħtu lil uliedhom jitgħallmu fl-iskejjel se jippreferu jżommuhom id-dar u huma jipprovdulhom mezzi ta' edukazzjoni xierqa fid-dar stess. Ħalli nikkwota eżatt dak li qal dan il-professur:
"that the motive of the parents is to protect them from the dangerous influence of schools."
Ara dan x'timbru qed jagħti lill-iskejjel! Dan l-artiklu jkompli jgħid hekk:
"The demotivating effect of institutional life ..."
Jiġifieri l-iskola kważi saret ħaġa mejta li minflok timmotiva u tħajjar lit-tfal biex imorru l-iskola iktar qed iġġegħelhom ma jattendux. Fattur ieħor f'dan l-artikolu huwa:
".... the exposure to unsavoury peer groups."
Dan qed jirriferi għal dawk il-gruppi li jingħaqdu flimkien u jagħmlu l-bullying. Hemm ukoll riferenza għal:
".... exposure to drugs, sex and even to delinquency."
Dan il-professur qed jgħid li dawn huma problemi gravi u jekk il-gvern Ingliż mhux se jieħu passi malajr dwarhom se jkun hemm għadd kbir ta' tfal li m'humiex se jibqgħu jattendu l-iskola formali kif nafuha llum.
Fl-istess rapport ċertu Colin Rose, co-author tal-ktieb li jġib l-isem "Accelerated Learning for the 21st Century", jgħid li hemm bżonn li l-iskejjel jinbidlu b'tali mod li l-istudenti jsiru iktar indipendenti, ikunu kapaċi jaħsbu iktar kif ukoll isiru iktar kreattivi; f'kelma waħda li l-istudenti jkunu self-motivated learners. Dan li għadni kif qrajt mhux qed jiġri biss fl-Ingilterra imma qed jiġri wkoll f'pajjiżi tal-Lvant Imbiegħed.
Fatt ieħor interessanti huwa li anke ġewwa Singapore, fejn jinkisbu l-aqwa riżultati fil-matematika u fix-xjenza, l-edukaturi qegħdin iħossu li hemm bżonn li tinbidel is-sistema edukattiva. Hawnhekk jgħidlek li bosta edukaturi jinsabu mħassba għax minkejja li ħafna studenti qed jiżviluppaw f'ġenji xorta huma:
"A generation of brilliant conformists who pass exams with ease but cannot think for themselves."

Madam Speaker, huwa tajjeb li aħna naraw x'tibdil qed isir u kif dan qiegħed isir f'pajjiżi oħra. Per eżempju, f'Singapore hemm ċerti skejjel li se jintużaw għal pilot scheme fuq programm - dan ngħidulu t-thinking programme - li permezz tiegħu se tinbidel is-sistema edukattiva b'mod li t-tfal ikollhom ċans ikbar li jkunu kreattivi. Hawn ta' min jgħid li wieħed mill-edukaturi ta' l-Universita' ta' Singapore qal dan il-kliem:


"We have to teach children decision-making skills because they must be able to stay competitive".
GĦaldaqstant hawnhekk qed naraw li minkejja li dan il-pajjiż huwa avvanzat sew fl-oqsma tal-matematika, tax-xjenza u ta' diversi oqsma oħra, xorta waħda qed jaħseb biex ibiddel is-sitwazzjoni edukattiva li għandu. Fil-fatt aħna dak li beħsiebna nagħmlu hawn Malta għax inħossu li ma għandhiex tibqa' tintuża s-sistema tradizzjonali fejn it-tfal imorru l-iskola fit-8.00 a.m., jibqgħu jibilgħu dak li jgħidulhom l-għalliema tagħhom sa xi s-2.30 p.m. u mbagħad meta ddoqq il-qanpiena jitilqu lejn id-dar, imma minflok irridu nibnu l-iskejjel tagħna b'mod li dawn isiru ċentri ta' iktar interess sabiex it-tfal jaslu biex jibdew jieħdu gost imorru l-iskola.
Madam Speaker, din l-enfasi żejda li għandna bħalissa fuq it-tagħlim akkademiku qed toħloq ħafna problemi, fosthom il-problema tal-frustrazzjoni fost il-ħafna tfal li ma jaqbdux mill-ewwel dawk il-basic skills. Fil-fatt ħafna tfal żgħar li jkun għadhom ma jistgħux jitgħallmu jiktbu jew jaqraw qed iqisu l-iskola bħala post ta' frustrazzjoni u din il-frustrazzjoni tista' twassal għal problemi ikbar, bħall- vjolenza u l-bullying. Minn rapport li sar irriżulta li għandna mas-700 tifel u tifla li ilhom ma jattendu l-iskola għal iktar minn sena u dan il-fatt minnu nnifsu juri li s-sistema edukattiva eżistenti mhijiex qed tħajjar lil dawn it-tfal jitgħallmu ħalli jkunu kapaċi jiżviluppaw l-abbiltajiet mentali tagħhom imma s-sistema qed tgħidilhom biex ma jersqux 'l hemm għax is-sistema eżistenti ma tgħoddx għalihom. Ċertament li l-problema ta' bullying fl-iskejjel tista' ssir kemm permezz ta' vjolenza fiżika kif ukoll permezz ta' forom oħra. Issib ħafna tfal li jitbiegħdu mill-iskola mhux għax ma jkunux iridu jmorru imma għax ikun hemm problemi ta' tfal oħra li jimpeduhom milli jmorru l-iskola. Dawn huma każijiet li jiġru tassew u min hu midħla tas-sistema edukattiva tagħna jaf eżattament x'qed ngħid.
Kwestjoni oħra li rridu nindirizzaw hija dwar dawk il-każi fejn il-ġenituri stess ikunu qed iċaħħdu lil uliedhom milli jitgħallmu. Per eżempju, ġieli ssib każi ta' tfal li ma jattendux l-iskola minħabba li l-ġenituri jkunu jriduhom biex jgħinuhom fix-xogħol tad-dar. Dawn l-affarijiet lkoll nafuhom u allura hawnhekk tidħol il-kwestjoni l-oħra rigward il-fatt li t-tabib m'għandux jagħmel ċertifikati bl-addoċċ imma minflok għandu jara li jekk qed ikun hemm ġenituri li ta' spiss imorru għandu għaċ-ċertifikati għal uliedhom dan għandu jkun aktar responsabbli u ma jagħmilx dawn iċ-ċertifikati għax wara kollox l-obbligu tal-ġenituri huwa li jibagħtu lil uliedhom l-iskola.
MADAM SPEAKER: Onorevoli ippermettili ninterrompik għaliex skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li tkompli tinstema'
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Nipproponi li l-Onor. Maria Camilleri tkompli bid-diskors tagħha.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. JOE CASSAR: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Maria Camilleri tkompli bid-diskors tagħha. Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)

Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. MARIA CAMILLERI: Madam Speaker, nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha talli għoġobha tesendili l-ħin.
Kont qed ngħid li dawk il-ġenituri li ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola jkunu qed iċaħħduhom mid-dritt għat-tagħlim, li huwa wieħed mill-iktar drittijiet bażiċi li għandu jkollu kull bniedem.
Madam Speaker, aħna x'qed nagħmlu u x'għandu jsir biex l-iskejjel tagħna jilqgħu għal dawn il-problemi? L-iskejjel ma għandhomx jibdew jilqgħu għal dawn il-problemi meta dawn ikunu diġa' daħlu 'l ġewwa imma għandhom jilqgħu għalihom appena nindunaw bihom. Per eżempju, ġieli ssib każi ta' tfal li jkunu maqtugħin għalihom fil-klassi u dan għax ma jkunux kapaċi jitħalltu ma' tfal oħra jew inkella għax jirreżistu għal kull għamla ta' komunikazzjoni. GĦalhekk jien nappella li jkollna team tajjeb ta' psychologists, social workers, welfare officers u tobba biex meta l-edukaturi jidentifikaw dawn il-problemi

dan it-team jibda jieħu ħsieb il-problemi ta' dawn it-tfal mill-ewwel u mhux meta t-tfal ikunu diġa' waslu fir-raba' sena ta' l-iskola primarja għax mill-esperjenza li għandi nista' ngħid li f'dak l-istadju l-problema tkun diġa' daħlet 'il ġewwa.


Madam Speaker, issa ħalli ngħidu xi ħaġa fuq it-tensjoni li taqbad lit-tfal ta' l-iskola. It-tensjoni tista' taqbad kemm lit-tfal li jkunu jifilħu għal ċertu studju kif ukoll lit-tfal li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-pass tat-tagħlim li normalment isir fil-klassi. Ħafna drabi t-tensjoni li jkollhom dawn it-tfal qed tiġi trasmessa lilna u għalhekk ikun tajjeb jekk fi ħdan dan it-team, li fil-fehma tiegħi għandu jkun statutorju fl-iskejjel tagħna, ikun hemm parent line fejn, permezz tat-telephone, voluntiera mħarrġa jkunu jistgħu jagħtu pariri lill-ġenituri dwar kif ikunu jistgħu jsolvu l-problema tat-tensjoni fit-tfal tagħhom. Xi kultant issib tfal li għalkemm l-abbiltajiet tagħhom ma jkunux daqs dawk ta' ħaddieħor, jekk wieħed jieħu ħsiebhom u jipprovdilhom il-mezzi meħtieġa jkun possibbli li dawn inwassluhom almenu sa ċertu livell. Ħafna drabi f'każi bħal dawn anke l-ġenituri jkunu għaddejjin minn tensjoni għax peress li dawn ikunu jridu jaraw lil uliedhom javvanzaw daqs tfal oħra dawn jibdew jinkwetaw kif ukoll jibdew jimbottawhom iżżejjed bil-konsegwenza li minflok ma jimxu 'l quddiem dawn it-tfal ħafna drabi jidħlu f'qoxrithom u ma jkunu jridu jafu b'xejn. Hawnhekk nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nappella lill-ġenituri sabiex kemm jista' jkun jipprovaw jifhmu lit-tfal tagħhom u ma jgħabbuhomx b'iktar milli jkunu jifilħu.
Madam Speaker, tensjoni oħra li ġieli jinħakmu minnha t-tfal u li tajjeb nistudjawha sew ġejja mill-problemi li jinħolqu mas-separazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Din il-problema llum sirna niltaqgħu magħha iktar ta' spiss u fil-fatt din qed tinfluwenza u tirrifletti ruħha ħafna fuq l-ulied ta' dawn il-koppji, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istudju. Problema oħra li jiltaqgħu magħha t-tfal u li tinfluwenzahom ħafna hija meta fil-familja tagħhom ikun hemm xi mard kroniku. L-istess nistgħu ngħidu għal meta t-tfal ikollhom problemi oħra fil-familja, bħal ngħidu aħna, meta jkollhom lil xi ħadd mill-ġenituri jew minn ħuthom li jkunu waqgħu vittmi tad-droga. Jien iltqajt personalment ma' ġenituri li sfortunatament għandhom il-problema tad-droga u għalhekk għandi esperjenza ta' kemm wieħed irid jikkompatixxi lil dawk l-ulied li qed jgħixu f'dan l-ambjent. Din hija problema li trid tħabbat wiċċek magħha biex tifhem it-tbatija li jkunu għaddejjin minnha dawn it-tfal u allura biex tifhem il-kruha ta' din il-problema. GĦalhekk aħna rridu nfasslu l-iskola bħala post fejn dawn it-tfal ma jħossuhomx weħidhom imma fejn iħossu li hemm xi ħadd li qed jieħu ħsiebhom. Hemm bżonn li min jagħmel il-proposti dwar is-sistema edukattiva jżomm quddiem għajnejh dawn il-problemi reali li qed ngħixu fihom uħud mit-tfal ta' l-iskola. Dawn il-problemi jħoss l-effetti tagħhom min iġarrabhom u għalhekk ma għandniex nagħmlu proposti li ma jirriflettux u li ma jippreżentawx soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffettwaw lit-tfal tagħna.

Madam Speaker, naturalment dawn il-problemi niltaqgħu magħhom anke fil-livell sekondarju. Hawn ta' min jgħid li meta t-tfal jgħaddu għall-junior lyceum jew għall-iskejjel privati inkella għall-iskejjel tal-knisja kważi nserrħu moħħna, biex ngħid hekk, għax dawn it-tfal ikunu qabdu it-triq li twassalhom fejn il-futur mixtieq. Imma mbagħad hemm skejjel sekondarji oħra li jilqgħu fihom lil dawk it-tfal li għandhom l-iktar problemi. Dawn il-problemi huwa diversi, jiġifieri kemm psikoloġiċi, kemm soċjali kif ukoll morali u fil-fatt dawn it-tfal jintbagħtu f'dawn l-iskejjel biex ikunu jistgħu jingħataw l-ikbar għajnuna possibbli. Jien hawnhekk m'iniex qed ngħid li m'għandhiex tingħata għajnuna lis-setturi ta' l-iskejjel l-oħra imma rridu naħsbu ħafna aktar f'dawk l-iskejjel fejn it-tfal tagħna għandhom għadd kbir ta' problemi. Min hu midħla ta' dan it-tip ta' skejjel jgħid li jrid ikun hemm team-work sħiħ biex anke jrażżan lit-tfal għax sfortunatament dawn huma t-tfal li l-ħajja tkun ħaqrithom mingħajr ħtija ta' xejn. Il-gvern għandu l-obbligu li jieħu ħsieb lil dawn it-tfal għax hawnhekk ikun hemm każijiet fejn, barra li jkollhom bżonn għajnuna kbira ta' għalliema peripatetiċi, ta' psikologi u kważi kważi jkollhom bżonn ukoll l-għajnuna ta' nevrologu u anke ta' psikjatra. Jiddispjaċini ngħid li għadna 'l bogħod milli jkollna dan it-team u jekk aħna ma rridux inkunu diskriminatorji bejn dawk it-tfal li jistgħu jaslu u dawk li ma jistgħux trid issir enfasi biex lil dawn it-tfal problematiċi nagħtuhom il-mezzi kollha biex ikunu jistgħu jintegraw sewwa fis-soċjeta'.


Ħaġa oħra li ma semmejtx u li tinħass fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva hija l-problema ta' tfal li jħossuhom inferjuri għal tfal oħra, jiġifieri li jkollhom is-self esteem baxx ħafna. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-sistema edukattiva u tagħna lkoll għandu jkun li ninjettaw fit-tfal tagħna dak ir-rispett u l-fiduċja li kull wieħed u waħda minna għandu jkollu fih innifsu. Xi kultant issib tfal li huma stess jgħidulek: U daqskemm aħna injoranti! Imma aħna m'aħniex kapaċi daqs dawk it-tfal l-oħra! Dan id-diskors jekk jista' jkun m'għandux jintqal għax diżgrazzjatament aktar 'il quddiem dawn spiss jispiċċaw l-emarġinati fil-ħajja. GĦalhekk huwa importanti li miċ-ċokon aħna nuru li għandna fiduċja fihom u għandna ngħallmuhom jirrispettaw lilhom infushom u nuruhom li anke bl-abbilta' tagħhom, ċkejkna kemm hi ċkejkna, huma kapaċi jimxu 'l quddiem. Dawn huma problemi reali li hawnhekk ma nistgħux noqogħdu nidħlu fil-fond tagħhom. Barra minn hekk jekk aħna se noqogħdu nsemmuhom biss u ma ngħidu xejn fuq x'jista' jsir dwarhom allura m'aħna se naslu mkien. L-azzjoni rimedjali f'dan ir-rigward trid tittieħed mill-kindergarten sa l-Universita'. Ta' min jgħid li anke jekk tistaqsi lill-istudenti ta' l-Universita' - li llum qegħdin fi żmien l-eżamijiet - dawn jgħidulek bit-tensjoni u bil-pressure kbira li għandhom minħabba l-istudju għall-eżamijiet. Mela jekk aħna rridu nistudjaw sewwa s-sistema edukattiva tagħna allura għandna nistudjawha fil-livelli kollha tagħha.
Jien nemmen li meta din il-kummissjoni tiġi biex tressaq il-proposti tagħha tajjeb illi żżomm quddiem għajnejha ċerti punti. L-ewwelnett, biex ikollok sistema edukattiva tajba jrid ikollok għalliema professjonali f'kull livell. Aħna ma nistgħux nibqgħu niddependu minn persentaġġ ta' għalliema każwali li, jiddispjaċini ngħid, ħafna drabi lil dawn nitfgħuhom fil-livell primarju meta dan il-livell huwa l-aktar livell importanti għax huwa l-bażi għal edukazzjoni soda. Jien m'għandi xejn kontra l-għalliema każwali għax fil-fatt uħud minnhom jagħmlu xogħolhom bil-qalb, imma mbagħad jekk irridu jkollna sistema ta' edukazzjoni professjonali bilfors irid ikollna għalliema professjonali. Hawnhekk tajjeb ukoll li wieħed jara li jkun hemm aktar diskussjoni bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' għax id-diviżjoni għandha riżorsi kbar f'dawk li huma edukaturi filwaqt li fil-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' hemm numru ta' lecturers li minn barra li jkunu qed jagħtu l-lectures jagħmlu ċerta riċerka.
Sur President, hawnhekk tajjeb ukoll li wieħed jagħti daqqa t'għajn lejn l-istudji li jkunu għamlu l-istudenti li jattendu l-fakulta'. Qed ngħid dan għax jien naf li hemm biżibilju ta' teżijiet ta' studenti universitarji li minkejja li fihom xogħol siewi dawn jispiċċaw jintefgħu fuq l-ixkafef u jintesew. Jien nemmen li jkun ta' siwi jekk id-dipartiment u l-fakulta' jibbażaw l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward fuq ir-riċerka li jkunu għamlu l-gradwati u fuq ix-xogħol li jkunu għamlu fl-iskejjel dawn l-istudenti universitarji matul il-perijodu ta' studju kif ukoll fuq il-questionnaires u r-riċerka li jkunu għamlu għad-dissertazzjoni tagħhom. Għaliex m'għandux ikun hemm xi ħadd li jara kif l-aħjar xogħol ta' dawn l-istudenti jista' jintuża biex titjieb is-sistema tagħna? Barra minn hekk dan jaf iservi wkoll bħala inċentiv sabiex l-istudenti jkomplu bir-riċerki tagħhom.
Ħaġa oħra li mill-esperjenza li għandi f'dan il-qasam jien inħoss li għandha ssir u li torbot ħafna mal-kwestjoni tat-tagħlim hija l-kwalita' ta' kotba li nagħtu lit-tfal. Dan għaliex il-kotba li għandna fl-iskejjel, speċjalment dawk tal-Malti fil-livell primarju, ma tantx iħajru lit-tfal jistudjaw meta wieħed jipparagunahom mal-kotba sbieħ u attraenti li llum hawn fis-suq. Dan japplika wkoll għall-kotba ta' l-Ingliż li għandna fl-iskejjel tagħna.
DEPUTY SPEAKER (L-Onor. Michael Bonnici): L-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Bil-permess ta' l-Onor. Membru nixtieq nagħmel point of explaination.
THE DEPUTY SPEAKER: Point of explanation mill-Onor. Joe Cassar.
ONOR. JOE CASSAR: Tista' tiċċara ftit iktar il-punt rigward il-kotba?
ONOR. MARIJA CAMILLERI: Jiena qed ngħid li nħoss li s-sensila ta' kotba li hemm bħalissa fl-iskejjel tagħna hija antikwata u allura hemm bżonn isir studju biex ikollna kotba li t-tfal mhux biss jieħdu gost jistudjawhom imma jieħdu gost jaqrawhom biex b'hekk dawn isiru jħobbu l-qari. Biex inkompli niċċara punt li qajjem l-Onor. Cassar, nixtieq inżid li madwar tliet snin ilu kien twaqqaf kumitat, li jien kont membru tiegħu, sabiex jinbidlu l-kotba tal-Malti. Niftakar li f'dan il-kumitat konna bdejna naħdmu fuq sensila ta' kotba mhux biss għat-tfal imma anke għall-għalliema u morna oltre minn hekk billi daħħalna l-cassettes u allura tajna xejra moderna lil dan l-aspett. Nistqarr li llum ma nafx x'ġara minn dan il-kumitat. Dawn huma affarijiet li min qiegħed fis-sistema nnifisha għandu first hand information dwarhom u allura malajr jifhimhom. (Interruzzjonijiet) Huwa tajjeb li lit-tfal indarruhom iħobbu l-kotba u jidhirli li dan għandu jsir qabel ma jibdew jitgħallmu s-sistema tal-computer. Jien nistaqsi: llum kemm hemm tfal li jħobbu jaqraw? Illum ħafna jgħidulek: Kieku t-tfal iqattgħu nofs siegħa jaqraw ma jkunx aħjar? Imma llum it-tfal tagħna għandhom ħafna affarijiet x'jaljenawhom bħal, per eżempju, il-computer u ħafna logħob ieħor u dan qed inaqqsilhom mill-ħin li għandhom jiddedikaw għall-qari. Jiena ngħid li jekk lit-tfal tagħna ngħallmuhom li bis-saħħa tal-qari huma jsiru kapaċi jagħmlu riċerka, allura mbagħad il-computer isir strument li jikkumplimenta l-qari tal-kotba. GĦalhekk jien nemmen li huwa importanti li lit-tfal l-ewwel insaħħuhom fil-qari u mbagħad indaħħluhom fid-dinja tat-teknoloġija, speċjalment fejn jidħol l-użu tal-computer.
Ħaġa oħra importanti li biha żgur nistgħu nħajru lit-tfal biex jersqu aktar lejn l-iskola hija li l-klassijiet u l-ambjent ġenerali ta' l-iskejjel ikunu postijiet attraenti. Fil-fatt dan il-proċess beda taħt l-amministrazzjoni ta' qabel u se jitkompla għaliex aħna nemmnu li jekk it-tfal ma jkunux qegħdin komdi u f'ambjent attraenti allura huma jibdew iħossuhom li ma jappartjenux għal dak l-ambjent u allura jew ma jitgħallmux inkella lanqas biss jersqu lejn l-iskola. GĦalhekk id-dipartiment, il-kapijiet ta' l-iskola u l-edukaturi għandhom jagħmlu ħilithom biex kemm jista' jkun l-ambjent ta' l-iskola jkun wieħed li jilqa' lil dak li jkun.

THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Camilleri, għandek bżonn leave of House biex tkompli tinstema'. Hawn leave of House? (Onor. Membri: Iva)

Il-permess ingħata.

ONOR. MARIA CAMILLERI: Sur President, nixtieq insemmi żewġ affarijiet dwar il-bilanċ li għandu jkun hemm fit-tagħlim tas-suġġetti. Hawnhekk aħna qegħdin ngħidu li fil-curriculum li għandu jiġi mħejji hemm ħtieġa li jkun hemm aktar spazju għal suġġetti kulturali, sportivi - li huma importanti ħafna - artistiċi u f'affarijiet oħra bħal dawn. Aħna kif irridu li t-fal tagħna jkunu tfal kreattivi jekk dawn jagħmlu ħames jew sitt sigħat bilqiegħda jibilgħu l-informazzjoni biss? Aħna lit-tfal irridu nagħtuhom aktar spazju fejn jipparteċipaw

billi fis-sistema tagħna ndaħħlu aktar kultura, sports u arti. Dawn is-suġġetti jridu jkunu statutorji fit-time-table ta' l-iskejjel tagħna bħalma huma fis-sistema ta' pajjiżi oħrajn u mhux biex inkunu nistgħu ngħidu: U iva! Illum għandna xi kwarta craft jew drama. Jekk m'iniex sejra żball, l-aħħar darba l-Ministru semma s-sistema edukattiva ta' l-Iskozja u s-sistemi ta' pajjiżi oħrajn fejn lit-tfal mhux biss qed jagħtuhom il-platt akkademiku imma qed jagħtuhom ukoll platt imħawwar f'dak li huwa aspett kulturali. Dawn huma l-metodi moderni li wieħed għandu jadotta meta jiġi biex jimplimenta l-metodoloġija fl-iskejjel tagħna għax jekk lit-tfal tagħmlilhom lezzjoni tad-drama jew tal-mużika dawn mhux biss jieħdu pjaċir ħafna biha imma indirettament tgħinhom ukoll fit-tagħlim ta' suġġetti oħra.


Ladarba semmejna l-kotba rridu nsemmu wkoll ħaġa oħra li tikkumplimenta l-kotba, jiġifieri li għandu jkun hemm librerija f'kull skola. Jien m'hinix qed ngħid jekk għandux ikollok librerija fi klassi jew inkella a mobile library li tkun tista' toħodha minn klassi għall-oħra għax l-importanti huwa li t-tfal tagħna jitilgħu fl-ambjent tal-kotba.
Sur President, min-naħa l-oħra jien ngħid li m'għandniex inħeġġu biss lit-tfal biex jaqraw u jaġġornaw ruħhom ma' dak li jkun għaddej madwarhom imma ngħid ukoll li mil-lat ta' l-għalliema għandu jkun hemm ir-resource centre tagħhom. L-għalliema u l-kapijiet ta' l-iskejjel ukoll għandhom ikunu aġġornati mat-tibdil kollu li qiegħed iseħħ barra minn Malta fis-sistema edukattiva. Kif jista' jsir dan? Dawn kif jistgħu jżommu ruħhom aġġornati kontinwament mal-proċess edukattiv? L-ewwelnett irid ikun hemm aktar ħin allokat sabiex l-istaff jiltaqa' flimkien. Hawnhekk jiddispjaċini ngħid li meta kultant ikun hemm dawn il-laqgħat ta' l-għalliema - u allura t-tfal ikollhom nofs ta' nhar skola - tisma' lil ċerti ġenituri jgħidu: Hekk iridu ħalli lit-tfal jibagħtuhom lejn id-dar! Dawn ma jarawx din il-laqgħa mill-punt pożittiv tagħha. Lil dawn jiena ngħidilhom li min jaħseb hekk ikun qiegħed jaħseb ħażin għaliex biex iżżomm ruħek aġġornat u biex tiddiskuti ċerti affarijiet li għandhom jitwettqu fl-iskola - dak li aħna ngħidulu l-ischool development - allura l-għalliema u l-edukaturi bilfors ikunu jridu ħin jiltaqgħu flimkien ħalli jiddiskutu l-pjanijiet tagħhom. Jista' wkoll isir twinning bejn l-iskejjel statali u dawk privati biex it-tfal u l-għalliema jkunu jistgħu jżuru skejjel oħra ħalli b'hekk kulħadd ikun jaf x'inhu għaddej fid-diversi skejjel li għandna mxerrdin ma' Malta u GĦawdex. Dawn huma kollha affarijiet żgħar li jistgħu jsiru u li żgur hemm consensus fuqhom. Jien naħseb li wasal iż-żmien li nagħmlu assoċjazzjoni tal-kapijiet biex dawn ikunu jistgħu jorganizzaw seminars u laqgħat li fihom huma stess jistiednu lil diversi kelliema sabiex jibqgħu aġġornati dejjem iktar fis-sistema edukattiva. Barra minn hekk hemm bżonn li l-kapijiet ta' l-iskola jingħataw ukoll ċerti inċentivi.
Sur President, hawn ta' min jgħid li ħafna għalliema jsibuha diffiċli biex jgħallmu fil-livell primarju. Jien nixtieq nissuġġerixxi li jekk f'dan il-livell m'hemmx biżżejjed għalliema noħolqu ċerti inċentivi biex inħajru iktar għalliema lejn dan is-settur. Qed ngħid dan mill-esperjenza li għandi għax niftakar li meta kont ngħallem fl-iskejjel sekondarji qatt ma rajt u wżint l-importanza tas-settur primarju imma meta mbagħad mort naħdem fis-settur primarju stajt nara l-bżonn li hemm li lil dan is-settur nagħtuh l-għajnuna u r-riżorsi kollha għax huwa fil-livell primarju li l-istudenti tagħna jieħdu l-bażi edukattiva tagħhom. Diżgrazzjatament ħafna minn dawk li jkunu għadhom kif iggradwaw bħala għalliema wara sena jibdew jgħidulek li jippreferu jmorru jgħallmu fil-livell sekondarju. Jien nifhem sew ir-responsabbilta' ta' l-għalliema li qegħdin jaħdmu fis-settur primarju u x'missjoni kbira għandhom dawn l-għalliema għax dawn iridu joqogħdu l-ħin kollu ma' dawn it-tfal

u kważi kważi lanqas ikollhom ċans joħorġu mill-klassi. Barra minn hekk ma rridux ninsew insemmu wkoll ir-responsabbilta' kbira li għandhom dawn l-għalliema biex jgħallmu s-suġġetti bażiċi għax jafu li jekk it-tfal ma jaqbdux art f'dan il-livell lanqas se jaqbdu art fil-livell sekondarju u allura jispiċċaw jaħlu ħames snin u jkollhom seba' mitt sena biex jitilqu jiġru 'l barra. Jien inħoss li l-għalliema għandhom jingħataw iktar inċentivi, speċjalment dawk l-għalliema li jaħdmu fil-livell primarju.


Sur President, jien naħseb li d-dipartiment għandu jara li jkun hemm skambji bejn għalliema barranin u għalliema Maltin bil-għan li l-għalliema tagħna jżuru skejjel f'pajjiżi oħra biex b'hekk jieħdu idea tal-proċess li jkun għaddej f'dawk il-pajjiżi, filwaqt li għalliema barranin jiġu Malta biex jieħdu esperjenza fis-sistema edukattiva ta' Malta. B'dan il-mod aħna nkunu nistgħu nimmotivaw lill-għalliema tagħna u nħajruhom jieħdu sehem ikbar fil-proċess edukattiv li għandu jibqa' għaddej kontinwament.
Sur President, issa nixtieq nitkellem ftit dwar l-awtonomija fl-iskejjel u r-responsbbilta' li ġġib magħha. L-ikbar responsabbilta' hija dik finanzjarja għax b'din l-awtonomija kull skola tkun trid tagħraf tqassam dawk il-finanzi li jagħtiha d-dipartiment biex tlaħħaq mal-bżonnijiet li jkollha bżonn. Imma meta nitkellmu dwar l-awtonomija u dwar il-finanzjament li għandha tagħmel kull skola għandna nirrealizzaw li lill-kapijiet irridu nżidulhom il-back-up force ħalli jkunu jistgħu jagħmlu dmirijiethom aħjar. Qed ngħid dan għax il-kapijiet qed jingħataw aktar xogħol maniġerjali bil-konsegwenza li ħafna drabi x-xogħol amministrattiv qed jiġi ttraskurat. Ħalli nerġa' nispjega aktar dak li qed ngħid. Ħafna mill-kapijiet qed jitilfu ħafna ħin jagħmlu l-kontijiet biex jaraw minn fejn se jixtru l-affarijiet li jkollha bżonn l-iskola u biex jaraw liema huma l-iktar affarijiet essenzjali u ħwejjeġ oħra bħal dawn. Jien ma nara xejn ħażin f'li kap jagħmel dan it-tip ta' xogħol, pero' li qed jiġri hu li minħabba f'hekk ħafna mill-ħin li kull kap suppost jiddedika lit-tfal u lill-għalliema tiegħu qed jgħaddih wara xi skrivanija, b'xi turrun karti u riċevuti, jew quddiem il-computer biex jara li jkun daħal kull kont ħalli fl-aħħar tas-sena dak ir-rendikont ikun jista' jintbagħat lid-dipartiment. Il-bżonn ta' back-up force ilu jinħass u fil-fatt dan is-suġġett qam kemm-il darba waqt il-laqgħat li jsiru bejn il-kapijiet, id-dipartiment u l-union. F'kull skola hemm bżonn li jkun hemm iktar għajnuna klerikali kif ukoll ta' xi accounts clerk biex dan ikun jista' jieħu ħsieb l-infiq ta' dawn il-flus. Hawn ta' min jgħid li għalkemm diversi skejjel għandhom assistant head insibu skejjel oħra fejn minħabba li ma għandhomx numru kbir ta' tfal lanqas biss għandhom assistant head u l-kap tkun trid tmexxi kollox weħidha u tlaħħaq ma' kollox, dik li aħna nsejħulha a one-man band. B'hekk qed jiġri li dawn il-kapijiet qed ikollhom imexxu l-iskola, jaraw kif se jonfqu l-flus, iħejju l-attivitajiet kollha li jsiru l-iskola, jaraw li l-ġurnata ta' l-iskola timxi smooth kemm jista' jkun, kif ukoll jilqgħu għall-problemi tat-tfal u tal-ġenituri. Imma dawn il-kapijiet kif jistgħu jlaħħqu ma' dan ix-xogħol kollu! GĦalhekk jekk aħna tassew irridu sistema edukattiva li tagħmel ġieh lil pajjiżna huwa importanti ħafna li din il-kummissjoni tifli bis-serjeta' l-problemi kollha li jeżistu f'dan is-settur.
Sur President, jien tkellimt dwar diversi problemi li hemm fl-iskejjel tagħna u x'jista' jsir biex insolvuhom, pero' s'intendi għad hemm problemi oħra li ma semmejthomx. Per eżempju, għalkemm tkellimt dwar it-tensjoni u l-istress li jkollhom it-tfal u l-ġenituri, ma semmejtx l-istress li jkollhom l-għalliema tagħna. Fil-fatt ikun interessanti jekk wieħed jara l-ammont ta' stress li jkollhom l-edukaturi kollha - jiġifieri kemm il-kapijiet, kemm l-assistant heads kif ukoll l-għalliema - għax ma rridux ninsew li matul il-ġurnata jiffaċċjaw ħafna problemi li jinqalgħu minn taħt ir-riħ. Għaldaqstant hemm bżonn naraw li l-edukaturi tagħna jkunu qed jaħdmu f'ambjent xieraq.
Sur President, fid-dawl ta' dak li nqala' dan l-aħħar jkun importanti jekk meta nitkellmu dwar kodiċi ta' etika ngħidu wkoll li l-bżonn tad-dixxiplina jinħass dejjem u kullimkien għax mingħajr dixxiplina l-pajjiż ma jkunx jista' jimxi 'l quddiem. Jekk il-poplu ma jkunx iddixxiplinat il-pajjiż ma jistax jagħmel il-progress li tant huwa mixtieq. Il-kodiċi ta' etika għandu jkun għall-għalliema u anke għall-istudenti. Dan l-aħħar kien hemm il-każ li waħda mill-ġenituri tat-tfal daħlet għall-għalliema u f'dan ir-rigward nixtieq nappella biex kemm jista' jkun każi bħal dawn jinqatgħu mill-iskejjel. Bejn l-għalliema u l-ġenituri għandu jkun hemm rispett u dawn l-abbużi fejn ġenituri jidħlu għall-għarrieda fuq l-għalliema għandhom jinqatgħu. Jien m'iniex qed ngħid li l-għalliema huma xi qaddisin għax kulħadd jista' jitlef il-paċenzja, imma li naqbdu u nidħlu għall-għarrieda fl-iskejjel u nużaw il-vjolenza fuq l-għalliema hija xi ħaġa li għandna nikkundannawha. Mill-esperjenza tiegħi nista' ngħid li meta ssib ruħek f'din id-dilemma - naħseb li ħafna huma dawk l-għalliema li għaddew minn din l-esperjenza - spiss ikollok bżonn ta' għajnuna legali u għalhekk mhux l-ewwel darba li aħna sostnejna li fid-dipartiment għandu jkun hemm a legal advice office biex meta jinqalgħu każijiet bħal dawn il-kapijiet, l-assistenti kapijiet u l-għalliema jkunu jafu kif għandhom jirreaġixxu.
Sur President, kien hemm min irrimarka li jekk din il-kummissjoni se tħejji dawn il-proposti, allura x'se jkun xogħol id-dipartiment? Ix-xogħol tad-dipartiment huwa wieħed vast. Id-dipartiment huwa mgħammar sew bir-riżorsi umani permezz ta' għadd kbir ta' uffiċċjali edukattivi, assistenti diretturi u diretturi, li huma nies ta' l-affari tagħhom u li xogħolhom hu li jaraw li l-proċess edukattiv jiġi mplimentat skond il-ħtieġa.
Ħaġa importanti li nixtieq ngħid hija li jien nawgura li l-proposti li se jsiru fis-sistema ma jerġawx jaqilbu l-imħuħ tat-tfal ta' taħt fuq. Dan qed ngħidu għax diżgrazzjatament kull darba li pprovajna nibdlu s-sistema dejjem kienu t-tfal li batew. Aħna nixtiequ li t-tfal tagħna jifhmu li t-tibdil se jsir b'mod li huma mhux se jiġu mtellfa mit-tagħlim u li dan it-tibdil se jsir għall-ġid tagħhom.
Sur President, ladarba semmejna l-awtonomija tajjeb ngħid li l-awditjar soċjali huwa importanti għax iktar ma skola ssir awtonoma din iktar se tara li se tibni lilha nnifisha fi skola tajba. L-awditjar soċjali jidħol f'dan il-każ għax minbarra li dan l-awditjar irid isir internament ikun irid isir ukoll minn barra. Jekk skola trid timxi l-quddiem u trid tibni isem tajjeb għaliha allura bilfors irid ikollna s-sehem sħiħ tal-ġenituri, ta' l-għalliema u ta' l-istudenti. GĦalhekk aħna għandna naraw li l-għan ewlieni tas-sistema li se nħaddmu jkun li nrawwmu lit-tfal tagħna b'tali mod li dawn mhux biss jikbru f'ċittadini tajbin imma li għada pitgħada jsiru ċittadini iktar indipendenti u motivati ħalli jkunu denji tas-soċjeta' Maltija. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Richard Muscat.
ONOR. RICHARD MUSCAT: Sur President, wara li smajt id-diskorsi tal-Ministru Evarist Bartolo u ta' l-Onor. Maria Camilleri jkolli nistqarr li dawn huma konċetti u ħsebijiet li aħna ma nsibu l-ebda diffikulta' biex naqblu magħhom. Madankollu laqtuni xi osservazzjonijiet u allura tajjeb li nagħmel xi kumment dwarhom biex b'hekk dan id-dibattitu jservi ta' skambju ta' ħsebijiet. Dan il-Parlament huwa mitlub jiddiskuti suġġett hekk delikat fuq il-qagħda ta' l-edukazzjoni f'pajjiżna, b'mod partikolari fl-ottika ta' l-iskejjel primarji u sekondarji u jekk jista' jkun - u jiena m'għandix dubju li hekk għandu jkun - b'viżjoni u prospettiva għas-snin li ġejjin, liema perijodu effettivament se jdaħħalna fil-millenju l-ġdid.
Sur President, il-Ministru Bartolo qalilna li ma jagħmlilniex ġid li ma' kull bidla fil-gvern ikun hemm ċerti tibdiliet, liema tibdiliet mhux neċessarjament dejjem ikun hemm bżonnhom, bħallikieku gvern jagħmel ħaġa u gvern ieħor jagħmel ħaġa oħra. Aktar tard il-Ministru Bartolo qalilna wkoll li sfortunatament ħafna studji u riċerki jispiċċaw f'xi rokna jew forsi fuq xi diskette mingħajr ma jsir użu minnhom. Il-Ministru Bartolo semma' l-espressjoni "mill-għoli tas-smewwiet", qisu jrid jgħidilna li fl-edukazzjoni m'għandux ikun hemm xi piramida minn fuq għal isfel. Dwar il-curriculum nazzjonali ntqal li dan m'għandux jinbidel issa imma għandu jinbidel fil-futur permezz ta' proċess li għad irid jiżviluppa. Dan ifisser li l-curriculum m'għandux jinbidel għaliex inbidlu ċ-ċirkostanzi imma għandu jinbidel permezz ta' proċess biex b'hekk isir bis-sens u f'kontest ta' proċess dinamiku għaliex xejn m'hu statiku, aktar u aktar fl-edukazzjoni. F'mument minnhom l-Onor. Bartolo qalilna wkoll li sfortunatament għandna l-abitudini li naħdmu għal rasna, liema kritika, fl-opinjoni tiegħi, kienet ġusta.
Jekk wieħed iħares lejn dan bil-mod kif spjegah il-kollega tiegħi l-Onor. Louis Galea, meta tkellem fuq l-identita' ta' l-iskejjel privati, l-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel tal-gvern, jien naħseb li dak li jaħdem għal rasu kultant m'huwiex daqshekk sfortunat għaliex l-iskejjel tal-gvern spiss ikollhom ħafna immaġinattiva u kreattivita' imma mbagħad huma jħossuhom imxekklin biex jesprimu ruħhom minħabba s-sistema riġida u burokratika li għandhom. Dan ifisser li jekk kemm-il darba dawn ma jaħdmux xi ftit għal rashom ma jirnexxilhomx jesprimu l-aħjar tagħhom u dan jgħodd ukoll għall-skejjel tal-gvern. Fil-fatt nafu b'diversi skejjel tal-gvern li mhux talli jlaħħqu ma' l-iskejjel privati jew tal-knisja f'dak li huwa livell kreattiv u organizzattiv talli addirittura jisbquhom. Dan jirnexxilhom jagħmluh mhux qabel ma jinħallu xi ftit minn dik il-burokrazija li tkun qed ixxekkilhom, fis-sens li jaħdmu xi ftit għal rashom biex b'hekk joħorġu l-ħila, il-kreattivita' u l-personalita' ta' l-iskola tagħhom.
L-Onor. Maria Camilleri l-ġimgħa l-oħra għamlet kritika dwar il-kummissjoni li kien ħatar il-ministru ta' l-edukazzjoni tal-Gvern preċedenti, il-Perit Falzon, biex tagħtih pariri dwar il-future schools. L-Onor. Membru rrimarkat li jekk l-ex Ministru ta' l-Edukazzjoni waqqaf kummissjoni mingħajr konsultazzjoni, allura għalfejn il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni kellha ssir b'konsultazzjoni. Jien se nipprova noħroġ id-differenza bejn iż-żewġ kummissjonijiet partikolari biex b'hekk inkunu nistgħu naraw jekk il-kumment li smajna mingħand l-Onor. Maria Camilleri huwiex wieħed ġustifikat jew le.
Sur President, qabel ma nkompli bid-diskors tiegħi rrid ngħid li d-dibattitu li qegħdin nagħmlu fuq il-mozzjoni mressqa mill-Ministru Bartolo jikkostitwixxi diskussjoni pjuttost miftuħa u libera li m'hijiex suġġetta għad-dixxiplina riġida ta' xi partit. Qed ngħid dan fis-sens li s-suġġett jitlob sforz mingħand kull wieħed u waħda minna biex nipprovaw ngħidu dak li nħossu u minn dak li ntqal s'issa jidher ukoll li hemm ħafna affarijiet li fuqhom m'hemmx kontroversja, pero' hemm dettalji ta' ċerta importanza li wieħed jeħtieġ jieqaf jagħmel pawsa ta' riflessjoni dwarhom. Wara kollox, waħda mir-rakkmandazzjonijiet li għamlet Madam Speaker fid-diskors uffiċjali tagħha tas-7 ta' Ġunju li għadda kienet tgħid dawn il-preċiżi kelmiet:
"Żgur li m'huwiex desiderabbli bl-ebda mod li Parlament jitmexxa bl-impożizzjoni tal-maġġoranza u bit-tixkil tal-minoranza, speċjalment minħabba l-fatt illi f'pajjiżna nħossni kburija ngħid illi lħaqna biżżejjed consensus fuq ċerti materji u anke f'din il-leġislatura diġa' kellna liġijiet illi għaddew bil-kunsens tal-Parlament kollu."
Din ir-rakkmandazzjoni ta' Madam Speaker tgħodd partikolarment għal suġġett ta' importanza nazzjonali bħalma hi l-edukazzjoni ta' wliedna. Jien naħseb li ż-żewġ naħat tal-Kamra qed jagħtu kontribut lejn it-titjib, l-għanijiet u l-objettivi li għandna niffissaw f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistema edukattiva biex b'hekk uliedna jkollhom l-aħjar edukazzjoni biex jiffaċċjaw l-isfidi li se jġib miegħu l-millenju l-ġdid. Qabel ma nkompli ngħid fuq is-suġġett ta' l-edukazzjoni se nieqaf daqsxejn fuq il-mozzjoni nnifissha li ġiet ippreżentata lil dan il-Parlament.
Sur President, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali qed jipproponi li dan il-Parlament japprova t-twaqqif ta' kummissjoni li fil-kontest ġenerali tagħha m'għandniex diffikulta' biex napprovawha pero' fid-dettall tagħha aħna nħossu li għandna għalfejn nesprimu ċertu nkwiet. L-għanijiet tal-kummissjoni huma lkoll elenkati hawnhekk u jien qed ninnota li dawn l-għanijiet wieħed isibhom ukoll fil-kummissjonijiet u fil-kumitati li kienu ġew imwaqqfin qabel fuq l-istess suġġetti. L-ewwel għan ta' din il-kummissjoni hu li tistudja u tiġbor informazzjoni dwar l-edukazzjoni f'Malta u f'dan il-kontest jien naħseb li diġa' hemm diversi uffiċċji u strutturi, kemm fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni nnifsu kif ukoll fl-Universita', li qed jiġbru din it-tip ta' informazzjoni. Jien ma narax li dan għandu jkun xi rwol speċjali ta' din il-kummissjoni. Sur President, l-għan numru ħamsa ta' din il-kummissjoni hu li tippubblika r-rapporti dwar ir-riċerka u r-rakkmandazzjonijiet tagħha. Imma dan il-għan hemm bżonn li jkun elenkat! Jien naħseb illi l-fatt li l-kummissjoni tippubblika r-rapporti tagħha hija xi ħaġa naturali għax b'xi mod rapport irid jiġi a konoxxenza tal-pubbliku jew ta' dawk l-uffiċċji li huma direttament involuti f'dak il-qasam. Billi tagħmel għan bħal dan bil-miktub ma jfissirx li b'daqshekk qed tagħmel lill-kummissjoni iktar b'saħħitha. Jien inħoss li mid-diskorsi li smajna s'issa min-naħa tal-Gvern toħroġ il-ħtieġa li ssir xi ħaġa biex jiġu tackled ħafna problemi konnessi ma' l-iskejjel ta' wliedna li, bir-rispett kollu, m'humiex riflessi hawnhekk.
Sur President, issemmew ripetutament l-assenteiżmu, l-bullying u problemi simili li niffaċċjawhom ta' kuljum. Dawn il-problemi ma ġewx illum imma ilhom ħafna magħna u allura ma narax kif bit-twaqqif ta' din il-kummissjoni dawn il-problemi issa se jispiċċaw. Minkejja l-avvanzi li s-soċjeta' setgħet għamlet f'dik li hija sistema ta' edukazzjoni, jien ma nafx li hemm xi pajjiżi li ġew eżenti għal kollox minn problemi bħal dawn li wieħed jista' jikklassifikahom bħala problemi kkawżati minn difetti umani li jitfaċċaw minn ġenerazzjoni għal oħra. Jien naħseb li wieħed dejjem se jsib min jipprova jiskarta l-iskola u min ikollu interess f'kollox minbarra li jpoġġi bil-qiegħda fuq il-bank ta' l-iskola. Barra minn hekk wieħed dejjem se jsib dawk il-karattri li jkunu mqarbin iktar minn oħrajn u li jkunu jridu juru s-superjorita' tagħhom fuq l-oħrajn jew inkella jipprovaw idawru l-inferjorita' tagħhom f'superjorita' fuq ħaddieħor billi jagħmluha ta' bullies ma' sħabhom tal-klassi. Sfortunatament issib ukoll ġenituri li jieħdu l-liġi b'idejhom anke mal-kapijiet ta' l-iskola u ma' l-edukaturi ta' wliedhom. Jien naħseb li nagħmlu x'nagħmlu dawn huma problemi li kienu, għadhom u se jibqgħu magħna u mhux se jirnexxielna neliminawhom kompletament. Jien naħseb li meta l-Ministru waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni ma kellux dawn il-problemi f'moħħu. Jien inħoss li, biex twaqqaf kummissjoni nazzjonali bħal din f'mument meta resqin lejn seklu ġdid, sinjal li kien qed jinħass il-bżonn ta' viżjoni ġdida biex naslu lejn sistema ta' curriculum u ambjent ġenerali fl-iskejjel għall-għaxra jew għall-ħmistax-il sena li ġejjin. Pero' f'dan ir-rigward jien ma osservajtx din it-tip ta' direzzjoni b'mod enfatiku, kif fil-fatt kont qed nippretendi. Issa ħalli ngħid xi ħaġa fuq il-mod kif ġiet maħtura din il-kummissjoni.
Fil-fehma tal-Ministru, il-membri ta' din il-kummissjoni ma jridux ikunu iżjed minn 16 u dawn iridu jirrappreżentaw lid-diversi oqsma ta' l-edukazzjoni li huma l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni, il-ġenituri, l-ekonomija, il-kultura u l-unions. Dan ifisser li persuna li fil-ħajja tagħha ma tkunx veru rappreżentanta ta' xi wieħed minn dawn l-oqsma msemmija xorta waħda tista' titpoġġa fuq din il-kummissjoni biex tirrappreżenta xi wieħed mill-oqsma imsemmijin. Min-naħa l-oħra, persuna li tkun tirrappreżenta wieħed minn dawn l-oqsma imsemmijin, fuq il-bażi tal-kultura jew tal-kwalifiki tagħha tista' ma tiġix appuntata bħala membru tal-kummissjoni. Dan kollu jista' jiġri skond il-fehma tal-Ministru. Jien hawnhekk qed nara enfasi żejda fuq "il-fehma tal-Ministru". Issa jekk il-Ministru jidhirlu li xogħol l-Oppożizzjoni huwa li tagħmel rubber stamping tal-fehmiet tal-Ministru, allura jien ikolli ngħid li din m'hi xejn ħlief impożizzjoni fuq il-Parlament. Aħna nafu li jekk nivvotaw kontra, il-mozzjoni xorta waħda tgħaddi għax il-Parlament japprova bil-maġġoranza u jekk nivvotaw favur ngħidu li l-Parlament approva b'unanimita'. Jien ngħid li huwa desiderabbli li, sakemm huwa possibbli, dan il-Parlament isib il-mod kif jaqbel fuq din il-mozzjoni ħalli l-vot ikun wieħed unanimu. Allura jien qed ngħid li jkun aħjar li dik il-frażi "fil-fehma tal-Ministru" ma jkollhiex daqshekk enfasi, b'mod partikolari meta fil-bidu ta' l-intervent tiegħi jien diġa' semmejt il-konċett li esprima l-Ministru, fis-sens li dwar din il-kwestjoni m'għandux "jinżel xi kodiċi mill-għoli tas-smewwiet".
Il-Ministru qal ukoll li m'għandniex naħdmu għal rasna, bħalma sfortunatament għandna l-ħabta nagħmlu. F'dan il-kontest kien ikun ferm aktar desiderabbli kieku l-Ministru nnifsu wriena li fuq dawn il-konċetti hekk tajbin mhux beħsiebu jaħdem għal rasu. Kien ikun aħjar kieku ġie hawn u talab lill-Parlament japprova din il-mozzjoni b'mod koperattiv għaliex b'dak il-mod ir-riżultat miksub ikun wieħed aħjar aktar u aktar meta tara n-natura tas-suġġett li qed nittrattaw.
THE DEPUTY SPEAKER: Point of explanation, l-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Forsi l-Onor. Muscat għandu xi proposti differenti fuq il-kompożizzjoni ta' din il-kummissjoni?
ONOR. RICHARD MUSCAT: Onor. Farrugia, jien għadni qed niżviluppa ċertu ħsieb pero' għad irid jiġi l-mument li nagħmel xi suġġerimenti għaliex hija x-xewqa tiegħi li naslu għal qbil fuq suġġett bħal dan għax jien nemmen li, aħna min aħna, l-iskop tagħna huwa dak li lil uliedna nagħtuhom l-aħjar u l-aqwa edukazzjoni. Fil-fehma tiegħi, jiġi minn fejn jiġi s-suġġeriment ftit tagħmel differenza basta nilħqu dak l-iskop u jien, umilment u modestja apparti, se nagħmel xi suġġerimenti f'dan ir-rigward wkoll.
Waqt li qed nagħti daqqa t'għajn lejn id-dettall tal-mozzjoni, sibt li l-Ministru qalilna li l-ħatra tkun "għal mill-inqas tliet snin" u allura jien qed nassumi li m'hemmx limitu għal kemm tul ta' żmien tista' sservi u fil-fatt din tista' tkun għall-eternita'. Jien naħseb li ġaladarba qed insemmu l-minimum tajjeb ngħidu wkoll kemm hu l-maximum għax ma naħsibx li l-Ministru kellu f'rasu li wara tlett snin bniedem jista' jibqa' għaddej.
Il-mozzjoni tgħid li "l-kummissjoni għandha tkun iffinanzjata mill-gvern b'vot annwali." Hawnhekk nistaqsi lill-Ministru: Jekk din il-kummissjoni diġa' bdiet tiffunzjona minn liema vot qiegħda tiġi ffinanzjata? (Interruzzjonijiet) Jekk din il-kummissjoni diġa' għandha l-budget tagħha fil-budget tal-gvern, allura din kif se tagħti rendikont ta' dak li tiġbor minn sorsi privati b'riżq it-tmexxija tagħha? Bħalissa nafu bil-flus li għandha taħt il-vot tal-gvern pero' ma nafux x'mekkaniżmu se jkun hemm biex il-kummissjoni tkun tista' tagħti rendikont lil dan il-Parlament fuq kif ġabret u kif nefqet il-flus li ġejjin minn sorsi privati. Qed ngħid hekk għaliex l-għan numru sitta li hemm imsemmi f'din il-mozzjoni jgħid li din il-kummissjoni għandha "tressaq fil-Parlament rapport annwali dwar il-ħidma tagħha." Pero' l-ħidma tagħha tista' tirriferi biss għall-attivitajiet tagħha u mhux neċessarjament għal dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir u ma' l-infiq ta' flus minn sorsi privati.
Sur President, Jien smajt b'attenzjoni l-ispjega ta' l-Onor. Bartolo dwar ir-rwol ta' dawn il-membri li hemm fuq il-kummissjoni, jew aħjar ta' xi wħud minnhom, peress li ma semmihomx kollha u ngħid li jien ma rrid nitfa' l-ebda dubju fuq il-ħila, il-kompetenza u l-intenzjonijiet ta' kull membru li hemm fuq din il-kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hawn ma nistax ma nurix ċertu tħassib meta fuq din il-kummissjoni nazzjonali l-Oppożizzjoni mhux biss ġiet mitluba biex tapprova mingħajr konsultazzjoni talli iċ-chairman tagħha - indipendentement mill-ħila akkademika tal-persuna msemmija - huwa magħruf ħafna għall-impenn attiv u uffiċċjali li jagħti lil partit politiku. Ma kienx ikun aħjar kieku kellna għażla ta' persuni li dwarhom ikun hemm il-kunsens ta' kull naħa, almenu biex lil din il-kummissjoni nagħtuha l-kredibilita', il-persważjoni u l-moral authority li tant issemmiet bħala meħtieġa, anke mill-Ministru Bartolo? Dawn kienu l-kummenti li ridt nagħmel fuq xi wħud mill-aspetti ta' din il-mozzjoni u issa rrid nimxi pass ieħor 'il quddiem u, in parti, nagħmel forma ta' suġġeriment.
Jien inħoss li biex tkun tassew demokratika din il-kummissjoni trid toħroġ miċ-ċirku tan-nies involuti fl-edukazzjoni, cioe' mhux teskludi dawk l-oqsma kollha li għandna msemmijin fil-mozzjoni, imma li r-rappreżentanza tagħha għandha tkun mifruxa fuq livell nazzjonali mhux biss fis-sens ta' fehmiet imma anke fil-prestiġju, u allura jidhirli li kien ikun aħjar kieku fl-għażla tan-nies ikun hemm ukoll nies li huma ppreparati fl-ambjenti kulturali ta' pajjiżna bħal, per eżempju, esperti, awtoritajiet u personaġġi fil-qasam tal-media, liema mezz għandu influwenza kbira fuq l-edukazzjoni ta' wliedna. Hemm awtorita', per eżempju, fuq ir-reliġjon, fuq il-mużika, fuq l-arti - fis-sens l-iktar mifrux tagħha - jew inkella fuq il-qasam tax-xjenza? Jien ma nafx li hawn Malta għandna xjenzjati tat-tip li jagħmlu invenzjonijiet pero' m'għandix dubju li nsibu nies x'nagħżlu fil-qasam xjentifiku, kif ukoll mill-qasam ta' l-industrija. Il-Ministru Bartolo għamel enfasi partikolari dwar kemm hu mportanti li fix-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni jkollna l-kontribut tal-qasam ta' l-industrija u tat-teknoloġija industrijali . Fl-opinjoni tiegħi, dawn huma ħsebijiet li kienu jagħtu aktar awtorita' morali lill-kummissjoni.
Kultant ngħidu: Imma għalfejn noqogħdu nagħmlu dawn il-formalitajiet? Mhux veru li l-formalita' hi xi ħaġa artifiċjali għax ħafna drabi l-formalita' hija s-sustanza. Meta qegħdin nitrattaw dwar it-twaqqif ta' kummissjoni ta' din il-portata huwa importanti li din ikollha dik l-awtorita' morali. Pero' biex takkwista din l-awtorita' morali trid tgawdi r-rispett u r-rispett ma ġġibux billi tgħaddi l-liġi mill-Parlament imma r-rispett u l-fiduċja jinkisbu billi t-tibdil li tipproponi ma jiġix impost imma aċċettat, kif ukoll billi jkollok il-parteċipazzjoni ta' l-operaturi u ta' l-istakeholders fil-qasam ta' l-edukazzjoni. F'dan il-pajjiż għandna wisq attitudnijiet negattivi u nagħmlu wisq reżistenza għal kull tibdil li jiġi introdott fl-oqsma kollha taħt il-kappa tax-xemx. Jiena naħseb li għall-bidu kull soċjeta' tagħmel resistenza għal ċerti tibdiliet li jiġu proposti u allura la jiena naf b'dan id-difett psikoloġiku, b'dan l-element uman, għaliex ma nagħmilx sforz biex kemm jista' jkun niggarantixxi s-suċċess ta' l-operat ta' din il-kummissjoni billi nagħtiha l-appoġġ li jixirqilha!

L-Onor. Maria Camilleri l-ġimgħa l-oħra għamlet paragun bejn din il-kummissjoni u l-kumitat dwar il-future schools u qalet li dan ta' l-aħħar kien sar bla konsultazzjoni. Bir-rispett kollu lejn l-Onor. Camilleri, nixtieq ngħid li dan il-kumitat li kien ġie mwaqqaf mill-ex-Ministru Michael Falzon kien kumitat konsultattiv u ma kienx kumitat nazzjonali. Ladarba dan kien kumitat imwaqqaf biex jagħti pariri lill-ministru allura kien naturali li dan jinħatar mill-ministru u b'mod kif inhu l-aktar idoneu għalih. F'dan il-każ il-ministru ma kellux id-dmir li jiġi għall-approvazzjoni tal-Parlament. Dan il-kumitat kellu l-brief speċifiku li jħejji l-pedament għat-twaqqif ta' konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni li kienet intiża li ssir matul is-sena li qegħdin fiha. Hawnhekk jiena nixtieq li l-Ministru Bartolo jgħidilna xi ħsebijiet u x'intenzjonijiet għandu fuq il-konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni. Barra minn hekk, jekk din il-konferenza m'hijiex se ssir, il-Ministru għandu xi alternattiva valida li permezz tagħha l-bidliet li jkunu se jiġu implimentati kemm jista' jkun ikollhom parteċipazzjoni mifruxa fuq livell tassew nazzjonali? Meta tħares lejn il-persuni li kienu jikkostitwixxu dan il-kumitat kont issib ċertu bilanċ. Jiena ma rridx nagħmel xi kumment li jista' jinftiehem ħażin pero' l-ex-Ministru Falzon ma qalx li se jpoġġi xi sitta min-nies tal-qalba fuq dan il-kumitat, għalkemm jien ma naħsibx li kien ikun żbaljat kieku għamel hekk. Pero' mill-banda l-oħra, meta l-ex-Ministru ta' l-Edukazzjoni kien qed jaħtar dan il-kumitat kien meqjus fl-għażliet tiegħu tant li bbilanċjah b'opinjonijiet differenti. Dan il-kumitat ħejja rapporti li wrew livell ta' entużjażmu u, aktar minn hekk, l-input li ngħata miċ-chairman u mill-membri kien wieħed qawwi, immaġinattiv, impenjattiv u b'viżjoni għall-ġejjieni.


Sur President, jiena naħseb li ma kien hemm xejn x'wieħed seta' jikkritika f'dan il-kumitat, la fil-proċess tat-twaqqif u lanqas fl-operat tiegħu. Jiena m'iniex qed ngħid li l-operat ta' dan il-kumitat ġie kkritikat, anzi fid-diskors li għamel il-Ministru Bartolo esprima ħafna ħsebijiet li ssibhom fir-rakkmandazzjonijiet ta' dan il-kumitat
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Muscat, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension.
ONOR. ALFRED SANT: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. TONY ABELA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Muscat ikompli jitkellem. Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. RICHARD MUSCAT: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-membri kollha talli għoġobhom jestenduli l-ħin. Jekk il-metodu ta' twaqqif ta' dan il-kumitat konsultattiv ġie kkupjat fit-twaqqif ta' din il-kummissjoni nazzjonali, allura jien inżid li dan ma kienx il-mument opportun għaliex il-kelma "nazzjonali" u l-fatt din il-mozzjoni tressqet għall-approvazzjoni ta' dan il-Parlament jimplika li din il-kummissjoni għandha ċerta levatura. Jiena nosserva li din il-kummissjoni nazzjonali m'għandhiex il-bilanċ li wieħed jippretendi li għandu jkollha kif jixhed, bir-rispett kollu lejn il-persuna nvoluta, l-għażla taċ-chairman tagħha. Jien ma nimmaġinax li l-Ministru beża' jibbilanċja din il-kummissjoni u fil-fatt inħoss li l-attitudni tiegħu fuq dan is-suġġett għandha mumenti ta' ċerta availability, allavolja l-impronta tiegħu personali tidher wisq fuq il-mod li għandha taħdem bih din il-kummissjoni.
Sur President, nosserva wkoll li l-proċedura

li bih twaqqfet din il-kummissjoni hija nieqsa minn dak l-istess element ta' djalogu li kien jiddelitta bih il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni għax f'paġna 5 ta' "Iċ-Ċittadin l-Ewwel" insibu dawn il-preċiżi kelmiet dwar l-edukazzjoni pubblika:


"Fil-proċess ta' konsultazzjoni permanenti, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-programm ta' titjib, ir-rwol tal-gvern għandu jkun wieħed enerġiku u effettiv ..."
- ħallihom il-kliem "enerġiku u effettiv" għax dawn issibhom tista' tgħid f'kull paragrafu, pero' ma tispjegax eżattament xi jrid jgħid -
"... iżda mingħajr il-ħtieġa ta' atteġġamenti awtoritarji u paternalistiċi.".
Fil-fehma tal-kummissjoni li ħejjiet dan id-dokument għall-Malta Labour Party, il-Gvern Laburista għandu jirrikonoxxi t-tajjeb ta' dak li jkun sar taħt l-amministrazzjonijiet ta' qablu, jikkonsolida dawk il-kisbiet u jibni fuqhom. Dan huwa tajjeb u jien m'għandix dubju li l-Ministru Bartolo japprezza u jevalwa tajjeb dak li sar mill-Gvern preċedenti, imma mbagħad jibqagħli dak id-dubju meta fit-twaqqif ta' din il-kummissjoni ma sibtx l-istess ġenerożita' u attitudni li kien qed jipprospetta d-dokument dwar l-edukazzjoni li kien ġie mħejji mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni. Jiġifieri jidher li meta waqqaf il-kummissjoni l-Ministru qisu kellu xi second thoughts u qal: Stenna, mhux aħjar immur sal-Parlament ħalli lil din il-kummissjoni nagħtiha l-għarfien, il-formalita' u l-poter li għandha bżonn. Fil-fatt din il-kummissjoni twaqqfet u diġa' qed topera, anke jekk aħna għadna lanqas ivvotajna l-approvazzjoni tagħha għax milli jidher il-Ministru l-ewwel waqqafha u mbagħad ġieħ f'moħħu biex imur sal-Parlament għall-approvazzjoni biex b'hekk il-kummissjoni jkollha l-formalita' u l-poter li jeħtieġilha. Frankament dan kollu seta' sar b'aktar djalogu u b'metodu aktar adegwat u konvinċenti li sfortunatament ma jidhirx li saret għaliex il-Gvern għoġbu jimponiha fuq dan il-Parlament billi jużah bħala rubber stamp. Għaldaqstant il-mistoqsija tiegħi hi: L-Oppożizzjoni għandha taċċetta din il-logħba?
L-Oppożizzjoni tista' taqbel mal-konċett fih innifsu, imma xi ngħidu meta tkun taf li hemm proċeduri u għażliet li ma jikkonvinċux biżżejjed jew li addirittura jistgħu jagħtu lok anke għal suspett. Huwa veru li m'huwiex fair li naslu għal ċerti konklużjonijiet imgħaġġlin jew li minn issa nkantaw il-falliment ta' l-operat ta' din il-kummissjoni li għadha fil-magħmudija tagħha, iżda ma nistgħux ma nirreġistrawx l-inkwiet tagħna għall-mod kif qed isiru l-affarijiet. Din hi materja importanti u delikata ħafna għax fin-nofs hemm it-tagħlim ta' uliedna għall-ġejjieni u Allaħares nitbiegħdu minn dan l-objettiv. Huwa proprju dan li jrid janimana f'kull ħaġa li niddeċiedu u l-Oppożizzjoni testiġi li tiġi rrispettata f'dan ir-rigward. Forsi tgħidli li r-rispett trid tirbħu kuljum mhux biss il-kummissjoni jew il-Gvern jew il-Ministru li għandu r-responsabbilta' li jmexxi l-edukazzjoni, imma anke l-Oppożizzjoni. Ir-rispett ma tiksbux bħal xi ħaġa li tista' tixtriha għax taraha mill-vetrina imma r-rispett trid tirbħu kuljum u maż-żmien. U kif tagħmlu dan? Ir-rispett nirbħuh meta nuru li ma naċċettawx logħob ma' ċerti prinċipji, anke jekk dawn ikunu jittrattaw formalita' u proċedura, għax jekk f'dan il-każ li qed nittrattaw il-formalita' u l-proċedura jfissru s-sustanza allura aħna rridu ngħidu ċar u tond kif naħsbuha. Ir-rispett nirbħuh meta nuru li l-każ tagħna huwa tajjeb għax huwa bbażat fuq argumenti u raġunamenti tajbin. Ir-rispett nirbħuh meta nuru b'mod konkret li aħna nifhmu u napprezzaw is-serjeta' tal-mission statement ta' din il-kummissjoni u nuru d-disponibilita' tagħna li nerfgħu l-piż u r-responsabilita' tagħna biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin kif stabiliti fit-twaqqif ta' din il-kummissjoni. Dan hu l-ġid veru ta' uliedna. Iżda hawn jien nistaqsi: X'sinjali hemm min-naħa tal-Gvern għall-Oppożizzjoni f'dak li sar s'issa?
Sur President, jiena bdejt billi wrejt it-tħassib tiegħi fuq dan is-suġġett għax s-sinjali li rajna s'issa jindikaw li l-Ministru huwa kollox u ħadd ma jħabbatha miegħu. (Interruzzjonijiet) J'Alla m'huwiex hekk u lanqas irrid li jkun hekk, pero' kif jgħidu the proof of the pudding is in the eating, jiġifieri rridu naraw l-affarijiet kif se jimxu fil-prattika. L-uniku kriterju jidher li huwa l-fehma tal-Ministru u tant hu hekk li l-Ministru jiddeċiedi min jirrappreżenta lil min filwaqt li, kif diġa' għidt, il-fehma ta' l-Oppożizzjoni ma nsibuha fl-ebda stadju tal-proċess. Jiena nistaqsi: Aħna naqblu jew ma naqblux mal-mozzjoni? Imma din id-domanda hija waħda retorika għaliex ngħidu x'ngħidu xorta waħda se jibqa' għaddej kollox. Allura dan sewwa, Sur President? Dan huwa d-djalogu? Hekk issir kummissjoni nazzjonali li hija fuq bażi permanenti u b'responsabbiltajiet eżekuttivi? Wara kollox, kif spjega tajjeb l-Onor. Louis Galea l-ġimgħa l-oħra, huwa fl-interess tal-membri tal-kummissjoni stess li l-ħatra tagħhom tkun aċċettata possibbilment minn kulħadd. L-Onor. Galea qal ukoll li kważi kważi lanqas huwa fair għall-istess membri tal-kummissjoni li din ma tkunx imwaqqfa bi proċedura tali li huma jkollhom l-appoġġ ta' kulħadd biex b'hekk ikunu jistgħu jaħdmu aħjar, b'inqas pressjoni u kumplessi. Biex dawn jikkonvinċu, dawn l-ewwelnett iridu jirbħu l-fiduċja ta' ħaddieħor billi jkollhom l-appoġġ u l-koperazzjoni ta' l-istakeholders kollha fil-qasam ta' l-edukazzjoni u biex jiksbu dan l-appoġġ jenħtieġu li huma jiġu aċċettati bil-konvinzjoni u mhux bl-impożizzjoni jew bil-formalita' ta' mozzjoni parlamentari.
Sur President, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qed iħossu urtat b'dan il-metodu ta' impożizzjoni u qed iħossu li qed jiġi stmat bħallikieku hu xi partit li m'għandux fehmiet oħra x'joffri. Imma veru li dan il-partit, li għadu ġej minn disa' snin u nofs ta' tmexxija tal-pajjiż, m'għandux x'joffri? Bil-mod kif ġiet ittrattata l-Oppożizzjoni qisu li dan huwa xi partit żgħir li m'għandu xejn x'jgħid u li jgħid x'jgħid xorta se jibqgħu mexjin. Qisu l-Partit Nazzjonalista huwa xi partit li m'għandux jew li ma' kellux proġetti li diġa' kienu bdew jiġu mwettqa sa l-aħħar tal-gvern li tlifna f'Ottubru li għadda. Jiena ngħid li l-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni għandu x'jikkontribwixxi u dan huwa dmir li għandu u lest li jagħmlu. Aħna ta' din in-naħa f'idejna għandna rapporti dwar inizjattivi li ħa l-Gvern Nazzjonalista biex il-qasam ta' l-edukazzjoni jkun jista' jħejji ruħu bis-serjeta' għas-seklu l-ġdid u aħna rridu naraw dawn l-inizjattivi jkomplu jiġu mseddqa u mtejba.. Aħna m'aħniex ngħidu li dak li sar fi żmien il-Gvern preċedenti sar mingħajr difetti anzi wieħed ikun korrett jekk jgħid li kien hawn ħafna problemi pero' fl-istess ħin ittieħdu diversi inizjattivi tajbin f'diversi oqsma biex l-affarijiet jitjiebu. Il-Ministru Bartolo qed jgħidli li dan jirrikkonoxxih għalkemm dan forsi ma kienx daqstant rikonoxxut mill-Onor. Maria Camilleri li aktar għamlet enfasi fuq il-problemi li jeżistu. Jiena m'għandix dubju li anke l-istess Ministru qiegħed jara li f'dak li jagħmel ikun hemm persuni li kapaċi jagħtu kontribut.
Sur President, jien m'hemmx għalfejn noqgħod nidħol f'ħafna dettall f'dan il-kontest għaliex f'pubblikazzjoni li kienet ħarġet xahar qabel l-elezzjoni bl-isem "New Initiatives in Education for 1996\97" insibu lista sħiħa ta' inizjattivi li kienu ttieħdu. Per eżempju, hemmhekk insibu l-proġett ta' information technology fl-iskejjel primarji, ir-riforma fil-curriculum - li diġa' bdiet - il-programm ta' "Skola Sajf" li kien suċċess, il-programm tal-parenting skills, il-konferenza nazzjonali ta' l-edukazzjoni permezz tal-future schools li għadni kif semmejt u l-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea Leonardo, Socrates u l-Youth for Europe III. Jiena ngħid li jekk dawn it-tliet programmi li semmejt l-aħħar jintilfu minħabba l-iffriżar tal-proċess ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea allura dak ikun veru dnub għaliex iż-żgħażagħ tagħna kienu diġa' daħlu fl-istruttura ta' dawn it-tliet programmi ta' l-Unjoni Ewropea u konna diġa' waqqafna l-aġenziji nazzjonali biex iħejju l-programmi tagħna ħalli żgħażagħ Maltin jibdew igawdu minnhom minn din is-sena stess.
Sur President, din il-biċċa tal-friża ta' l-applikazzjoni tagħna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija l-inkwiet ta' l-Oppożizzjoni u tal-maġġoranza tal-Maltin. Din tal-friża m'hijiex xi preċedent għall-gvernijiet Laburisti u meta daħlet dejjem kellha riżultati sfortunati. Meta kellna l-friża ta' l-intellettwali batew l-istudenti għaliex l-Universita' kienet spiċċat ristretta biss għal dawk il-ftit studenti fortunati li jsibu min jagħtihom sponsorship u dan barra li ħafna mill-fakultajiet kienu ġew sospiżi. Imbagħad kienet ġiet il-friża tas-salarji li damet sejra ħafna snin u li minna bata l-but tan-nies kif ukoll l-għażla fix-xiri tal-prodotti, biex wara kollox l-għoli tal-ħajja xorta ma ġietx imrażżna. Issa li ffriżajna l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-ewwel nies li se jbatu huma proprju dawk iż-żgħażagħ li diġa' kienu se jibdew igawdu permezz ta' programmi, bħalma huma dawk ta' Leonoardo, Socrates u Youth for Europe III.
Inizjattivi oħra li jissemmew f'din il-pubblikazzjoni li semmejt huma l-policy dwar id-drug education fuq livell nazzjonali, iċ-child abuse policy, il-lowering of support teaching from year 3 to year 2 fl-iskejjel primarji - li tieħu ħsieb il-problema ta' l-analfabetiżmu u ta' problemi oħrajn - kif ukoll l-ispecial education fejn diġa' kellna l-bidu ta' ftehim ma' l-Eden Foundation. Kumbinazzjoni fil-mistoqsijiet parlamentari tal-lum tkellimna dwar dan is-suġġett fiwaqt li nhar il-Ġimgħa kelli x-xorti nkun preżenti għall-attivita' li organizzat din il-fondazzjoni fl-Imdina għat-tfal ta' l-iskejjel tal-kindergarten, fejn bħala mistieden prinċipali kien hemm il-Ministru Bartolo. Għalkemm jiena kelli rwol ferm inqas minn tal-Ministru xorta waħda ħadt pjaċir li kelli l-opportunita' li nieħu din l-esperjenza u din l-emozzjoni personali. Waqt din l-attivita' jien rajt li l-mixja lejn l-integrazzjoni u l-interattivita' fil-kamp ta' l-edukazzjoni, anke minn etajiet tant żgħar, kienet waħda ħajja u li tat riżultati u jien m'għandix dubju li l-Ministru, kemm bil-preżenza tiegħu kif ukoll bil-ħeġġa li wera fid-diskors li għamel, jemmen li dan huwa suġġett li se jkompli jkun fl-aġenda prijoritarja tiegħu.
F'dan il-programm ta' inizjattivi kien hemm ukoll dawk ta' l-early literacy u tal-bini ta' skejjel ġodda. Jiena m'iniex se nsemmi inizjattivi oħrajn għaliex inkella ma nispiċċa qatt pero' ngħid biss li l-istess rapport, li kien intiż biex iħejji għall-konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni, ttratta ħafna s-suġġett ta' l-iskola bħala komunita' għat-tagħlim fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għandhom iħossuhom tajbin fiżikament, emottivament

intelletwalment, kulturalment u moralment. Hekk trid tkun l-iskola u f'dan il-kontest id-diskors tal-Ministru huwa wkoll apprezzament lejn il-mixja f'din id-direzzjoni. Id-dokument "Tomorrow's Schools" ittratta wkoll dwar ir-rwol ta' l-edukaturi u l-curriculum għaliex dawn flimkien mat-tagħlim innifsu bilfors iridu jimxu flimkien.


Sur President, kif qiegħed fuq dan is-suġġett, nixtieq nerġa' nqanqal is-suġġett ta' l-iskola f'Ta' Paris, Birkirkara. Il-Ministru jaf li dwar dan is-suġġett saru mistoqsijiet parlamentari minn għallinqas ħames deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, inkluż jiena. Aħna staqsejna x'se jiġri u kif ġew ikkonsultati l-ġenituri dwar dan għaliex minkejja li wasalna fl-aħħar tas-sena skolastika jidher li dawn m'humiex sodisfatti bil-konsultazzjonijiet li kellhom. Jiena nistaqsi: Saru dawn il-konsultazzjonijiet? Jekk dawn saru, kif qed nispjegaw lill-ġenituri dak li qed jiġri?
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Bartolo, bil-permess ta' l-Onor. Muscat.
ONOR. EVARIST BARTOLO: Kulma nixtieq ngħid fir-rigward ta' l-iskola li semma l-Onor. Richard Muscat huwa li din l-amministrazzjoni baqgħet timxi fuq deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni preċedenti.
ONOR. RICHARD MUSCAT: Jiena napprezza din ir-rimarka tal-Ministru pero' l-punt li qiegħed inqanqal m'huwiex jekk dawn it-tibdiliet bdewx mill-Gvern preċedenti jew le imma l-punt huwa li sal-lum, jiġifieri lejlet l-għeluq tas-sena skolastika, il-ġenituri tat-tfal ta' din l-iskola għadhom ma ħadux sodisfazzjon bit-tweġibiet li qegħdin nagħtuhom. Aħna rridu li qabel ma tagħlaq l-iskola nagħtu tweġiba konvinċenti li sserraħ ras dawn il-ġenituri. Dan huwa l-punt li rrid inqanqal u fil-winding up il-Ministru forsi jista' jieħu l-opportunita' biex jirrispondi dwaru.
Sur President, meta aħna qegħdin inħarsu lejn l-isfidi tal-millenju l-ġdid u meta aħna qegħdin infasslu l-curriculum għat-fal tagħna rridu ndaħħlulhom f'rashom ċerti konċetti, bħalma huwa l-konċett tax-xogħol, dritt għal kull individwu. Imma l-ġenerazzjonijiet li telgħin qed jistennew li x-xogħol m'għandniex nippreżentawh bħala dritt ta' l-individwu li f'sistema produttiva qed jieħu l-paga talli jagħmel xogħol produttiv, imma jridu li x-xogħol nippreżentawh f'kontest li x-xogħol jagħti responsabbilta' lil dak li jkun biex jieħu l-opportunitajiet li s-soċjeta' tkun qiegħda tħejjilu u tippreżentalu. Huwa veru li l-konċett tax-xogħol bħala dritt irridu nkompluh, imma minflok ma' dan id-dritt ikun kif nafuh illum ikun aktar bħala sfida u bħala sens ta' responsabbilta' li għandu kull ċittadin li jaħtaf l-opportunita' li tiġih u li jagħmel minnu karriera biex b'hekk mhux biss ikun responsabbli lejh innifsu imma anke lejn is-soċjeta' ta' madwaru.
It-teknoloġija tal-komunikazzjoni wkoll qiegħda tagħti appoġġ akbar lill-edukazzjoni permezz tat-tagħlim fuq l-internet li jinvolvi prattikament nies minn madwar id-dinja. Din hija esperjenza ta' tagħlim stimulanti għax it-teknoloġija interattiva tagħha tingħoġob ħafna mit-tfal għax dawn diġa' huma familjari ma' programmi simili permezz tat-television. Hemm ukoll it-teknoloġija ta' l-informazzjoni ikf ukoll it-teknika tal-ħsieb kritiku li huwa bżonnjuż ħafna għax bil-volum kbir ta' informazzjoni li qed nirċievu jeħtieġ li jkollna l-kapaċita' li nagħmlu assessment tajjeb ta' dik l-informazzjoni. Dawn huma konċetti li nistgħu insejħulhom forward looking għax se jkunu parti mid-diskussjonijiet li se jkollha s-soċjeta' Maltija minn hawn u ftit snin oħra. Sfortunatament hemm ukoll l-iżvantaġġi għaliex illum dawk li huma għażżenin u ma jridux jistudjaw jew li ma jridux jagħmlu riċerka qed isibuha faċli li jikkopjaw il-homework tagħhom minn fuq l-internet. Per eżempju, jekk ikollhom composition dawn kemm jidħlu fl-internet, isibu s-suġġett mill-katalgu interminabbli li hemm u minn hemm jistgħu faċilment jikkopjaw dak li jridu u allura jkomplu jitgħażżnu.
THE DEPUTY SPEAKER: Onorevoli se jkolli ninterrompik għax sar il-ħin għall-aġġornament. Tibqa' in possession?
ONOR. RICHARD MUSCAT: Iva, nibqa' in possession.
THE DEPUTY SPEAKER: Nistieden lill-Ministru Mizzi biex jekk jogħġbu jressaq l-aġġornament tal-Kamra.


Yüklə 0,55 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2020
rəhbərliyinə müraciət

    Ana səhifə